Għallem Lil Oħrajn Dak Li Alla Jirrikjedi
1 Għadna nistgħu nsibu ħafna nies li ġew imċaħħdin spiritwalment mis-“smigħ tal-kliem taʼ Jehovah.” (Amos 8:11) Fil-waqt li xi wħud jemmnu li Alla jeżisti, dawn m’humiex konxji taʼ l-iskop u l-ħtiġijiet tiegħu. B’hekk, hemm bżonn li ngħallmuhom il-verità tas-Saltna li ssalva l-ħajja. Billi nkunu mgħammrin u lesti kif jixraq biex nagħtu xiehda f’kull opportunità, nistgħu nilħqu lil dawk li jridu jkunu jafu x’jeħtieġ Alla.
2 Matul April u Mejju, se jkollna ħarġiet verament f’waqthom x’inqassmu taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u Stenbaħ! bil-Malti u bl-Ingliż. Flimkien maʼ dan, għall-ewwel darba, se noffru l-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? L-istampi li jolqtu l-għajn u l-mistoqsijiet tiegħu li jqanqlu l-ħsieb jagħmlu lil dan il-brochure jappella lil ħafna. Is-suġġerimenti li ġejjin huma offruti biex jgħinuna nużaw il-pubblikazzjonijiet eċċellenti tagħna bl-aħjar mod.
3 Infittxu Lin-Nies: F’inħawi fejn ħafna nies ma jkunux hemm meta nżuruhom minn dar għal dar, qiegħed jidher taʼ benefiċċju li nfittxu n-nies u nitkellmu magħhom kulfejn nistgħu nsibuhom. L-insert taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Settembru 1996 inkuraġġietna biex inxandru l-aħbar tajba kullimkien—fit-triq, fuq tal-linja, u fil-ġonna, fejn jipparkjaw il-karozzi, u f’postijiet tan-negozju. Dan għamilna wkoll konxji tal-bżonn li noħolqu opportunitajiet biex nippridkaw b’mod informali. Bħala eżempju taʼ dan, waħda oħt pijuniera marret iż-żoo u ħadet magħha provista taʼ l-Awake! tat-8 t’Awissu, 1996, bis-serje “Endangered Species—Why Be Concerned?” (Speċi Fil-Periklu—Għala Nkunu Mħassbin?) F’temp taʼ siegħa, ħalliet 40 kopja maʼ nies li jirrispettaw u jħobbu l-annimali! X’suċċess gawdejt int s’issa f’li tippriedka l-aħbar tajba kullimkien? It-Torri Taʼ L-Għassa u Stenbaħ! kif ukoll il-brochure X’Jirrikjedi huma addattati b’mod speċjali għal kull għamla taʼ għoti taʼ xiehda, għax dawn fihom informazzjoni li teffettwa l-ħajjiet tan-nies u li tistimula l-abbiltà tal-ħsieb.
4 Nibdew Konversazzjonijiet: Il-paġna taʼ wara taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna t’Ottubru 1996 tagħti dettalji dwar kif tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek stess għar-rivisti It-Torri Taʼ L-Għassa u Stenbaħ! L-istess suġġerimenti se jkunu daqstant tajbin meta tkun qiegħed tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek għall-brochure X’Jirrikjedi. Dak li ngħidu jistaʼ jkun xi ħaġa żgħira daqs ftit sentenzi jew twil biżżejjed biex ninkludu xi ħsieb Skritturali. Huwa importanti li nagħżlu l-kliem tal-ftuħ bil-għaqal, peress li dan jistaʼ jiddetermina jekk il-persuna li tavviċina hijiex se tkompli tismaʼ. Xi wħud kellhom suċċess b’dan il-kumment tal-ftuħ: “Qrajt artiklu li kien inkuraġġanti għalija, u nixtieq naqsmu miegħek.” Jew tistaʼ titqajjem mistoqsija interessanti biex iddaħħal lill-persuna l-oħra f’konversazzjoni.
5 Jekk dan jgħodd għall-inħawi fejn toqgħod, tistaʼ tipprova tistaqsi xi mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin fil-preżentazzjonijiet tiegħek taʼ dan ix-xahar:
◼ “Sirna naraw wisq tħażżiż mal-ħitan, skart, u tniġġis. X’hemm bżonn biex titnaddaf l-art u ssir post aħjar fejn ngħixu?” Agħti ċans għal tweġiba, u mbagħad spjega li għandek xi informazzjoni li tassigurana dwar kif u meta l-art se ssir ġnien globali. Aqsam maʼ l-individwu xi kumment speċifiku, xi skrittura żgħira, u xi stampa kkulurita minn rivista kurrenti, u mbagħad offrih lill-individwu biex jaqrah. Jekk l-inkwilin jistaqsi dwar il-ħlas, semmi li ħafna li jieħdu pjaċir jaqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna joffru donazzjoni, u li bil-qalb kollha nużawha għax-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja. Qabel ma ttemm il-konversazzjoni, ipprova rranġa biex tkompliha darb’oħra.
◼ “Taħseb int li Alla ried li aħna ngħixu mdawrin bi problemi bħal dawk li qegħdin niffaċċjaw illum il-ġurnata?” Wara li l-persuna twieġeb, tistaʼ tgħid: “X’aktarx li int familjari mat-talba li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu, meta jgħidu ‘tiġi Saltnatek.’ Qatt ħsibt x’inhi verament is-Saltna t’Alla?” Mur f’lezzjoni 6 fil-brochure X’Jirrikjedi, u aqra l-mistoqsijiet imqajmin fil-bidu tal-lezzjoni. Imbagħad, hekk kif taqra paragrafu 1, uri t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija. Spjega li l-bqija tal-mistoqsijiet huma mwieġba b’mod daqstant konċiż. Offri l-brochure, semmi l-arranġament tad-donazzjonijiet jekk l-inkwilin jistaqsi dwar il-ħlas, u offrilu li terġgħu tiltaqgħu biex tagħtih iktar informazzjoni dwar is-Saltna.
◼ “Ħafna nies li jaħsbu qegħdin jibdew iħarsu lejn ir-reliġjonijiet tad-dinja bħala l-kaġun tal-problemi tal-bniedem minflok ma huma s-soluzzjoni. X’taħseb int dwar dan?” Wara li tagħti widen għal kif jaħsibha l-individwu, urih xi ħaġa minn waħda mir-rivisti kurrenti li tistaʼ tattira l-interess tiegħu dwar il-falliment tar-reliġjon falza jew dwar ir-rovina li riesqa tagħha. Staqsih jekk jixtieqx jaqrah. Għidlu x’jismek u staqsih x’jismu, u offrilu biex terġgħu tiltaqgħu sabiex tkun tistaʼ tispjegalu kif il-vera reliġjon ma naqsitx lill-umanità. Kulmeta tqum l-okkażjoni, spjega kif dak li juri interess jistaʼ jagħti donazzjoni żgħira.
◼ “B’daqshekk problemi fil-ħajja tal-familja llum, qatt ħsibt dwar x’inhu s-sigriet taʼ kif wieħed jikseb l-hena fil-familja?” Stenna għal risposta, u spjega li fil-Bibbja, Alla jirrivela s-sigriet veru taʼ l-hena fil-familja. Forsi tistaʼ taqra Isaija 48:17. Imbagħad mur f’lezzjoni 8 tal-brochure X’Jirrikjedi, u irreferi għal xi ftit mill-versi Bibliċi ċċitati li jipprovdu gwida li wieħed jistaʼ jorbot fuqha għal kull membru tal-familja. Aqra l-lista taʼ mistoqsijiet fil-bidu tal-lezzjoni. Staqsi jekk l-individwu jixtieqx jaqra t-tweġibiet. Jekk iva, agħtih il-brochure. Jekk l-inkwilin jistaqsi dwar kif inhu ffinanzjat ix-xogħol tagħna int tistaʼ tispjegalu li naċċettaw donazzjonijiet modesti biex jgħinu fix-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja. Offrilu li terġaʼ tmur darb’oħra biex tagħtih iktar mill-gwida prattika li fiha l-Bibbja għal ħajja tal-familja hienja.
6 L-insert f’Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Marzu 1997 inkuraġġietna biex nuru l-qlubija f’li nagħmlu żjajjar lura. Ġejna rrikmandati li nużaw il-brochure X’Jirrikjedi biex nibdew studji tal-Bibbja, jekk mhux fl-ewwel żjara, allura fiż-żjara taʼ wara. L-akbar bżonn taʼ l-umanità huwa li titgħallem x’jeħtieġ Alla u li mbagħad tagħmlu. (Kol. 1:9, 10) Oħrajn se jibbenefikaw bil-kbir matul April u Mejju jekk aħna nistgħu nibdew ngħallmuhom dak li nafu dwar il-ħtiġijiet taʼ Jehovah għall-ħajja.—1 Kor. 9:23.