Il-Manjieri Tajbin—Karatteristika tan-Nies Devoti Lejn Alla
1 Il-manjieri tajbin huma rari llum. Dan għala? In-nies tant huma mgħaġġlin li rari jaħsbu biex juru manjieri bażiċi, bħal per eżempju billi jgħidu “Jekk jogħġbok,” “Grazzi,” jew “Skużani.” Il-Kelma t’Alla bassret li l-manjieri kellhom imorru għall-agħar fl-aħħar jiem meta qalet li n-nies kellhom ‘jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom, faħħarin, suppervi, bla gratitudni, bla qalb, bla rażan, bla mħabba għat-tajjeb, bla ħsieb.’ (2 Tim. 3:1-4) Dawn il-karatteristiċi kollha jġibu manjieri ħżiena. Bħala nies devoti lejn Alla, il-Kristjani jridu joqogħdu għassa biex ma jadottawx in-nuqqas taʼ rispett li din id-dinja turi lejn oħrajn.
2 X’Inhuma l-Manjieri? Il-manjieri tajbin jistgħu jiġu deskritti bħala li toqgħod attent għal kif iħossuhom l-oħrajn, u tkun kapaċi tgħix maʼ l-oħrajn fil-paċi. Xi kwalitajiet li jirriflettu manjieri tajbin huma li turi konsiderazzjoni, tkun edukat, turi qalb tajba, tkun dħuli, tuża t-tattika, u li taħseb f’ħaddieħor. Dawn il-karatteristiċi jiġu meta dak li jkun ikollu mħabba lejn Alla u lejn għajru. (Lq. 10:27) Ma jiswewx flus biex tużahom, iżda jiswew ħafna f’li jtejbu r-relazzjoni tagħna maʼ l-oħrajn.
3 Ġesù Kristu ħallielna eżempju perfett. Hu dejjem applika r-Regola tad-Deheb: “Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.” (Lq. 6:31) Aħna ma nibqgħux mgħaġġbin meta naraw kemm Ġesù kien jaħseb fid-dixxipli tiegħu u jittrattahom b’imħabba? (Mt. 11:28-30) Il-manjieri tiegħu ma ġewx minn xi regoli miktubin f’kotba taʼ l-etikett. Dawn ġew minn qalb sinċiera u ġeneruża. Għandna nipprovaw nimitaw l-eżempju mill-aħjar tiegħu.
4 Il-Kristjani meta għandhom bżonn jużaw manjieri tajbin? F’okkażjonijiet speċjali biss, fejn ikunu jridu jħallu impressjoni tajba? Għandhom bżonnhom biss meta jkunu jridu jinfluwenzaw lil oħrajn? Le! Għandna nuru manjieri tajbin il-ħin kollu. B’liema modi partikulari għandna nkunu attenti għal dan meta nissieħbu flimkien fil-kongregazzjoni?
5 Fis-Sala tas-Saltna: Is-Sala tas-Saltna hija l-post tagħna fejn nagħtu qima. Aħna nkunu hemm għax jistidinna Alla Jehovah. F’dak is-sens, aħna l-mistidnin. (Salm 15:1) Meta niġu fis-Sala tas-Saltna, naġixxu aħna bħala mistidnin eżemplari? Nagħtu attenzjoni xierqa għall-ilbies u d-dehra tagħna? Żgur li nkunu rridu nevitaw dehra każwali jew estrema. In-nies taʼ Jehovah huma magħrufin għall-imġiba edukata tagħhom li tixraq lil dawk li jgħidu li jqimu ’l Alla, u din tidher sew fil-konvenzjonijiet u sew fil-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa. (1 Tim. 2:9, 10) B’hekk, inkunu qed nuru rispett u konsiderazzjoni xierqa kemm lejn il-Wieħed li qed jistidinna mis-sema u kemm lejn il-mistidnin l-oħrajn.
6 Mod ieħor kif nuru manjieri tajbin fejn għandhom x’jaqsmu l-laqgħat hu billi naslu fil-ħin. Nammettu li dan m’huwiex dejjem faċli. Xi wħud jistgħu jkunu joqogħdu ’l bogħod jew ikollhom familji kbar xi jlestu. Madankollu, ġie nnotat f’xi kongregazzjonijiet, li daqs 25 fil-mija tal-pubblikaturi għandhom id-drawwa li jaslu wara l-għanja u t-talba tal-ftuħ. Din hija xi ħaġa li għandha tittieħed bis-serjetà. Għandna niftakru li l-manjieri għandhom x’jaqsmu maʼ li aħna nkunu konxji dwar kif iħossuhom l-oħrajn. Jehovah, il-Wieħed li jistidinna b’qalb tajba, organizza dawn il-festi spiritwali għall-benefiċċju tagħna. Aħna nuru li napprezzaw u ninteressaw ruħna lejn kif iħossu hu billi naslu fil-ħin. Barra minn hekk, meta naslu tard għal-laqgħat inkunu qed intellfu u nuru nuqqas taʼ rispett lejn dawk li jkunu diġà hemm.
7 Meta niltaqgħu flimkien, nagħtu kas taʼ l-uħud ġodda li jkunu qed jattendu? Li nagħtuhom merħba hija xi ħaġa li turi li għandna l-manjieri. (Mt. 5:47; Rum. 15:7) Li nsellmulhom bil-ħlewwa, niħdulhom b’idejhom b’mod dħuli u nitbissmulhom mill-qalb—huma kollha affarijiet żgħar, iżda dawn iżidu maʼ dak li jidentifikana bħala Kristjani veri. (Ġw. 13:35) Wara li ġie fis-Sala tas-Saltna għall-ewwel darba, wieħed raġel qal: “F’jum wieħed iktar iltqajt maʼ nies li jħobbu u ġenwini li ma nafhomx, milli qatt iltqajt fil-knisja li fiha trabbejt. Kien jidher ċar li sibt il-verità.” Bħala riżultat, hu biddel ħajtu, u sebaʼ xhur wara tgħammed. Iva, il-manjieri tajbin jistgħu jħallu effett tajjeb ħafna!
8 Jekk aħna nkunu edukati maʼ dawk li qatt ma ltqajna magħhom qabel, m’għandniex inkunu edukati “iktar maʼ qrabatna fil-fidi”? (Gal. 6:10) Il-prinċipju li japplika hu: “[Għandek] tweġġaħ wiċċ ix-xiħ [jew xiħa].” (Lev. 19:32, Saydon) Qatt m’għandna ninjoraw uħud bħal dawn fil-laqgħat tagħna.
9 Noqogħdu Attenti Ħafna: Matul il-laqgħat tal-kongregazzjoni, ministri Kristjani t’Alla jkunu qed jitkellmu sabiex jgħaddulna xi don spiritwali biex jibnina. (Rum. 1:11) Żgur li tkun maledukazzjoni min-naħa tagħna jekk nonogħsu, immeċilqu ċ-chewing gum, infesfsu l-ħin kollu f’widnejn taʼ ħdejna, noqogħdu ġejjin u sejrin it-tojlit għalxejn, naqraw xi materjal li m’għandux x’jaqsam, jew nagħmlu xi affarijiet oħra matul il-laqgħa. L-anzjani għandhom jagħtu eżempju f’dan l-aspett. Manjieri Kristjani tajbin se jqanqluna nuru rispett xieraq lejn il-kelliemi u lejn il-messaġġ tiegħu bbażat mill-Bibbja billi nagħtuh l-attenzjoni kollha tagħna.
10 Barra minn hekk, biex nuru konsiderazzjoni lejn il-kelliemi u l-udjenza, m’għandniex inħallu l-pagers elettroniċi u t-telefons ċellulari jtellfu fil-laqgħat.
11 Il-Manjieri u t-Tfal: Il-ġenituri għandhom dejjem joqogħdu attenti għall-kondotta taʼ wliedhom. Jekk xi ħadd minnhom jibda jibki jew ma jkollux kwiet matul il-laqgħa u jfixkel lil oħrajn, huwa tajjeb li toħorġu ’l barra mis-sala prinċipali malajr kemm jistaʼ jkun sabiex issikktu. Kultant dan jistaʼ jkun diffiċli, iżda ftakar li dan juri li int attent għal kif iħossu ħaddieħor. Ġenituri bi tfal żgħar li għandhom it-tendenza li ma jkollhomx kwiet, taʼ spiss jagħżlu li joqogħdu fuq wara tas-sala sabiex ifixklu mill-inqas nies jekk ikollhom bżonn iqumu waqt il-laqgħa. M’għandniex xi ngħidu, il-kumplament taʼ l-aħwa jistgħu juru konsiderazzjoni billi jħallu r-ringieli taʼ wara vojta għall-familji biex jużawhom jekk ikunu jixtiequ.
12 Il-ġenituri għandhom joqogħdu attenti għal kif it-tfal iġibu ruħhom qabel u wara l-laqgħat. It-tfal m’għandhomx joqogħdu jiġru ġewwa, għax dan jistaʼ jikkaġuna xi inċident. Jistaʼ jkun perikoluż ukoll li jiġru barra s-Sala tas-Saltna, speċjalment fil-għaxija meta ma tantx tkun tistaʼ tara sew. Jekk nitkellmu ngħajtu barra nistgħu ndejqu lill-ġirien u dan jagħti impressjoni ħażina tal-qima tagħna. Ġenituri li bir-reqqa jagħmlu kull sforz biex joqogħdu attenti għal uliedhom kemm ġewwa u kemm barra s-Sala tas-Saltna, għandhom jiġu mfaħħrin għax dan iżid mal-pjaċir taʼ li ngħammru flimkien f’unità.—Salm 133:1.
13 Fl-Istudju tal-Ktieb: Aħna napprezzaw l-ospitalità taʼ ħutna li jilqgħuna f’darhom għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Meta nattendu aħna rridu nuru rispett u konsiderazzjoni għall-propjetà tagħhom. Qabel ma nidħlu, għandna nimsħu saqajna sew biex nevitaw li nħammġu l-art jew it-tapiti. Il-ġenituri għandhom joqogħdu attenti għat-tfal tagħhom, billi jaraw li jibqgħu fil-kamra li qiegħda tintuża għall-istudju tal-ktieb. Għalkemm il-grupp jistaʼ jkun żgħir u l-atmosfera xi daqsxejn informali, aħna m’għandniex nieħdu l-kunfidenza fid-djar t’oħrajn. Il-ġenituri għandhom imorru mat-tfal meta jkunu jridu jużaw it-tojlit. Iżjed minn hekk, peress li l-istudju tal-ktieb huwa laqgħa tal-kongregazzjoni, għandna mmorru lebsin bħalma nilbsu għas-Sala tas-Saltna.
14 Il-Manjieri Tajbin Huma Essenzjali: Li nipprattikaw manjieri Kristjani mhux biss iħalli impressjoni tajba fuq il-ministeru tagħna iżda se jinkuraġġixxi wkoll relazzjonijiet tajbin maʼ l-oħrajn. (2 Kor. 6:3, 4, 6) Bħala adoraturi taʼ dak Alla hieni, għandu jkun faċli għalina li nitbissmu, li nkunu dħulin, kif ukoll li nkunu lesti li nagħmlu saħansitra affarijiet żgħar u taʼ qalb tajba biex inġibu ferħ lil oħrajn. Dawn il-kwalitajiet taʼ manjieri tajbin se jsebbħu l-ħajjiet tagħna bħala nies devoti lejn Alla.