Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Ir-Rabaʼ Parti
Inħarrġu lill-Istudenti biex Jippreparaw
1 Student li jaqra l-lezzjoni minn qabel, jimmarka t-tweġibiet, u jaħseb fuq kif jistaʼ jesprimihom fi kliemu stess, ġeneralment jagħmel progress spiritwali mgħaġġel. Għalhekk, ladarba jiġi stabbilit studju regulari, ippreparaw lezzjoni flimkien u uri lill-istudent kif għandu jipprepara. Kif juri l-każ taʼ ħafna studenti, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk tippreparaw kapitlu jew lezzjoni sħiħa flimkien.
2 L-Immarkar u n-Noti: Spjega kif issib tweġibiet diretti għall-mistoqsijiet stampati. Uri lill-istudent mill-kopja persunali tiegħek tal-pubblikazzjoni għall-istudju li int tkun immarkajt biss il-kliem u l-frażijiet prinċipali. Hekk kif tkunu qed tikkunsidraw il-materjal, hu għandu mnejn ikun irid jimita l-eżempju tiegħek, billi fil-kopja tiegħu jimmarka biss dak li hemm bżonn sabiex ikun jistaʼ jiftakar it-tweġiba. (Lq. 6:40) Imbagħad staqsieh biex jgħidlek it-tweġiba fi kliemu. Dan se jgħinek tara kemm qed jifhem sew il-materjal.
3 Parti importanti mill-preparazzjoni għall-istudju taʼ l-istudent hi li jeżamina bir-reqqa l-iskritturi li ma jkunux kwotati. (Atti 17:11) Għinu jara kif l-iskritturi ċitati li m’humiex kwotati jappoġġaw il-punt li jkun qed jinħareġ fil-paragrafu. Urih kif jistaʼ jagħmel noti qosra fil-ġenb tal-pubblikazzjoni li jkun qed jistudja. Enfasizzalu l-fatt li l-Bibbja hija l-bażi taʼ dak li qed jitgħallem. Inkuraġġieh juża kemm jistaʼ jkun l-iskritturi ċitati fil-kummenti tiegħu waqt l-istudju.
4 Daqqa t’Għajn Qabel l-Istudju u Reviżjoni: Qabel ma l-istudent jibda jipprepara l-materjal għall-istudju fid-dettall, se jkun t’għajnuna għalih jekk jagħti daqqa t’għajn minn qabel lis-suġġett. Urih li hu jistaʼ jagħmel dan billi jeżamina fil-qosor it-titlu tal-kapitlu, is-sottitli, u l-istampi. Spjegalu li qabel ma jispiċċa l-preparazzjoni tiegħu jkun għaqli li jieħu l-ħin sabiex jirrivedi l-punti prinċipali tal-lezzjoni, billi forsi juża l-kaxxa għal reviżjoni, jekk ikun hemm. Din ir-ripetizzjoni tgħinu jibqaʼ jiftakar l-informazzjoni.
5 Meta tħarreġ lill-istudent biex jipprepara sew għall-istudju tiegħu, tkun qed tgħinu jagħmel kummenti tajbin fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Tgħinu wkoll jiżviluppa drawwiet tajbin taʼ studju li se jkunu taʼ benefiċċju għalih anki meta jitlesta l-istudju tal-Bibbja li qed isir għalih persunali.