Preparazzjoni bil-Quddiem Iġġib il-Ferħ
1 Il-fatt li nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa jġibilna ferħ kbir. (Salm 89:16, 17 [89:15, 16, New World Translation]) M’għandniex xi ngħidu, il-preparazzjoni hija element fundamentali biex inkunu nistgħu nesperjenzaw dak il-ferħ bis-sħiħ. Iktar ma nippreparaw tajjeb, iktar se nwettqu, u iktar ma nwettqu, iktar il-ferħ tagħna se jkun kbir.
2 Uża l-Għodod li Huma Provduti: Ibda l-preparazzjoni tiegħek billi taqra u tanalizza l-materjal f’Il-Ministeru tas-Saltna. Taʼ spiss dan jipprovdi preżentazzjonijiet maħsubin sew li huma mfasslin biex jgħinuk tippreżenta l-messaġġ tas-Saltna faċilment u effettivament. Se ssib eżempji taʼ kif tegħleb oġġezzjonijiet komuni. Jiġu suġġeriti ideat speċifiċi dwar kif tagħmel żjara lura effettiva, bl-għan li tibda studju tal-Bibbja. Għandek il-libertà li taddatta dawn is-suġġerimenti skond kemm tħossok komdu li tużahom. Flimkien maʼ dan, għandek il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, li jipprovdi varjetà kbira taʼ introduzzjonijiet kif ukoll tweġibiet għal argumenti li jistgħu jwaqqfu l-konversazzjoni, u b’hekk jgħinek issir iktar effettiv f’ħafna mis-sitwazzjonijiet li tiltaqaʼ magħhom.
3 Agħti daqqa t’għajn lill-pubblikazzjoni li se toffri, u agħżel xi punt jew tnejn taʼ interess li jolqtuk u li tkun tistaʼ turihom lill-inkwilin. Xi aħbar li tkun smajt jew qrajt dwarha u li tqanqal il-ħsieb tistaʼ tagħtik introduzzjoni biex tibda konversazzjoni. Aħseb minn qabel dwar xi oġġezzjonijiet komuni li x’aktarx li se tiltaqaʼ magħhom, u daħħal xi ħsibijiet f’moħħok dwar kif tistaʼ tagħti tweġiba. Imbagħad ħu ftit minuti biex tipprattika dak li se tgħid fuq il-bieb.
4 Attendi kull Laqgħa tas-Servizz: Agħti widen bl-attenzjoni matul il-Laqgħa tas-Servizz meta s-suġġerimenti preżentati f’Il-Ministeru tas-Saltna jiġu diskussi, reveduti, u ssir turija tagħhom. Ħu nota taʼ l-ideat li tħoss li tistaʼ tinkorpora fil-preżentazzjoni tiegħek. Ftakar xi wħud mis-sitwazzjonijiet komuni li ltqajt magħhom fil-ministeru, u aħseb dwar xi modi kif tistaʼ tagħti xiehda b’mod iktar effettiv. Tkellem dwar dawn l-affarijiet maʼ pubblikaturi oħrajn qabel u wara l-laqgħa.
5 Tistaʼ tkun żgur li jekk tkun “[i]mħejji għal kull għemil tajjeb,” se tiġi premjat b’ferħ u suċċess akbar f’li tgħin lil ħaddieħor isib it-triq għall-ħajja.—2 Tim. 2:21.