L-Ippridkar tas-Saltna—Privileġġ Prezzjuż
1 Kuljum, biljuni mill-abitanti taʼ l-art jibbenefikaw mill-provvedimenti ġenerużi taʼ Ġeħova għall-ħajja. (Mt. 5:45) Madankollu, ftit ferm huma dawk li jgawdu l-privileġġ uniku li juru apprezzament lejn il-Ħallieq tagħhom billi jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mt. 24:14) Kemm tistmah int dan il-privileġġ prezzjuż?
2 L-ippridkar tas-Saltna jonora lil Alla u jagħti tama u sliem lin-nies li huma mnikktin minħabba ż-żmien taʼ taqlib li hawn illum. (Ebr. 13:15) Għal dawk li jwieġbu favorevolment għall-messaġġ, ikun ifisser ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 17:3) Liema karriera jew professjoni sekulari toffri daqshekk benefiċċji? L-appostlu Pawlu wera l-apprezzament tiegħu għall-ministeru bil-mod kif wettqu. Kien iqisu bħala teżor.—Atti 20:20, 21, 24; 2 Kor. 4:1, 7.
3 Ngħożżu l-Privileġġ Prezzjuż Tagħna: Mod wieħed kif nuru li napprezzaw il-privileġġ li nippridkaw huwa billi noqogħdu attenti għall-kwalità tas-servizz tagħna. Nieħdu aħna l-ħin biex nippreparaw preżentazzjoni li tmiss qalb dawk li jisimgħuna? Nistgħu ntejbu s-sengħa tagħna fil-mod kif nużaw l-Iskrittura u nirraġunaw man-nies? Naħdmuh bir-reqqa t-territorju li jingħatalna? Kapaċi aħna nibdew u nikkonduċu studju tal-Bibbja? Bħall-Kristjani leali, kemm tal-passat u kemm tal-preżent, aħna nagħmlu dan għax għandna ħarsa xierqa lejn din l-attività u ngħożżu l-privileġġ li għandna.—Mt. 25:14-23.
4 Meta nkunu qed inbatu mill-effetti taʼ l-età avanzata, tal-mard, jew taʼ ċirkustanzi diffiċli oħrajn, ikun taʼ faraġ li nkunu nafu li l-isforzi żelużi tagħna biex nieħdu sehem fil-ministeru huma tabilħaqq stmati ferm. Il-Kelma t’Alla tassigurana li Ġeħova japprezza dawn l-isforzi biex naqduh, anki dawk l-isforzi li forsi ma jidhrux impressjonanti f’għajnejn ħaddieħor.—Lq. 21:1-4.
5 L-ippridkar tas-Saltna hu sors taʼ sodisfazzjon kbir. Oħt li għandha 92 sena qalet: “Xi privileġġ li nħares lura lejn 80 sena taʼ servizz dedikat lil Alla—u xejn ma jiddispjaċini! Kieku kelli nerġaʼ ngħix ħajti, kont ngħix l-istess ħajja għaliex, tabilħaqq, ‘it-tjieba t’Alla aħjar mill-ħajja.’” (Salm 63:4 [63:3, NW]) Jalla aħna wkoll ngħożżu dan il-privileġġ prezzjuż li tana Alla—ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.