Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah għas-sena 2003 “Agħtu Glorja lil Alla”
1 Permezz tal-profeta leali tiegħu Isaija, Jehovah ikkmanda: “Ismaʼ minni, poplu tiegħi, u int, ġensi, agħtini widen.” (Is. 51:4) F’dan iż-żmien taʼ l-aħħar li qed isir dejjem iktar kritiku, ma naqblux li huwa importanti iktar minn qatt qabel li noqogħdu attenti għall-kmandi taʼ Jehovah? Mod wieħed kif ‘nagħtu widen’ lil Jehovah huwa billi nobdu l-kmand tiegħu biex niltaqgħu għall-qima. Kemm inħarsu ’l quddiem lejn l-opportunità speċjali li għandna bil-konvenzjonijiet distrettwali taʼ kull sena! Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah reġgħet organizzat konvenzjoni distrettwali f’Malta fl-2003.
2 Bħalma ġie indikat fil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Lulju, 2002, se jsiru wkoll konvenzjonijiet internazzjonali f’ċerti bliet magħżulin, li għalihom se jattendu delegati minn madwar id-dinja. Peress li hemm numru limitat taʼ bliet fejn se jinżammu l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-kongregazzjonijiet biss li huma assenjati għal dawn il-konvenzjonijiet se jkunu jistgħu jattendu. Imma l-atmosfera internazzjonali se tinħass fil-konvenzjonijiet distrettwali kollha. Il-missjunarji se jkunu preżenti f’konvenzjonijiet f’ħafna postijiet, u se jkollna l-opportunità li nisimgħu ftit mill-esperjenzi tagħhom. X’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-arranġamenti li qed isiru issa għall-konvenzjonijiet tagħna tas-sajf?
3 Attendi Kuljum: Biex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-istruzzjoni provduta permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret, irridu nkunu ċerti li nattendu għall-programm kollu. (Mt. 24:45) Għandek bżonn titlob lill-imgħallem tiegħek biex jagħtik il-leave ħalli tattendi kull ġurnata tal-konvenzjoni? Qabel ma Neħemija staqsa lis-Sultan Artasersi jekk setax imur Ġerusalemm ħalli jibni l-ħitan mill-ġdid, hu ‘talab lil Alla tas-smewwiet.’ (Neħ. 2:4) Bl-istess mod, int għandek titlob lil Jehovah għall-kuraġġ biex tistaqsi lill-imgħallem għal-leave ħalli tattendi t-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni. X’jiġri jekk l-imgħallem iżomm lura milli jagħtik il-leave? Forsi jekk tispjegalu li t-tagħlim li nirċievu fil-konvenzjonijiet tagħna jgħinna nkunu ħaddiema onesti, ħabrieka, u taʼ min jafdahom tgħinu jirreaġixxi b’mod favorevoli. Iktar minn hekk, jekk għandna membri tal-familja li ma jemmnux bħalna, tkun qed turi mħabba jekk tinformahom mill-iktar fis possibbli bil-pjanijiet tagħna tal-konvenzjoni.
4 Ngħinu lil Dawk bi Bżonnijiet Speċjali: Hemm xi wħud fil-kongregazzjoni tiegħek li jistaʼ jkollhom bżonn l-għajnuna biex jattendu l-konvenzjoni? Primarjament huma l-qraba Kristjani li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali taʼ dawk avanzati fl-età, morda, jew fis-servizz full-time. Imma l-anzjani u oħrajn li huma konxji taċ-ċirkustanzi tagħhom jistgħu wkoll jipprovdu l-għajnuna bi mħabba.
5 Aħna Spettaklu: Jaraw differenza n-nies bejn ix-Xhieda taʼ Jehovah u dawk fid-dinja? Dażgur! Innota xi kummenti mill-maniġers taʼ xi lukandi f’belt waħda: “Minn dejjem kienu jsiru konvenzjonijiet hawn, imma intom kontu l-iktar nies li tikkooperaw u li għandkom qalbkom tajba.” “Il-ġimgħa l-oħra kellna grupp reliġjuż ieħor magħna. Id-differenza bejnkom u bejnhom hija ovvja.” “Nafu li nistgħu dejjem inserrħu moħħna mill-għajnuna u l-kooperazzjoni tagħkom.” Ma jgħinuniex kummenti bħal dawn biex napprezzaw kif “l-għerf li ġej mis-sema” għandu effett pożittiv fuq il-personalità tagħna? (Ġak. 3:17) Billi aħna “spettaklu għad-dinja,” jalla l-imġiba tagħna tirrifletti l-ħin kollu d-dinjità u l-ġmiel grandjuż t’Alla tagħna, Jehovah.—1 Kor. 4:9.
6 Peress li “s-sura taʼ din id-dinja” qed tinbidel, għandna bżonn il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna biex jgħinuna nibqgħu ffokati spiritwalment. (1 Kor. 7:31) Biex nagħmlu arranġamenti ħalli nattendu kull ġurnata jeħtieġ sforz, imma taʼ min jagħmlu dan. Il-Konvenzjoni Distrettwali taʼ din is-sena “Agħtu Glorja lil Alla” ġiet preparata biex tgħinna nibqgħu sodi hekk kif nistennew li Jehovah jagħmel ħaqq mid-dinja taʼ Satana. Jalla ma nħallu xejn iżommna milli nirċievu l-istruzzjoni li ppreparalna Jehovah.—Is. 51:4, 5.
[Kaxxa f’paġna 3]
Ħinijiet tal-Programm
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. - 5:00 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. - 4:05 p.m.