Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—It-Tieni Parti
Nippreparaw biex Nikkonduċu l-Istudju
1 It-tagħlim effettiv waqt studju tal-Bibbja jinvolvi iktar milli sempliċement niddiskutu l-materjal u nfittxu l-iskritturi ċitati. Irridu nippreżentaw l-informazzjoni b’tali mod li tilħaq qalb l-istudent. Dan jirrikjedi li nippreparaw bir-reqqa bl-istudent f’moħħna.—Prov. 15:28.
2 Kif Tipprepara: Ibda billi titlob lil Jehovah dwar l-individwu u l-bżonnijiet tiegħu. Itlob lil Jehovah biex jgħinek tilħaq qalb l-istudent. (Kol. 1:9, 10) Sabiex ikollok it-tema ċara f’moħħok, ħu ftit ħin biex tikkunsidra t-titlu tal-kapitlu jew tal-lezzjoni, is-sottitli, u xi stampi li jistaʼ jkun hemm. Staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu l-għan ewlieni tal-materjal?’ Dan se jgħinek tiffoka fuq il-punti prinċipali waqt li tikkonduċi l-istudju.
3 Irrivedi bir-reqqa l-materjal paragrafu paragrafu. Sib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet stampati, u immarka biss il-kliem u l-frażijiet prinċipali. Analizza kif l-iskritturi ċitati huma marbutin mal-punt prinċipali tal-paragrafu, u iddeċiedi liema minnhom se taqra matul l-istudju. Tistaʼ ssibha t’għajnuna li tniżżel noti qosra dwar l-iskritturi fil-ġenb tal-pubblikazzjoni. L-istudent għandu jifhem b’mod ċar li dak li qed jitgħallem ġej mill-Kelma t’Alla.—1 Tess. 2:13.
4 Addatta l-Lezzjoni Skond l-Individwu: Imbagħad, ikkunsidra l-lezzjoni bl-istudent partikulari f’moħħok. Ipprova aħseb bil-quddiem x’mistoqsijiet se jistaqsi u liema punti għandu mnejn isibhom diffiċli biex jifhimhom jew jaċċettahom. Staqsi lilek innifsek: ‘X’għandu bżonn jifhem jew fuqiex għandu bżonn jaħdem sabiex jimxi ’l quddiem spiritwalment? Kif nistaʼ nilħaqlu qalbu?’ Imbagħad addatta t-tagħlim tiegħek skond dan. Xi drabi, għandek mnejn tħoss il-bżonn li tħejji xi tixbiha, spjegazzjoni, jew serje taʼ mistoqsijiet biex tgħin lill-istudent jifhem it-tifsira taʼ xi punt jew skrittura partikulari. (Neħ. 8:8) Imma evita li ddaħħal informazzjoni żejda li ma tkunx daqshekk neċessarja biex tiżviluppa t-tema. Reviżjoni qasira fl-aħħar taʼ l-istudju se tgħin lill-istudent jiftakar il-punti prinċipali.
5 X’ferħ ikollna meta wħud ġodda jagħmlu frott ġust għat-tifħir taʼ Jehovah! (Flp. 1:11) Sabiex tgħinhom jilħqu din il-mira, ipprepara sewwa kull darba li tikkonduċi studju tal-Bibbja.