Uri Interess Persunali—Billi Tagħmel Kuntatt bl-Għajnejn
1 Meta nkunu qed nagħtu xiehda pubblika u minn dar għal dar, spiss nagħmlu kuntatt bl-għajnejn qabel ma nibdew nitkellmu. F’dak il-mument qasir, għandna mnejn nifhmu mill-espressjoni taʼ wiċċhom kif l-inkwilini qed iħossuhom dwar il-preżenza tagħna u anki liema burdata jinsabu fiha. Bl-istess mod, huma jistgħu jagħrfu xi ħaġa dwarna. Waħda mara qalet hekk rigward żjara li kellha minn waħda Xhud: “Li niftakar dwar il-wiċċ daħqan tagħha kien il-paċi li kellha. Qanqlitli l-kurżità.” Dan wassal biex il-mara tismaʼ l-aħbar tajba.
2 Iż-żamma tal-kuntatt bl-għajnejn m’oħrajn hija mod effettiv li jwassal biex nibdew nagħtu xiehda kemm fit-toroq u kemm f’postijiet pubbliċi. Wieħed ħu jħares f’għajnejn dawk li jkunu qed javviċinawh. Meta hu jagħmel kuntatt bl-għajnejn, jitbissem u jippreżenta r-rivisti. B’dan il-metodu hu jħalli ħafna letteratura u jgawdi ħafna diskussjonijiet sbieħ.
3 Agħraf is-Sentimenti taʼ Ħaddieħor: Aħna niġu megħjunin nagħrfu s-sentimenti taʼ ħaddieħor meta nżommu kuntatt bl-għajnejn. Per eżempju, jekk xi ħadd għandu diffikultà biex jifhem jew ma jaqbilx maʼ dak li qed ngħidu, normalment se jidher fl-espressjoni taʼ wiċċu. Jekk jinsab imħabbat jew qed jitlef il-paċenzja, aħna se nindunaw b’dan billi nosservaw l-espressjoni taʼ wiċċu. Nistgħu naġġustaw jew inqassru l-preżentazzjoni tagħna skond il-bżonn. Mod sabiħ biex nuru l-interess persunali f’oħrajn huwa billi nkunu sensittivi għas-sentimenti tagħhom.
4 Is-Sinċerità u l-Konvinzjoni: F’diversi kulturi, li tħares f’għajnejn persuna jistaʼ jitqies bħala evidenza li int sinċier. Innota kif Ġesù wieġeb meta d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Min tassew jistaʼ jiġi salvat?” Il-Bibbja tgħid: “Waqt li ħares fiss lejhom, Ġesù qalilhom: ‘Għall-bnedmin dan hu impossibbli, imma għal Alla kollox hu possibbli.’” (Mt. 19:25, 26) Bla dubju, il-konvinzjoni f’għajnejn Ġesù żiedet l-impatt fi kliemu. Bl-istess mod, li nżommu kuntatt bl-għajnejn se jgħinna biex inwasslu l-messaġġ tas-Saltna bis-sinċerità u bil-konvinzjoni.—2 Kor. 2:17; 1 Tess. 1:5.