Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—It-Tielet Parti
Użu Effettiv taʼ l-Iskrittura
1. Għala għandna nenfasizzaw l-Iskrittura meta nikkonduċu studji tal-Bibbja?
1 L-iskop tagħna meta nikkonduċu studji tal-Bibbja huwa li ‘nagħmlu dixxipli’ billi ngħinu lin-nies jifhmu u jaċċettaw it-tagħlim tal-Kelma t’Alla u japplikawh f’ħajjithom. (Mt. 28:19, 20; 1 Tess. 2:13) Għalhekk, l-istudju jrid jiċċentra fuq l-Iskrittura. Għall-ewwel, jistaʼ jkun t’għajnuna li nuru lill-istudenti kif isibu versi speċifiċi fil-kopja tal-Bibbja tagħhom stess. Iżda, kif nistgħu nużaw l-Iskrittura biex ngħinu lil uħud bħal dawn jimxu ’l quddiem spiritwalment?
2. Kif nistgħu niddeċiedu liema versi Bibliċi għandna naqraw u niddiskutu?
2 Agħżel Liema Versi Se Taqra: Meta tipprepara, iddetermina liema skrittura mniżżla fil-lezzjoni tapplika għall-punt li se tikkunsidraw, u iddeċiedi liema versi se tfittex u tiddiskuti matul l-istudju. Ġeneralment, tagħmel tajjeb li taqra dawk il-versi li juru l-bażi Skritturali għat-twemmin tagħna. Għandu mnejn li skritturi li jipprovdu informazzjoni sekondarja m’hemmx għalfejn jinqraw. Agħti kas il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi taʼ kull student.
3. X’benefiċċju joħroġ mill-użu tal-mistoqsijiet, u dawn kif nistgħu nużawhom?
3 Uża l-Mistoqsijiet: Minflok ma tispjega l-versi Bibliċi lill-istudent, staqsih biex jispjegahomlok hu. Tistaʼ tinkuraġġih jagħmel dan billi tuża mistoqsijiet bit-tattika. Jekk l-applikar taʼ xi skrittura huwa ovvju, tistaʼ sempliċement tistaqsih kif il-vers jappoġġa dak li jintqal fil-paragrafu. F’każi oħra, jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ mistoqsija jew serje taʼ mistoqsijiet iktar speċifiċi sabiex tgħin lill-istudent jasal għall-konklużjoni t-tajba. Jekk ikun hemm bżonn taʼ iktar spjegazzjonijiet, dawn tistaʼ tagħmilhom wara li jkun wieġeb l-istudent.
4. Kemm hemm bżonn nagħtu spjegazzjoni għall-iskritturi li naqraw?
4 Żomm l-Ispjegazzjoni Sempliċi: Ġeneralment, arċier tas-sengħa vleġġa waħda biss ikollu bżonn biex jolqot il-mira. Bl-istess mod, għalliem tas-sengħa m’għandux għalfejn jgħid ħafna kliem biex jenfasizza punt. Jistaʼ jagħti l-informazzjoni b’mod sempliċi, ċar, u eżatt. Xi drabi, għandu mnejn ikollok tagħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet Kristjani sabiex tifhem skrittura u tispjegaha b’mod korrett. (2 Tim. 2:15) Imma evita li tipprova tispjega kull aspett taʼ kull skrittura fl-istudju. Inkludi biss dak li hu meħtieġ sabiex toħroġ il-punt li tkun qed tikkunsidra.
5, 6. Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti japplikaw il-Kelma t’Alla f’ħajjithom, imma x’għandna nevitaw?
5 Applika l-Versi b’Mod Prattiku: Meta jkun addattat, għin lill-istudent jara kif il-versi Bibliċi japplikaw għalih personalment. Per eżempju, meta tikkunsidra Ebrej 10:24, 25 maʼ student li għadu ma bediex jattendi l-laqgħat Kristjani, tistaʼ forsi tiddiskuti waħda mil-laqgħat u tistiednu jattendi għaliha. Imma toqgħodx tisforzah. Ħalli l-Kelma t’Alla timmotivah biex jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex jogħġob lil Ġeħova.—Ebr. 4:12.
6 Hekk kif inwettqu l-inkarigu biex nagħmlu dixxipli, jalla ‘ninkuraġġixxu l-ubbidjenza bil-fidi’ billi nużaw l-Iskrittura b’mod effettiv.—Rum. 16:26.