Mużika Rifreskanti
1 Il-kant u l-mużika huma parti integrali mill-qima vera. F’Iżrael tal-qedem, Asaf u ħutu kantaw: “Faħħru l-Mulej. . . . Għannulu u doqqulu, xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.” (1 Kron. 16:8, 9) Illum aħna ngħollu leħinna bil-kant lil Jehovah fil-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa. (Efes. 5:19) X’opportunità meraviljuża hija din biex infaħħru lil ismu!—Salm 69:31 (69:30, NW).
2 Billi nisimgħu l-Kingdom Melodies, arranġamenti orkestrali t’għanjiet tas-Saltna, nistgħu nimlew moħħna bi ħsibijiet spiritwali. “Waqt li jindaqqu l-melodiji, jien nibda niftakar fil-kliem,” spjegat waħda oħt. “X’mod mill-aħjar biex inżomm lil Jehovah f’moħħi filwaqt li nkun qed nieħu pjaċir bil-mużika!”—Flp. 4:8.
3 Okkażjonijiet biex Ingawduhom: Meta ddoqq il-Kingdom Melodies fid-dar toħloq atmosfera sabiħa u spiritwali li tikkontribwixxi għall-paċi fil-familja. “Aħna ndoqqu din [il-mużika] darba wara l-oħra d-dar u fil-karozza u qatt ma nixbgħu nisimgħuha għax il-mużika tant hija sabiħa u varjata,” kitbet familja waħda. “Ħafna drabi l-Kingdom Melodies pprovdew l-attitudni xierqa aħna u llestu għal-laqgħat Kristjani jew meta nkunu qed nivvjaġġaw għal xi assemblea.” Waħda oħt qalet: “Meta nkun qed nagħmel ix-xogħol tad-dar u noqgħod nismagħhom vera jagħmluni ferħana—min kien qatt jgħaddilu minn moħħu li stajt inkun ferriħija jien u nitwi l-ħwejjeġ? Meta nħossni daqsxejn imdejqa nibda ndoqq din il-mużika. Il-mużika tferraħni wisq! . . . Kull għanja tqanqal il-ferħ.” Hemm okkażjonijiet fejn int tistaʼ tibbenefika minn mużika rifreskanti bħal din?
4 Ħafna mill-mużika taʼ llum tirrifletti l-ispirtu tad-dinja. Il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom jikkultivaw xenqa għal mużika tajba billi jagħmlu użu tajjeb mir-rikordings tal-Kingdom Melodies. Ħafna studenti tal-Bibbja u wħud interessati wkoll jieħdu pjaċir isiru jafu b’dawn l-għanjiet spiritwali tant sbieħ, li jigglorifikaw lil Jehovah u jnisslu l-ferħ.—Salm 47:2, 3, 7, 8 (47:1, 2, 6, 7, NW).