Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah għas-Sena 2000 “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla”
1 “Niżżik ħajr qalb ġemgħa kbira, qalb kotra taʼ nies infaħħrek.” (Salm 35:18) Immaġina kemm ikun eċċitat David li kieku llum jara daqshekk eluf jiltaqgħu flimkien fil-paċi sabiex jirċievu l-istruzzjoni divina fil-konvenzjonijiet tagħna! Kont int fost is-740 li attendew il-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla”? Il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna fis-sena 2000 se jipprovdulna opportunitajiet ġodda biex ninġabru flimkien maʼ sħabna li jfaħħru lil Jehovah, li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom u li huma ferħanin u ħerqanin biex ‘jisimgħu x’jgħid l-Ispirtu’ lill-kongregazzjonijiet.—Mt. 5:3; Apk. 2:29.
2 Nieħdu Ħsieb Dawk bi Bżonnijiet Speċjali: Il-qraba, l-anzjani, u oħrajn fil-kongregazzjoni li huma konxji taċ-ċirkustanzi uniċi tax-xjuħ, dawk b’saħħa batuta, il-qaddejja full-time, jew oħrajn bi bżonnijiet speċjali jistgħu juru l-interess tagħhom bl-imħabba u juru kemm jimpurtahom billi jgħinu lil dawn l-uħud biex jattendu għall-konvenzjoni. (Qabbel l-1 Timotju 5:4.)
3 Irranġa biex Tattendi t-Tlett Ijiem Kollha: Ipprova jaljenak Satana milli tagħti attenzjoni lejn l-affarijiet spiritwali? B’sogħba, ħafna mill-aħwa u l-familji tagħhom qed jitilfu l-ikel spiritwali vitali. Kif? Billi ma jattendux is-sessjonijiet tal-konvenzjoni distrettwali tal-Ġimgħa. F’xi każi ġie notat li persentaġġ kbir minn ħutna qed jitilfu l-istruzzjoni spiritwali u s-sħubija li jipprovdu s-sessjonijiet tal-Ġimgħa.
4 Jistaʼ jkun li xi aħwa ma jkunux lesti li javviċinaw lill-imgħallmin tagħhom biex jitolbuhom il-leave sabiex jattendu l-konvenzjoni. Hija din is-sitwazzjoni tiegħek? Għax ma titlobx lil Jehovah dwar il-kwistjoni u tagħmel il-kuraġġ biex tispjega s-sitwazzjoni lill-imgħallem tiegħek? Ftakar ir-riżultat tajjeb li kellu Neħemija, li kien f’sitwazzjoni simili. (Neħ. 2:1-6) Kun fiduċjuż li Missierna tas-sema lest li jgħinek, u żomm f’moħħok li jekk tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel, hu se jipprovdilek dak li teħtieġ fil-ħajja.—Mt. 6:32b, 33.
5 Kif Jeffettwawk il-Konvenzjonijiet Tagħna? Oħt mill-Istati Uniti kitbet: “Grazzi ħafna għall-konvenzjoni distrettwali 1999. Tant iġibli ferħ li nassoċja m’aħwa li narahom darba fis-sena biss. Jien ġejt f’kuntatt mal-verità meta kont daqsxejn taʼ tfajla u kien se jkolli tarbija, u għadni niftakar b’affezzjoni kbira meta l-persuna li kienet tagħmilli l-istudju tal-Bibbja ħaditni għall-ewwel darba l-konvenzjoni. Hekk kif kantajna l-għanja tas-Saltna ‘Mirjadi t’Aħwa,’ ħarist ’il fuq lejn is-sħab minn dak l-istejdjum fil-beraħ u bdejt nibki. Staqsejt lili nnifsi, ‘B’dawn in-nies tant taʼ l-għaġeb kollha madwari, kif jistaʼ jkun li Jehovah jrid lili?’ Dakinhar iddeċidejt li naqdi bis-sħiħ lil Jehovah.” X’esperjenza li tqanqal il-qalb! Żgur li hija xi ħaġa pjaċevoli li tassoċja mal-poplu nadif taʼ Jehovah, hux hekk?
6 Matul il-parti finali taʼ l-aħħar jiem, aħna għandna bżonnha l-konvenzjoni distrettwali annwali iktar minn qatt qabel. Hija provvediment mingħand Jehovah biex inżommu s-saħħa u l-bilanċ spiritwali tagħna. Għalhekk, kun deċiż li tattendi t-tlett ijiem kollha tal-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla” taʼ din is-sena. X’tistaʼ tagħmel biex iżżomm mad-deċiżjoni tiegħek? Staqsi minn qabel lill-imgħallem tiegħek għal-leave sabiex tattendi l-konvenzjoni kollha. Jekk il-mezzi tiegħek huma limitati, ibda minn issa sabiex tfaddal dak li teħtieġ biex tattendi. Itlob lil Jehovah biex jgħinek tegħleb kwalunkwe ostaklu. Hekk kif tagħmel dan, tistaʼ tħares ’il quddiem biex tgawdi s-sħubija mill-qalb taʼ ħutek u biex tismaʼ l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem mingħand Missierna tas-sema kollu mħabba, Jehovah.—Qabbel Ġwann 6:68.
[Kaxxa f’paġna 3]
Ħinijiet tal-Programm
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. – 5:00 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. – 4:00 p.m.