Tkellem Bi Qlubija
1 Matul dawn l-aħħar snin pubblikaturi f’xi nħawi qegħdin isibuha diffiċli iktar minn qatt qabel li jitkellmu man-nies fid-djar tagħhom. Ħafna jirrapportaw li fit-territorju tagħhom iktar minn 50 fil-mija tan-nies li ma jkunux id-dar meta jsiru żjajjar minn dar għal dar. Bħala riżultat, ħafna mill-ħin imqattaʼ ma jagħtix frott.
2 Snin ilu ħafna nies kont tistaʼ ssibhom id-dar nhar taʼ Ħadd, li ġeneralment kienu jħarsu lejh bħala jum taʼ mistrieħ. Id-drawwiet inbidlu. Huwa komuni llum li n-nies jaħdmu f’xogħlijiet sekulari, jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja bħal xiri, jew jieħdu sehem f’rikreazzjoni, li wkoll jeħodhom ’il bogħod mid-dar. Mela saħansitra fil-Ħdud, li nsibu nies minn dar għal dar sar problema.
3 Meta n-nies ma jkunux id-dar, bilfors ifisser li qegħdin x’imkien ieħor. Peress li l-mira tagħna hija li nitkellmu man-nies, għala ma nitkellmux maʼ dawk li niltaqgħu magħhom—fit-triq, fis-suq, jew fuq il-post tax-xogħol? Kienet id-drawwa taʼ Pawlu li jmur fuq “dawk li kienu jinzertaw hemmhekk” biex jagħtihom xiehda. (Atti 17:17) Din uriet li kienet forma produttiva t’għoti taʼ xiehda dak iż-żmien, u hija forma produttiva t’għoti taʼ xiehda fi żmienna.
4 Meta mmorru minn dar għal dar, taʼ spiss naraw nies għaddejjin mhux mgħaġġlin jew forsi qegħdin jistennew lil xi ħadd. Meta tkun ġurnata sabiħa, forsi jkunu bil-qiegħda fuq bank fi ġnien jew isewwu jew jaħslu l-karozza tagħhom. Tbissima taʼ ħbiberija u merħba minn tagħna jistgħu jkunu dak kollu li neħtieġu biex nibdew konversazzjoni. Jekk jgħixu fil-qrib, nistgħu saħansitra ngħidulhom li x’aktarx li ħabbatnielhom u ma sibnihomx id-dar u issa ferħanin li għandna din l-opportunità li nkellmuhom. Billi ħadu l-inizjattiva f’li juru ftit iktar qlubija, ħafna gawdew esperjenzi premjanti.
5 Il-Qlubija Ġġib Riżultati: Wieħed ħu qal li hu jmur fuq in-nies li qegħdin weqfin, jistennew xi karozza tal-linja, għaddejjin passiġġata, jew bil-qiegħda fil-karozza tagħhom. Bi tbissima ħelwa u vuċi ferriħija, hu jagħmilha taʼ ġar minn tagħna li sempliċement irid jgħid kelma. B’dan il-mod mhux talli ħalla ħafna letteratura imma beda wkoll diversi studji tal-Bibbja.
6 Ħu ieħor u l-mara tiegħu kienu qegħdin iżuru minn dar għal dar meta ltaqgħu maʼ waħda mara li kienet għaddejja ġġorr ġewlaq kbir tax-xirja. Huma bdew konversazzjoni, billi faħħruha għall-għaqal tagħha f’li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja tagħha. “Imma min,” huma staqsew, “jistaʼ jipprovdi l-bżonnijiet taʼ l-umanità?” Dak qanqal l-interess tal-mara. Konversazzjoni qasira wasslet għal stedina fid-dar tagħha, fejn ġie mibdi studju tal-Bibbja.
7 Mela d-darba li jmiss li tkun qiegħed tagħti xiehda minn dar għal dar, kemm jekk il-Ħadd u kemm fost il-ġimgħa, u ssib li n-nies ma jkunux id-dar, għala ma turix ftit iktar qlubija u titkellem man-nies li tiltaqaʼ magħhom—fit-triq jew x’imkien ieħor? (1 Tess. 2:2) Jistaʼ jkollok ministeru iktar produttiv, u se tesperjenza iktar ferħ fis-servizz tiegħek.