Ġenituri—Ħarrġu Lil Uliedkom Biex Jippridkaw
1 Il-kongregazzjonijiet tagħna huma mberkin b’ħafna tfal li għandhom xewqa sinċiera li jaqdu ’l Alla. (Koħ. 12:1) Dawn huma inklużi maʼ dawk mistednin minn Jehovah biex jieħdu sehem f’li jfaħħruh. (Salm 148:12-14) B’hekk, it-taħriġ li l-ġenituri jagħtu minn jum għal jum lil uliedhom għandu jinkludi struzzjoni fuq kif jaqsmu l-fidi tagħhom m’oħrajn fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.—Dewt. 6:6, 7.
2 Ħarrġu Lit-Tfal B’Passi Progressivi: It-tfal jistħoqqilhom li jiġu mħarrġin minn età żgħira ħafna biex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom fil-ministeru. Qabel ma tmorru fis-servizz, ħejju lil uliedkom biex jipparteċipaw b’mod taʼ fejda. Iddeterminaw minn qabel dak li triduhom jagħmlu fuq il-bieb. Tfal żgħar ħafna jistgħu jqassmu xi fuljetti jew karti u jistiednu lin-nies għas-Sala tas-Saltna. Uħud żgħar li jaqraw tajjeb jistgħu jiġu mistednin biex jaqraw l-iskritturi waqt li jkunu fil-bieb. Jistgħu joffru r-rivisti, billi jużaw preżentazzjoni qasira. Hekk kif jiksbu l-esperjenza, ħarrġuhom biex jużaw il-Bibbja fil-preżentazzjoni tagħhom. Ħafna pubblikaturi żgħar bdew rotot bir-rivisti huma stess u jagħmlu żjajjar lura regulari. Ikun aħjar jekk tifel jew tifla jaħdmu maʼ xi adult minflok maʼ xi ħadd ieħor taʼ mparhom. L-adult jistaʼ jispjega lill-inkwilin li ċ-ċkejken qiegħed jiġi mħarreġ fil-ministeru.
3 Tifla ċkejkna staqsiet lill-anzjani għall-għajnuna tagħhom sabiex tkun tistaʼ tikkwalifika bħala pubblikatriċi tas-Saltna. Saħansitra minkejja li dak in-nhar din kellha biss ħames snin u ma kinitx taf taqra, kienet kapaċi tippreżenta l-messaġġ tas-Saltna b’mod effettiv minn bieb għal bieb. Hi kienet iżżomm f’moħħha fejn kienu l-iskritturi, kienet tqalleb għall-post fejn jinsabu, tistaqsi lill-inkwilin biex jaqrahom, u mbagħad tagħti l-ispjegazzjoni.
4 It-tfal għandhom jiġu mgħallmin ukoll permezz taʼ l-eżempju tal-ġenituri l-valur taʼ li wieħed ikollu skeda tajba biex jieħu sehem regolarment fil-ministeru. Il-ġenituri għandhom bżonn jistabbilixxu rutina taʼ kull ġimgħa konsistenti u jżommu magħha, sabiex it-tfal ikunu jafu liema parti tal-ġimgħa hija dejjem imwarrba għax-xogħol taʼ l-ippridkar.
5 Meta t-tfal jiġu mħarrġin minn età tenera biex iħobbu u jgawdu l-ministeru, dawn se jiġu mqanqlin biex fil-futur jimmiraw lejn privileġġi akbar, u forsi inkluż is-servizz taʼ pijunier. (1 Kor. 15:58) Ilkoll kemm aħna għandna ninkuraġġixxu lit-tfal li hemm fostna biex jagħmlu progress bħala wħud li jfaħħru lil Jehovah.