Kif il-Membri tal-Familja Jikkooperaw għal Sehem Sħiħ
—Fil-Ministeru
1 X’jistaʼ jagħtik gost iktar milli tara rġiel u nisa miżżewġin, ġenituri u tfal jaħdmu flimkien fil-ministeru Kristjan, ifaħħru pubblikament isem Jehovah? (Salm 148:12, 13) Il-familji kollha għandhom ikollhom rutina tajba għal parteċipazzjoni regulari fis-servizz taʼ l-għalqa. Għandha l-familja tiegħek ġurnata stabbilita kull ġimgħa biex tqattgħuha fil-ministeru? Jekk isir hekk, imbagħad kulħadd ikun jaf eżattament għal xiex jippjana u jkun jistaʼ jkollu sehem sħiħ.—Prov. 21:5a.
2 Qabel ġurnata taʼ servizz bħala familja, għala ma tagħmluhx proġett flimkien li tippreparaw il-preżentazzjonijiet li se tuża l-familja tiegħek? Sessjonijiet taʼ prattika jistgħu jkunu t’għajnuna kbira ħafna, u jistgħu jipproduċu spirtu veru taʼ kooperazzjoni fil-familja. Kemm ikun premjanti meta l-ministeru taʼ l-għalqa jkun affari tal-familja u l-membri kollha jkunu ppreparati sew!
3 Indokratur li jivvjaġġa ngħaqad maʼ familja sħiħa fl-attività bir-rivisti. Waqt li kien qed jaħdem minn dar għal dar maʼ waħda mill-bniet, hi staqsietu: “Sa x’ħin se taħdem miegħi?” Imbagħad hi spjegat li wara kienet se taħdem maʼ missierha. Kien ovvju li hi u missierha kienu tassew jieħdu pjaċir flimkien fis-servizz. Xi spirtu mill-aħjar fil-familja!
4 Xi familji għandhom mnejn ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju flimkien f’xi xahar matul is-sena. Jew jistaʼ jkun possibbli li għallinqas membru wieħed tal-familja jaqdi kontinwament bħala pijunier awżiljarju jew saħansitra jibda bħala pijunier regulari. B’organizzazzjoni tajba u kooperazzjoni, forsi l-membri kollha tal-familja jkunu jistgħu jżidu s-sehem persunali tagħhom fis-servizz billi jappoġġaw lil min ikun qed jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Żgur li l-familja se titbierek b’din l-attività miżjuda u bl-esperjenzi tajbin li jitgawdew fil-ministeru.—Mal. 3:10.
5 Sehem sħiħ fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar se jgħin lill-familji jibqgħu qrib xulxin, żelużi, produttivi, u ferħanin fis-servizz taʼ Jehovah!—Qabbel Filippin 2:1, 2.