Kun Żgur li Terġaʼ Tmur Lura!
1 “X’konversazzjoni sabiħa kelli! Irrid niftakar nagħmel żjara lura.” Ġieli għedtu dan il-kliem u wara tinsa fejn toqgħod dik il-persuna? Jekk inhu hekk, int taf li l-uniku mod li bih tistaʼ tkun żgur li terġaʼ tmur lura hu li tikteb.
2 Ikteb Kollox: Sakemm il-konversazzjoni maʼ persuna interessata tkun għadha friska f’moħħok, ħu ftit ħin biex tikteb l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar iż-żjara. Niżżel l-isem taʼ l-inkwilin u kif se terġaʼ tagħrfu. Ikteb l-indirizz, imma mhux billi tipprova taqtaʼ x’inhu—iċċekkja biex tkun ċert li tiktbu sew. Niżżel is-suġġett li tkellimtu dwaru, kull skrittura li qrajtu, u liema letteratura ħallejt.
3 Jekk ħallejt lill-inkwilin b’xi mistoqsija li se tweġibhielu fiż-żjara li jmiss, iktibha. Sirt taf xi ħaġa dwaru, dwar il-familja tiegħu, jew dwar ir-reliġjon tiegħu? Jekk inhu hekk, iktibha. Imbagħad jekk fiż-żjara li jmiss issemmiha, int tkun qed turi l-interess persunali li għandek fl-individwu. Fl-aħħar, niżżel il-ġurnata u l-ħin meta għamilt l-ewwel żjara u meta għedt li se tirritorna. Billi tniżżel in-noti bir-reqqa, int se jkollok tfakkiriet ċari u x’aktarx inqas se tinsa l-wegħda li għamilt li terġaʼ tmur lura.—1 Tim. 1:12.
4 Hekk kif tlesti mill-kitba, poġġi dak li tkun ktibt mal-kumplament taʼ l-affarijiet tiegħek tas-servizz taʼ l-għalqa—il-basket, il-Bibbja, il-ktieb Reasoning, u l-letteratura—sabiex dejjem issibu meta tiġi bżonnu. Huwa tajjeb li tniżżel lil dawk li ma jkunux id-dar f’note book differenti minn dak li tuża biex tniżżel iż-żjajjar lura fih. M’għandniex xi ngħidu, minkejja x-xogħol li tieħu biex iżżomm noti bir-reqqa taż-żjajjar lura, l-iktar ħaġa importanti hi li tkun żgur li terġaʼ tmur lura!
5 Aħseb Dwar l-Individwu: Meta tkun qed tipprepara għall-ministeru, irrevedi n-noti tiegħek taż-żjajjar lura. Aħseb fuq kull individwu u x’inhu l-aħjar mod li bih tistaʼ tavviċinah meta tkun se terġaʼ tmur. Aħseb kif se tiżviluppa l-interess taʼ l-inkwilin fi studju tal-Bibbja fid-dar. Ippjanar bħal dan jistaʼ jżid il-produttività tiegħek bħala ministru taʼ l-aħbar tajba, u għalhekk il-ferħ persunali tiegħek jiżdied ukoll.—Prov. 21:5a.
6 Għalhekk, meta darb’oħra ssib lil xi ħadd li joqgħod jismaʼ, tirraġunax li faċilment se tiftakar min u fejn joqgħod. Minflok, ikteb, irrevedi n-noti tiegħek, kompli aħseb dwar l-inkwilin, u mbagħad kun żgur li terġaʼ tmur lura!