Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Meta huwa addattat li jiġi fformat grupp taʼ lingwa barranija?
Meta xi territorju taʼ kongregazzjoni jkun jinkludi numru mhux ħażin taʼ wħud li jitkellmu b’lingwa barranija, l-anzjani għandhom jagħmlu dak li jistgħu biex jorganizzaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar f’dik il-lingwa. (km-MT 7/02 pġ. 1; km-MT 2/98 pġi. 3-4) Għandu mnejn li dawk in-nies li jitkellmu b’lingwa barranija jkunu mxerrdin mat-territorji taʼ żewġ kongregazzjonijiet, jew iktar, fil-viċin. F’każ bħal dan, l-indokratur, jew indokraturi, tas-circuit se jipprovdi d-direzzjoni meħtieġa, u b’hekk jgħin lill-kongregazzjonijiet involuti biex jikkooperaw fl-attività taʼ l-ippridkar. Minn żmien għal żmien, tistaʼ ssir xi taħdita pubblika jew Studju tat-Torri taʼ l-Għassa biex b’hekk ikun jistaʼ jiġi determinat kemm ikun hemm uħud li jattendu għal-laqgħat tal-lingwa barranija.
Grupp taʼ lingwa barranija jistaʼ jiġi fformat meta jintlaħqu l-ħtiġijiet li ġejjin: (1) Ikun hemm pubblikaturi jew uħud interessati li jifhmu aħjar l-aħbar tajba fil-lingwa barranija. (2) Anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat ikun jistaʼ jmexxi u jikkonduċi minn taʼ l-inqas waħda mil-laqgħat taʼ matul il-ġimgħa. (3) Ikun hemm ġemgħa t’anzjani li jkunu lesti li jappoġġaw il-grupp. Meta dawn il-ħtiġijiet jintlaħqu, l-anzjani għandhom jinformaw l-uffiċċju tal-fergħa sabiex il-grupp ikun jistaʼ jiġi rikonoxxut formalment u mbagħad ikunu jistgħu jingħataw iktar istruzzjonijiet.
Ħafna gruppi jibdew billi kull ġimgħa jagħmlu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Iktar tard, l-anzjani għandhom mnejn jaċċettaw li jsiru iktar laqgħat, bħalma hi l-Laqgħa Pubblika u l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Jekk ikun hemm anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat li jkun jaf jitkellem b’dik il-lingwa u jkun jistaʼ jservi bħala l-ħu li jagħti l-pariri, l-inkarigi Nru. 2, 3, u 4 fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jistgħu jsiru f’kamra oħra. Madankollu, il-grupp se jingħaqad mal-kongregazzjoni għat-taħdita tal-kwalità tad-diskors, it-taħdita taʼ istruzzjoni, il-punti prinċipali mill-Bibbja, u l-Laqgħa tas-Servizz. Jistaʼ jsir ukoll arranġament għaI-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa għal dan il-grupp.
Kulħadd fil-grupp se jaħdem flimkien taħt l-indokrar tal-ġemgħa t’anzjani. L-anzjani għandhom jipprovdu direzzjoni bilanċjata u jieħdu l-inizjattiva biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-grupp. Meta l-indokratur tas-circuit ikun se jżur il-kongregazzjoni li tappoġġa grupp taʼ lingwa barranija, hu se jiftiehem ukoll biex jaħdem mal-grupp fis-servizz taʼ l-għalqa ħalli jkun jistaʼ jsaħħu spiritwalment. Bil-barka taʼ Jehovah, il-grupp taʼ lingwa barranija maż-żmien jistaʼ jsir kongregazzjoni.