Ibbenefika mill-Programm taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għall-1999
1 Ġesù kien l-Għalliem il-Kbir. In-nies kienu jibqgħu “mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu.” (Mk. 1:22) Għalkemm ħadd minna ma jistaʼ jitkellem u jgħallem tajjeb daqs Ġesù, nistgħu nagħmlu sforz biex nimitawh. (Atti 4:13) Biex jirnexxilna, is-sehem tagħna fil-programm taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku se jgħinna nkomplu ntejbu s-snajjaʼ tagħna tad-diskors u tat-tagħlim.
2 Fis-sena 1999, Inkarigu Nru. 1 se jkun ibbażat prinċipalment fuq artikli tar-rivisti Torri taʼ l-Għassa jew Watchtower u Awake! taʼ l-1997. Il-fehma tagħna dwar kwistjonijiet spiritwali se tikber ferm jekk naqraw din l-informazzjoni minn qabel u mbagħad nisimgħuha fil-programm taʼ l-iskola. Min ikun assenjat biex jagħti dawn it-taħditiet taʼ istruzzjoni għandu jagħmel applikar prattiku tal-materjal, billi jippreżentah b’manjiera interessanti u vivaċi. Inkarigu Nru. 3 se jkun ibbażat fuq il-ktieb Hena Fil-Familja, u Inkarigu Nru. 4 fuq karattru mill-Bibbja, għalkemm is-sors tal-materjal jistaʼ jalterna għal dawn l-inkarigi. L-indokratur taʼ l-iskola għandu jikkunsidra bir-reqqa l-materjal qabel ma jagħti l-inkarigi. L-istudenti kollha assenjati biex jagħtu t-taħdita mill-ktieb Hena Fil-Familja għandhom ikunu eżemplari fil-ħajja tal-familja tagħhom stess.
3 Applika l-Pariri, u Ipprepara Tajjeb: Kulħadd jistaʼ jitjieb iżjed fl-arti tad-diskors u t-tagħlim. (1 Tim. 4:13) Għaldaqstant, għandna nfittxu l-parir u qatt ma nqisuh bħala xi ħaġa li trid tiġi evitata. (Prov. 12:15; 19:20) L-ippreżentar tal-verità b’mod effettiv fil-laqgħat u fis-servizz taʼ l-għalqa jirrikjedi iktar minn sempliċement l-irrakkontar taʼ fatti jew il-qari taʼ l-iskrittura b’mod superfiċjali. Għandna bżonn nilħqu l-qlub u nimmotivaw lil dawk li jisimgħuna. Dan nistgħu nagħmluh billi nitkellmu l-verità b’mod konvinċenti minn qalbna. (Qabbel Atti 2:37.) Il-pariri li nirċievu fl-iskola se jgħinuna nwettqu dan.
4 Malli tirċievi xi inkarigu, aħseb dwar il-kwalitajiet tad-diskors li trid taħdem fuqhom kif inhu spjegat fl-iSchool Guidebook. Ikkunsidra x’għandek bżonn tagħmel biex tapplika l-pariri li tkun irċevejt qabel. Immedita fuq it-tema tiegħek, is-setting li se tuża jekk ikun hemm bżonn, u kif tapplika l-iskritturi li jinsabu fil-materjal assenjat lilek. Irrifletti dwar kif l-aħjar li tuża l-informazzjoni biex tgħallem u timmotiva.—1 Tim. 4:15, 16.
5 Jekk qed tibżaʼ xi ftit biex tinkiteb fl-iskola, itlob dwar dan u mbagħad iddiskuti kif tħossok maʼ l-indokratur taʼ l-iskola. Kulħadd jistaʼ jibbenefika billi jieħu vantaġġ sħiħ mill-programm li se jiġi ppreżentat fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fl-1999.