Ġenituri—Agħtu Eżempju Tajjeb lil Uliedkom
1 Il-Kelma t’Alla tgħidilna li “missier [u omm] il-ġust għandu ħafna għax jifraħ.” (Prov. 23:24, 25) X’barka dik għal ġenituri li taw eżempju tajjeb lil uliedhom! Membru taʼ Kumitat tal-Fergħa qal dwar il-ġenituri tiegħu: “Il-verità kienet iċ-ċentru taʼ ħajjithom kollha, u jien ridtha tkun iċ-ċentru taʼ ħajti kollha wkoll.” It-tfal x’għandhom jaraw fil-ġenituri tagħhom?
2 Manjieri Tajbin u Rispett Profond: Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jnaqqxu kwalitajiet tajbin f’uliedhom. Huma jitgħallmu manjieri tajbin, mhux biss minn istruzzjonijiet bil-kliem, imma billi josservaw u jimitaw. Għalhekk, liema manjieri turi int? It-tfal jisimgħuk tgħid “skużani,” “jekk jogħġbok,” u “grazzi”? Fil-familja, tittrattaw lil xulxin b’rispett profond? Toqgħod attent meta jitkellmu l-oħrajn? Tagħti widen meta jkellmuk uliedek? Turi int dawn il-kwalitajiet tajbin kemm fis-Sala tas-Saltna u kemm fil-privatezza tad-dar?
3 Spiritwalità b’Saħħitha u Attività Żeluża: Ħu li qattaʼ iktar minn 50 sena fis-servizz full-time jiftakar: “Ommi u missieri kienu eżempju eċċellenti bl-apprezzament tagħhom għal-laqgħat u biż-żelu tagħhom għall-ministeru.” Kif turi lil uliedek illi jimpurtak li l-membri tal-familja jżommu l-ispiritwalità tagħhom? Tikkunsidraw flimkien l-iskrittura tal-ġurnata? Għandkom studju regulari tal-familja? Uliedek jarawk taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà? X’jisimgħu meta titlob għan-nom tal-familja? Tieħu sehem f’konversazzjoni spiritwali li tibni maʼ wliedek, billi tiddiskuti affarijiet pożittivi dwar il-verità u l-kongregazzjoni? Ħerqan int li tattendi l-laqgħat kollha u li tieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa bħala familja?
4 Ġenituri, irriflettu fuq l-eżempju li qed tagħtu lil uliedkom. Araw li jkun eżempju eċċellenti, u huma se jgħożżuh tul ħajjithom kollha. Mara taʼ indokratur li jivvjaġġa, li issa għandha fuq is-sebgħin, qalet: “Għadni nibbenefika mill-eżempju tajjeb tal-ġenituri Kristjani għeżież tiegħi. U jien nitlob bil-ħerqa li nibqaʼ nuri l-apprezzament kollu tiegħi għal dan il-wirt billi nużah sew matul iż-żmien kollu li ġej.”