Il-Bini Internazzjonali tas-Swali tas-Saltna f’Xi Pajjiżi Ewropej
1 F’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah f’għadd taʼ pajjiżi fl-Ewropa, inkluż l-Ewropa tal-Lvant, ġie ristrett. Fil-biċċa l-kbira mill-każi, ir-restrizzjonijiet kienu kefrin mhux ħażin. Kien diffiċli biex isiru l-laqgħat bil-libertà, u kien kważi impossibbli li jattendu għalihom f’xi Sala tas-Saltna. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, Jehovah kien ‘kbir f’għemilu magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna.’—Salm 126:3.
2 Mill-1983, il-qabda ħarxa max-Xhieda taʼ Jehovah bdiet tintreħa. Sa l-1989, il-Polonja u l-Ungerija bdew jirrikonoxxu legalment lix-Xhieda taʼ Jehovah. Fl-1991, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew rikonoxxuti legalment fir-Russja. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ix-xogħol fir-Russja u f’dawk li qabel kienu r-repubbliki taʼ l-Unjoni Sovjetika kiber ħafna. Bejn Marzu taʼ l-1996 u Ottubru taʼ l-1998, il-Ġemgħa li Tiggverna tat l-approvazzjoni biex jiġu mislufa flus għal 359 Sala tas-Saltna minn uffiċċji tal-fergħa li jieħdu ħsieb 11-il pajjiż differenti fl-Ewropa.
3 Hekk kif tħares lejn l-istampi f’din l-insert, irrifletti dwar l-affarijiet kbar u meraviljużi li Jehovah għamel għan-nies tiegħu. (Salm 136:4) Se tieħu pjaċir tkun taf li l-kontribuzzjonijiet taʼ l-aħwa minn madwar id-dinja qegħdin jintużaw bl-aħjar mod fi qbil mal-kliem li qal Ġesù fi Ġwann 13:35: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”
4 Fost il-pajjiżi fl-Ewropa li bbenefikaw mill-arranġament għall-għajnuna fil-bini tas-Swali tas-Saltna f’artijiet b’riżorsi limitati hemm ir-Rumanija, fejn inbnew 36 Sala tas-Saltna minn Lulju tas-sena 2000. Billi ntuża l-istess pjan għal kważi s-Swali tas-Saltna kollha, fis-sena 2001 fl-Ukraina nbnew 61, u l-mira tagħhom għall-2002 kienet li jibnu 76 oħra. Permezz tal-flus li ġew kontribwiti lill-Fond għas-Swali tas-Saltna, inbnew mijiet taʼ Swali tas-Saltna fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fil-Maċedonja, fil-Moldova, fir-Russja, u fis-Serbja u Montenegro.
5 Il-bini tas-Swali tas-Saltna f’xi pajjiżi ma kienx faċli, u jrid isir ħafna sforz qabel il-bini propju jkun jistaʼ jinbena. Ħafna drabi, il-proċess jieħu ħafna żmien. Ukoll, l-ispejjeż biex tibni Sala tas-Saltna f’dik in-naħa taʼ l-Ewropa huma ħafna akbar minn kemm jiswew f’bosta nħawi fl-Afrika u l-Amerika t’Isfel. Madankollu, minħabba ż-żjieda kbira taʼ dawk li jaqdu lil Jehovah, għad hemm bżonn taʼ mijiet taʼ Swali tas-Saltna f’pajjiżi fl-Ewropa fejn hemm riżorsi limitati!
6 Kemm hija xi ħaġa meraviljuża li tara żjieda daqshekk malajr fil-bini taʼ dawn is-Swali tas-Saltna! Bħalma juru ħafna esperjenzi, ngħatat xiehda eċċellenti lill-ġirien fejn kien qed isir il-bini. F’xi nħawi, l-awtoritajiet lokali huma impressjonati bil-kooperazzjoni li ntweriet biex jiġu osservati l-linji taʼ gwida għall-bini.
7 B’mod xieraq, Isaija pprofetizza dwar iż-żjieda fil-qima vera f’dan iż-żmien. Permezz tal-profeta, Alla ħabbar: “L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Is. 60:22) Bla dubju, dawn l-aħħar għaxar snin taw prova li kien iż-żmien taʼ Jehovah għal żjieda fl-Ewropa tal-Lvant. Jalla Jehovah ikompli jsawwab il-barka għanja tiegħu fuq l-isforzi tagħna biex inħaffu l-bini tas-Swali tas-Saltna f’ħafna postijiet hekk kif nagħtu iktar appoġġ lill-Fond għas-Swali tas-Saltna! Dan se jirriżulta fi żjieda taʼ iktar Swali tas-Saltna f’artijiet b’riżorsi limitati. Se jikkontribwixxi għat-tkabbir fil-qima pura f’ħafna partijiet taʼ l-Ewropa u għal xiehda akbar mogħtija “sa truf l-art.”—Atti 13:47.
[Stampi f’paġna 3]
Kumpless taʼ Sala tas-Saltna
Moska, Russja
[Stampi f’paġni 4-6]
Swali tas-Saltna Ġodda fl-Ewropa tal-Lvant
Strumica, Maċedonja
Daruvar, Kroazja
Bitola, Maċedonja
Sokal, Distrett taʼ Lviv, Ukraina
Sofia, Bulgarija
Krasnooktyabrskiy, ir-Reġjun taʼ Maykop, Russja
Bački Petrovac, Serbja u Montenegro
Plovdiv, Bulgarija
Tlumach, Distrett taʼ Ivano-Frankivsk, Ukraina
Rava-Ruska, Distrett taʼ Lviv, Ukraina
Stara Pazova, Serbja u Montenegro
Zenica, Bosnia u Ħerzegovìna
Sokal, Distrett taʼ Lviv, Ukraina
Zhydachiv, Distrett taʼ Lviv, Ukraina