Fittex Lil Dawk Li Huma Disposti Sewwa
1 Wieħed mill-iskopijiet tax-xogħol taʼ l-ippridkar huwa li nsibu lil dawk li huma “disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) It-tqassim tar-rivisti It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! wera li kien mod mill-aqwa biex jintlaħaq dan, peress li l-ġurnali tagħna jagħmlu lin-nies konxji tat-tama tas-Saltna. Aħna se nkunu noffru r-rivisti matul April. Nittamaw li, fejn insibu interess, inkunu nistgħu nibdew studji tal-Bibbja ġodda bil-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art. Dawn li ġejjin huma xi ftit suġġerimenti li int tistaʼ ssibhom tajbin għalik:
2 Meta tkun qiegħed tuża “It-Torri Taʼ L-Għassa” tal-1 t’April, int tistaʼ turi “Faħħru Lis-Sultan Taʼ L-Eternità!,” li jiffoka fuq it-taħdita pubblika fil-konvenzjoni distrettwali tas-sena li għaddiet, u tgħid:
◼ “Ħafna nies li nitkellmu magħhom għandhom fidi f’Alla. Oħrajn isibuha diffiċli li jemmnu fih. Int kif tħossok? [Agħti ħin għal tweġiba.] Aħna mdawrin b’evidenza reali li tagħti prova li bilfors hemm Alla. [Aqra Salm 104:24.] Meta naraw kamera tar-ritratti jew kompjuter, mill-ewwel nirrikonoxxu li dawn bilfors għamilhom xi disinjatur intelliġenti. Ikun raġonevoli li ngħidu li affarijiet ħafna iktar komplessi, bħalma hija l-art u aħna l-bnedmin, ġejna b’kumbinazzjoni?” Uża paragrafu mill-artiklu biex turi raġuni soda għala għandna nemmnu f’Alla. Jekk jintwera interess, offri r-rivisti.
3 “It-Torri Taʼ L-Għassa” tal-1 taʼ Mejju fih l-artiklu “Għala L-Vera Qima Tirċievi L-Barka T’Alla.” Qabel ma toffrih, tistaʼ tgħid:
◼ “Meta tqis il-mijiet taʼ reliġjonijiet li jeżistu fid-dinja, taħseb int li dawn kollha jistgħu jkunu aċċettabbli għal Alla? [Agħti ħin għal kumment.] Ġesù bassar li, minkejja l-istqarrijiet taʼ ħafna nies reliġjużi, dawk li ma jagħmlux ir-rieda t’Alla kienu se jiġu mwarrbin. [Aqra Mattew 7:21-23.] Huwa importanti li nidentifikaw il-vera reliġjon mgħallma minn Ġesù.” Sib is-sottitlu “Liema Frott Trid Tipproduċi L-Vera Reliġjon?,” li jibda f’paġna 11, u iddiskuti eżempju wieħed biex tispjega l-punt.
4 Meta tkun qiegħed turi s-suġġett prinċipali fil-ħarġa taʼ l-“Awake!” tat-22 t’April, “When Wars Will Be No More,” forsi titħajjar tgħid:
◼ “F’dan is-seklu kien hemm mijiet taʼ gwerer, inklużi ż-żewġ gwerer dinjin. Madankollu, kważi l-mexxejja tad-dinja kollha jgħidu li jridu l-paċi. Kull min naf jien jgħid l-istess ħaġa. Jekk kulħadd irid il-paċi, għala ma jistgħux jiksbuha? [Agħti ħin għal tweġiba.] X’taħseb int li hemm bżonn biex naraw paċi vera fuq l-art?” Wara t-tweġiba taʼ l-inkwilin, sib paġni 8 u 9 u aqra testi bħalma huma Salm 46:8, 9. Billi tuża l-istampi u l-iskritturi kkwotati, uri kif is-Saltna t’Alla se ġġib paċi dinjija li se tibqaʼ għal dejjem. Imbagħad staqsi lill-inkwilin jekk jixtieqx jaqra r-rivista, u ftiehem biex terġaʼ tmur.
5 Jekk issib ħafna li jgħidulek li għandhom x’jagħmlu, int forsi tixtieq tipprova din:
◼ “Aħna interessati li ngħinu lil dawk in-nies li għandhom ħafna x’jagħmlu u li jsibu ftit ħin biex jirriflettu fuq l-aspett spiritwali tal-ħajja. Il-ġurnali tagħna, It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake!, huma maħsubin biex jipprovdu informazzjoni fi ftit kliem dwar kwistjonijiet importanti li jeffettwaw lilek u lill-familja tiegħek. Nixtieq inħalli dawn il-kopji miegħek biex taqrahom.”
6 Kun ċert li tispjega kif inhu ffinanzjat ix-xogħol madwar id-dinja jekk l-inkwilin jistaqsi. Huma żgur li se jibbenefikaw mill-qari taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake!, li jġibu “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.”—Isa. 52:7.