Kun Ferħan f’Dak li Tagħmel
1 Ġesù qal li matul il-preżenza tiegħu, il-biċċa l-kbira tan-nies mhux se jagħtu kas, sewwa sew bħal fi żmien Noè. (Mt. 24:37-39) Mela, għandna nistennew li ħafna individwi mhux se jagħtu widen għall-aħbar tajba tas-Saltna. X’jistaʼ jgħinna nżommu spirtu ferrieħi hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna?—Salm 100:2.
2 L-ewwelnett, għandna bżonn inżommu f’moħħna li kemm il-messaġġ tagħna kif ukoll l-inkarigu li għandna biex nippridkaw ġejjin minn Alla. Kulmin ma jiħux interess meta niltaqgħu miegħu fil-ministeru, minkejja l-isforzi mill-aħjar tagħna, ikun tassew qed jiċħad lil Jehovah. Meta niftakru li l-lealtà tagħna fl-ippridkar għandha t-tbissima t’approvazzjoni tiegħu se jgħinna nżommu l-ferħ u l-hena ġewwieni tagħna bħala wħud li nagħmlu l-kelma t’Alla.—Ġak. 1:25.
3 It-tieni, għad hemm xi individwi li se jaċċettaw il-mezz taʼ salvazzjoni taʼ Jehovah. Għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom forsi ma juru l-ebda interess, għad hemm xi wħud bħal nagħaġ li jridu jinġabru, saħansitra issa, li dħalna sew fiż-żmien taʼ l-aħħar. Irridu nibqgħu nippridkaw, billi mmorru fi kwalunkwe “belt jew raħal” biex ‘naraw jekk ikunx hemm min jixraqlu.’—Mt. 10:11-13.
4 Żomm Attitudni Pożittiva: Xi wħud baqgħu diżappuntati bl-istorja kerha li għandha r-reliġjon falza. Lil xi oħrajn, din is-sistema t’affarijiet għamlithom “imdejjqa” u ħalliethom “mitluqa.” (Mt. 9:36) Ħafna jistgħu jħossuhom inkwetati ferm minħabba li la għandhom xogħol, la kura tas-saħħa, u lanqas sigurtà. Li nifhmu dan se jgħinna nipperseveraw fix-xogħol tagħna. Stinka biex tibda konversazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li l-iktar jinteressaw lin-nies fit-territorju tagħna. Għinhom jaraw li s-Saltna t’Alla hija l-unika soluzzjoni. Uża l-Iskrittura u xi punti speċifiċi mill-pubblikazzjonijiet sabiex tilħqilhom qalbhom bl-aħbar tajba.—Lhud 4:12.
5 Dawk li jagħmlu l-kelma t’Alla bil-ferħ dejjem jiftakru: “Il-ferħ tal-Mulej il-qawwa [tagħna].” (Neħ. 8:10) M’hemmx għalfejn nitilfu l-ferħ tagħna. “Jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġaʼ lura għandkom is-sliem tagħkom.” (Mt. 10:13) Jehovah jġeddilna l-ferħ u s-saħħa tagħna hekk kif nissaportu bil-paċenzja fis-servizz sagru tiegħu, u hu jberkilna l-fedeltà tagħna.