Nagħmlu Użu Effettiv Minn Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
1 Kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb minn din il-pubblikazzjoni? Hemm ħafna karatteristiċi sbieħ li jolqtu l-għajn u l-qalb: l-ordni kronoloġiku tiegħu, it-tipa kbira, il-ħafna stampi, l-istil li bih tistaʼ tgħallem lilek innifsek, u l-istejjer qosra tiegħu. Dawn nistgħu nużawhom biex ngħinu lil kulħadd.
2 Il-valur taʼ tagħlim li hemm fl-istampi tal-ktieb huwa tabilħaqq kbir, u juri kemm huwa veru meta jgħidu, “Stampa tiswa daqs elf kelma.” “It-tifel tagħna ma jiqafx iħares lejn l-istampi waqt li naqrawlu,” jikteb ġenitur. “Aħna mistagħġbin kif l-istampi jgħinuh jiftakar l-istejjer b’mod daqshekk ċar.”
3 Kif jistaʼ jiġi ppreżentat b’mod effettiv il-ktieb Stejjer mill-Bibbja? Jiddependi ħafna minnek u minn kif tħossok int dwar il-ktieb. Għala tħoss li huwa taʼ valur? Għid lil oħrajn bil-ħeġġa u b’mod konvinċenti kif tħossok int dwaru.
4 Meta tkun qiegħed titkellem maʼ l-inkwilini, wara li tkun introduċejt ruħek, tistaʼ tgħid: “Qegħdin naqsmu man-nies xi ħaġa li huma verament japprezzaw. Huwa dan il-ktieb sabiħ, Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. Forsi int ġie li ħsibt dwar it-tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn.” Imbagħad mur fl-Ewwel Taqsima u aqra l-ewwel paragrafu taħt it-titlu “Mill-Ħolqien sad-Dulluvju.” Wara dan, iġbed l-attenzjoni lejn l-istampi fl-1 u fit-2 storja fil-paġni li jmiss u agħmel kummenti xierqa. Jekk l-inkwilin juri interess ġenwin tistaʼ toffri li tħalli l-ktieb waqt li tieħu l-ħin biex tispjega kif inhu ffinanzjat ix-xogħol tagħna madwar id-dinja, jekk l-inkwilin jistaqsi.
5 Preżentazzjoni oħra li ġiet użata b’suċċess hija, “Il-ġurnata t-tajba. Bħala l-ġar tiegħek huwa taʼ ferħ għalija li nġiblek aħbar tajba. Ħafna minna ġarrabna t-telfa taʼ xi ħabib intimu jew xi qarib fil-mewt. Forsi int ġie li ħsibt x’setaʼ sar minnhom uħud bħal dawn u wkoll jekk hemmx xi tama għalihom.” (Ħalli ħin għal risposta.) Mur fi storja 92, billi tindika l-istampa li turi x’kien qiegħed jagħmel Ġesù. Imbagħad aqra l-aħħar paragrafu fl-istorja. Ikkonkludi billi tgħid: “Dan il-ktieb huwa maħsub kemm għaż-żgħar u kemm għall-kbar. Jgħinna lkoll napprezzaw iktar l-imħabba li għandu Alla għalina u kemm jimpurtah minna. Tixtieq taqrah?” Imbagħad offri kopja u ftiehem biex terġaʼ tmur ħalli tibni fuq l-interess li jkun ġie muri.