Tkellem m’Oħrajn dwar “id-Dawl tad-Dinja”
1. Liema dawl kbir kien ġie profetizzat fil-Kelma t’Alla, u liema okkażjoni tiġbed attenzjoni speċjali għal dan id-dawl?
1 Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova pprofetizza: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.” (Is. 9:1 [9:2, NW]) Dan id-“dawl kbir” deher fil-kondotta taʼ l-Iben t’Alla nnifsu, Ġesù Kristu. Ix-xogħol tiegħu taʼ l-ippridkar waqt li kien fuq l-art u l-benefiċċji tas-sagrifiċċju tiegħu tejbu l-kundizzjoni spiritwali taʼ dawk li kienu fid-dlam. In-nies illum għandhom bżonn dan id-dawl f’dawn iż-żminijiet mudlama. L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej tagħtina opportunità speċjali biex nitkellmu dwar “id-dawl tad-dinja.” (Ġw. 8:12) Is-sena l-oħra, miljuni taʼ nies urew ċertu ammont taʼ fidi billi ngħaqdu magħna biex jobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Lq. 22:19) Hekk kif noqorbu għall-kommemorazzjoni tat-Tifkira taʼ din is-sena, kif nistgħu nagħtu sehemna f’li nidderieġu l-attenzjoni lejn id-dawl kbir li Ġeħova ġiegħel li jiddi?—Flp. 2:15.
2. Kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna mill-qalb għas-sagrifiċċju tal-fidwa, u x’riżultati se jġib meta nagħmlu dan?
2 Ibni Apprezzament mill-Qalb: L-istaġun tat-Tifkira huwa ż-żmien adattat biex nimmeditaw fuq l-imħabba kbira li Ġeħova u Ġesù wrew f’li jipprovdu s-sagrifiċċju tal-fidwa għall-umanità. (Ġw. 3:16; 2 Kor. 5:14, 15) Meditazzjoni bħal din bla dubju tkabbar l-apprezzament tagħna mill-qalb għal din l-okkażjoni qaddisa. In-nies kollha t’Alla se jkunu jridu jwarrbu l-ħin biex jaqraw u jimmeditaw fuq il-qari tal-Bibbja speċjali għat-Tifkira, kif jidher fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum. Meta naħsbu dwar il-kwalitajiet supremi taʼ Ġeħova, li huma rivelati b’mod glorjuż permezz tal-provvediment tiegħu tal-fidwa, aħna nħossuna kburin li hu l-Alla tagħna. Meta nirriflettu dwar xi tfisser il-fidwa għalina personalment, l-imħabba tagħna mill-qalb għal Alla u għal Ibnu tikber u niġu motivati biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu f’li nagħmlu r-rieda t’Alla.—Gal. 2:20.
3. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għat-Tifkira?
3 Jekk inkabbru l-apprezzament tagħna għall-provvediment taʼ salvazzjoni mingħand Ġeħova, l-entużjażmu tagħna għat-Tifkira se jħalli effett fuq l-istudenti tal-Bibbja, iż-żjajjar lura, il-qraba, il-ġirien, sħabna taʼ l-iskola, sħabna tax-xogħol, u oħrajn li nistiednu għal din l-okkażjoni speċjali. (Lq. 6:45) Għalhekk, agħmel sforz speċjali biex tistieden lil dawn kollha billi toffrilhom l-invit għat-Tifkira li jservi bħala tfakkira għalihom. Sabiex ma jħallu lil ħadd barra, ħafna sabuha utli li jżommu lista taʼ dawk li jistiednu regolarment għat-Tifkira, u jżidu ’l-ġodda kull sena. Il-fatt li nagħmlu dan b’mod organizzat u li nuru ħeġġa f’li nistiednu lil uħud interessati huwa mod eċċellenti kif nesprimu l-gratitudni tagħna lejn Alla Ġeħova “għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.”—2 Kor. 9:15.
4. X’jistaʼ jgħinna nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru matul ix-xhur taʼ Marzu u April?
4 Qattaʼ Iktar Ħin fil-Ministeru: Tistaʼ żżid is-sehem tiegħek fil-ministeru matul ix-xhur taʼ Marzu u April? Il-barka t’Alla żgur li se tiġi fuq dawk li jħabirku biex jaqsmu m’oħrajn “l-aħbar tajba glorjuża dwar il-Kristu.” Ġeħova, bħala s-Sors taʼ kull tidwil spiritwali, ikkmanda: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam.” (2 Kor. 4:4-6) Skond il-bżonn, l-anzjani se jagħmlu arranġamenti biex ikun hemm laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa f’ħinijiet u f’postijiet oħrajn, billi jkunu minn taʼ quddiem f’li jappoġġaw ’il-pubblikaturi li jkunu jridu jqattgħu iżjed ħin fil-ministeru. Dan jistaʼ jinkludi għoti taʼ xiehda fit-triq kmieni fil-għodu jew arranġamenti biex jinħadem it-territorju tan-negozju u għoti taʼ xiehda bit-telefon wara nofsinhar jew kmieni fil-għaxija. Bħala għajnuna biex iżżid is-sehem tiegħek fil-ministeru, agħmel mira raġunevoli taʼ sigħat, u stinka biex tilħaqha. Għal ħafna wħud, li jagħtu lil Ġeħova l-aħjar jinkludi l-privileġġ li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji.—Kol. 3:23, 24.
5. Ħafna wħud kif qed jibbenefikaw mit-tnaqqis fil-ħtieġa tas-sigħat għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju?
5 Tistaʼ Taqdi Bħala Pijunier Awżiljarju? Issa ilu ’l fuq minn sebaʼ snin mindu tnaqqset il-ħtieġa tas-sigħat għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Dan l-aġġustament għamilha possibbli għal ħafna iktar uħud biex jesperjenzaw il-barkiet tas-servizz taʼ pijunier awżiljarju. Int ipprovajt tagħmlu? Xi wħud jiħduha drawwa li jagħmluh kull sena. F’ħafna kongregazzjonijiet, numru kbir taʼ pubblikaturi jibdew iwettqu dan is-servizz flimkien u jkun żmien premjanti li jispikka fl-attività tal-kongregazzjoni taʼ matul is-sena. Tistaʼ tagħmel skeda biex tqattaʼ xahar mill-isbaħ taqdi bħala pijunier awżiljarju matul l-istaġun tat-Tifkira? Ix-xahar t’April jistaʼ jkun xahar ideali għal xi wħud, minħabba li fih ħames Sibtijiet u Ħdud, u l-Ġimgħa, 14 t’April hija btala pubblika.
6. Liema arranġamenti eċċitanti hemm disponibbli għalik?
6 Hija mniżżla fl-iskeda tal-kongregazzjoni tiegħek iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit għal matul ix-xhur taʼ Marzu jew April? Hemm opportunità speċjali disponibbli għalik. Bħalma tħabbar diġà, matul is-sena taʼ servizz 2006, dawk kollha li jkunu qed jaqdu bħala pijunieri awżiljarji matul ix-xahar li fih l-indokratur tas-circuit jagħmel iż-żjajjar se jiġu mistidnin jattendu għall-ewwel parti tal-laqgħa mal-pijunieri li ssir f’dik il-ġimgħa taż-żjara. M’hemm ebda dubju li l-informazzjoni li ssaħħaħ spiritwalment, provduta waqt din il-laqgħa, se tgħin lil ħafna pijunieri awżiljarji jistinkaw biex ikunu pijunieri regulari. Barra minn hekk, matul ix-xahar taʼ Marzu se jkollna l-pjaċir li ngħinu lin-nies jiġu fid-dawl spiritwali permezz taʼ pubblikazzjoni ġdida għall-istudju bl-isem Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Għaliex ma tagħmilhiex il-mira tiegħek li tibda studju tal-Bibbja bil-ktieb il-ġdid?
7, 8. (a) X’jistaʼ jgħinna nagħmlu skeda biex inkunu nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji? (b) Il-kooperazzjoni fil-familja kif tistaʼ tgħin, u kif tistaʼ l-familja kollha tibbenefika?
7 Waqt li tikkunsidra l-ħtieġa taʼ 50 siegħa għal pijunier awżiljarju, iddetermina liema skeda tippermettilek li tiddi d-dawl tal-verità għal madwar 12-il siegħa kull ġimgħa. Iddiskutiha maʼ dawk li għamlu dan b’suċċess, kif ukoll m’oħrajn. Dan jistaʼ jinkuraġġihom biex jingħaqdu miegħek. Bi ppjanar tajjeb, pubblikaturi mgħammdin, kemm żgħar kif ukoll kbar, sabu li ma kienx daqshekk diffiċli li jilħqu din il-mira taʼ min ifaħħarha. Itlob dwarha. Imbagħad, jekk hu possibbli, agħmel il-pjanijiet tiegħek, u gawdi s-servizz taʼ pijunier awżiljarju!—Mal. 3:10.
8 Ħafna sabu li l-appoġġ mill-familja kollha għamilha possibbli biex minn taʼ l-inqas membru wieħed tal-familja jilħaq din il-mira. Familja taʼ ħamsa, ilkoll mgħammdin, iddeċidew li kollha jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Żewġt itfal oħra li ma kinux għadhom mgħammdin għamlu sforz speċjali biex iżidu l-attività tagħhom. Kif ibbenefikat il-familja billi għamlet dan l-isforz speċjali? Huma kitbu: “Tant kien xahar pjaċevoli li ħassejna li l-għaqda fil-familja ssaħħet. Nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dawn il-barkiet meraviljużi!”
9. Kif nistgħu nħallu d-dawl tagħna jiddi matul dan l-istaġun tat-Tifkira?
9 Se timmotivana u tressaqna eqreb lejn Missierna tas-sema l-attività tagħna taʼ matul Marzu u April? Is-suċċess tagħna f’dan ir-rigward jiddependi mill-isforz persunali li nagħmlu f’li nkabbru l-imħabba tagħna għal Alla u għal Ibnu u nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru. Jalla d-determinazzjoni tagħna tkun bħal dik tas-salmista, li kanta: “Niżżi ħajr ħafna lill-Mulej, f’ġemgħa kbira taʼ nies infaħħru.” (Salm 109:30) Ġeħova se jbierek l-attività mimlija żelu tagħna f’dan l-istaġun tat-Tifkira. Mela ejja nħallu dawl kbir jiddi sabiex ħafna iktar nies jistgħu joħorġu minn ġod-dlam u ‘jkollhom id-dawl tal-ħajja.’—Ġw. 8:12.