Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom minn Ċkunithom
1 “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” (Prov. 22:6) Ġenituri, jekk ma tridux li wliedkom ‘joħorġu’ mit-triq tal-verità, meta għandkom tibdew taħriġ bħal dan? Miċ-ċokon!
2 Meta Pawlu qal li l-edukazzjoni spiritwali taʼ Timotju kienet ilha ‘minn żgħoritu,’ l-evidenza turi li kien qed ifisser minn meta kien għadu tarbija. (2 Tim. 3:14, 15) Bħala riżultat, Timotju sar raġel spiritwali mill-aqwa. (Flp. 2:19-22) Ġenituri, intom ukoll tridu tibdew tħarrġu lit-tfal ‘minn żgħorithom’ bit-tagħlim li għandhom bżonn sabiex ‘jibqgħu jikbru’ maʼ Jehovah.—1 Sam. 2:21.
3 Agħtuhom l-Ilma li Għandhom Bżonn biex Jikbru: L-istess bħalma xitla għandha bżonn provvista kontinwa taʼ l-ilma sabiex tikber f’siġra enormi, tfal taʼ kull età għandhom bżonn jissaqqew kemm jifilħu bl-ilma tal-verità tal-Bibbja sabiex jikbru u jsiru qaddejja t’Alla maturi. Il-mod ewlieni kif tgħallem il-verità lit-tfal u tgħinhom isiru midħla sew taʼ Jehovah hu permezz taʼ studju tal-Bibbja regulari bħala familja. Iżda ġenituri, tridu tikkunsidraw kemm huma kapaċi jikkonċentraw uliedkom b’mod individwali. Għat-tfal iż-żgħar, x’aktarx li sessjonijiet taʼ taħriġ qosra imma taʼ sikwit, se jkunu iktar effettivi minn ftit sessjonijiet fit-tul.—Dt. 11:18, 19.
4 Qatt iċċekknu l-potenzjal li għandhom uliedkom biex jitgħallmu. Irrakkontawlhom stejjer dwar karattri Bibliċi. Ħalluhom ipinġu stampi taʼ xeni li jinsabu fil-Bibbja jew jirreċtaw ġrajjiet Bibliċi. Użaw tajjeb il-vidjos u l-kasetts, inkluż xi dramm Bibliku. Addattaw l-istudju tal-familja skond l-etajiet u l-abbiltà li għandhom uliedkom biex jitgħallmu. It-taħriġ tal-bidu se jkun bażiku, li jingħata ftit ftit; iżda hekk kif it-tfal jibdew jikbru, it-taħriġ għandu jiżdied u jkun progressiv. Agħtu t-taħriġ mill-Bibbja b’entużjażmu u b’mod varjat. Intom tridu li wliedkom jifformaw ‘xenqa’ għall-Kelma; għalhekk agħmlu l-istudju wieħed pjaċevoli kemm jistaʼ jkun.—1 Pt. 2:2.
5 Għinuhom Jieħdu Sehem fl-Attivitajiet tal-Kongregazzjoni: Lit-tfal agħmlulhom miri progressivi biex jieħdu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni. X’tistaʼ tkun l-ewwel mira tagħhom? Il-ġenituri taʼ żewġt itfal żgħar qalu: “It-tnejn li huma bdew jirċievu taħriġ biex joqogħdu bil-qiegħda kwieti fis-Sala tas-Saltna.” Imbagħad, għinu lit-tfal jikkummentaw fi kliemhom fil-laqgħat u biex jagħmluha l-mira tagħhom li jinkitbu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Fis-servizz taʼ l-għalqa, miri li tajjeb jilħqu huma li joffru xi fuljett fuq il-bibien, jaqraw xi skrittura, jagħmlu preżentazzjoni bir-rivisti, u jinvolvu lill-inkwilini f’konversazzjonijiet effettivi.
6 Agħtu Eżempju Mimli Entużjażmu: Qegħdin it-tfal tagħkom jisimgħukom titkellmu dwar Jehovah u titolbuh kuljum? Jarawkom tistudjaw il-Kelma tiegħu, tattendu l-laqgħat, tieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa, u titgħaxxqu f’li tagħmlu r-rieda t’Alla? (Salm 40:9 [40:8, New World Translation]) Huwa vitali li jisimgħukom u jarawkom tagħmlu dan u li dawn l-affarijiet tagħmluhom flimkien. Tifla li issa kibret qalet dwar ommha, li rabbiet sitt itfal biex isiru Xhieda leali: “Dak li impressjonana l-iktar kien l-eżempju t’ommi stess—dan kien iktar effettiv mill-kliem.” Omm taʼ erbat itfal qalet: “‘Jehovah jiġi l-ewwel’ ma kinitx biss frażi komuni imma l-mod kif għexna ħajjitna.”
7 Ġenituri, ibdew minn kmieni f’li tħarrġu ’l uliedkom, waqt li tgħallmuhom il-verità mill-Kelma t’Alla, tagħmlulhom miri li se jgħinuhom jagħmlu progress, u tagħtuhom l-aħjar eżempju li tistgħu. Se tkunu henjin li għamiltu hekk!