Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah għas-sena 2004 “Imxi m’Alla”
1 X’jagħmel il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna taʼ kull sena speċjali għalik? It-taħditiet li jagħtu inkuraġġiment u d-drama preparati għalina mill-“ilsir leali u diskret”? (Mt. 24:45-47, New World Tranlation) Il-pubblikazzjonijiet ġodda li jagħtu nutriment spiritwali fil-waqt? L-aħwa rġiel u nisa li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar kif il-Bibbja bidlitilhom ħajjithom għall-aħjar? Rapporti dwar kif ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna qiegħed jagħmel progress f’pajjiżi oħra? Is-sħubija maʼ sħabna fit-twemmin taʼ kull età? Iva, aħna nħarsu ’l quddiem b’ħerqa kbira lejn il-konvenzjonijiet tagħna għal dawn ir-raġunijiet u ħafna oħrajn!
2 Attendi għat-Tlett Ijiem Kollha: Permezz taʼ Mosè, Jehovah ikkmanda: “Iġbor il-poplu . . . biex jisimgħu u jitgħallmu.” (Dt. 31:12) Permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret, Jehovah ipprepara programm speċjali taʼ edukazzjoni għalina għal kull ġurnata tal-konvenzjoni tagħna. Ladarba qiegħed jgħallimna ‘għall-ġid tagħna,’ irridu nkunu preżenti għall-istruzzjonijiet kollha tiegħu. (Is. 48:17) Jekk għandek bżonn titlob il-leave lill-imgħallem tiegħek, itlob lil Jehovah u kellem lill-imgħallem, billi ssegwi l-eżempju kuraġġuż taʼ Neħemija. (Neħ. 1:11; 2:4) Ukoll, tkun turija taʼ mħabba jekk mill-iktar fis possibbli tgħid lill-membri tal-familja tiegħek, li ma għandhomx l-istess twemmin, dwar il-pjanijiet tiegħek għall-konvenzjoni.
3 Bżonnijiet Speċjali: L-appostlu Pawlu fakkar lill-kongregazzjonijiet fil-Galazja biex ‘jagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabathom fil-fidi.’ (Gal. 6:10) Għandu mnejn li l-aħwa li għandhom iż-żmien, il-morda, il-ġenituri li huma waħedhom, jew dawk li jaqdu fis-servizz full-time ma jitolbux l-għajnuna tiegħek, iżda jistaʼ jkun taʼ sfida għalihom biex jattendu għall-konvenzjoni. Tistaʼ int ‘tagħmel il-ġid’ magħhom u toffri ftit għajnuna? B’mod partikulari, il-Kristjani li jiġu minnhom u l-anzjani għandhom ikunu konxji taċ-ċirkustanzi taʼ dawn l-uħud.
4 F’konvenzjoni tan-nies taʼ Jehovah li saret madwar 2,500 sena ilu, Esdra u sħabu l-Leviti qraw mill-Kelma t’Alla u spjegawha lin-nies miġburin hemmhekk. Ir-riżultat? Neħemija 8:12 jgħidilna li “l-poplu kollu telaq biex . . . jagħmel festa b’ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.” M’aħniex grati li l-klassi taʼ l-ilsir midluk, bħal Esdra u l-Leviti, tuża l-Kelma t’Alla, tispjegaha, u turina kif għandna napplikawha f’ħajjitna? Billi jagħmel hekk, dan l-ilsir jirrifletti l-imħabba u t-tħassib ġenwin li Jehovah għandu għall-poplu kollu Tiegħu. Kun determinat li ma titlifx ġurnata mill-Konvenzjoni Distrettwali “Imxi m’Alla”!
[Kaxxa f’paġna 3]
Ħinijiet tal-Programm
10-12 taʼ Settembru, 2004
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. - 5:10 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. - 4:05 p.m.