Meta n-Nies Ma Jkunux id-Dar
1. Xi problema komuni nsibu meta nieħdu sehem fil-ministeru minn dar għal dar?
1 F’ħafna nħawi qed isir iktar diffiċli biex insibu n-nies id-dar. F’dawn iż-“żminijiet kritiċi,” ħafna bilfors ikollhom jaħdmu sigħat twal sabiex jiksbu n-neċessitajiet bażiċi. (2 Tim. 3:1) Xi wħud għandhom mnejn ma jkunux id-dar għax ikunu qed jixtru jew ikunu qed jieħdu sehem f’xi rikreazzjoni. Kif nistgħu nilħqu lill-uħud bħal dawn bl-aħbar tajba?
2. Kif nistgħu nkunu żguri li nerġgħu nżuru lil dawk li ma jkunux id-dar?
2 Ħu Noti Tajbin: L-ewwel pass hu li nieħdu nota taʼ dawk li ma jkunux id-dar. Dan hu taʼ importanza kbira jekk taħdem it-territorju tiegħek taʼ spiss. Tieħu nota taʼ l-isem tat-triq, tan-numru tal-mappa tat-territorju, taʼ ismek, u tad-data? Tistaʼ tħalli l-vojt biex tieħu iktar noti meta int jew pubblikatur ieħor imur lura biex iżur lil dawk li ma jkunux id-dar. Wara li jinħadem it-territorju, tinsiex tagħti n-noti lill-individwu li għandu t-territorju, sakemm ma jaqbilx li terġaʼ żżurhom int stess lil dawk li ma jkunux id-dar. Uża karta separata biex tniżżel xi interess li tkun sibt ħalli tkun tistaʼ tmur lura.
3. X’inhuma xi ftit suġġerimenti biex nilħqu lil dawk li ma jkunux id-dar?
3 Ipprova Mur f’Ħin Differenti: Forsi xi wħud li ma jkunux id-dar waqt il-ħinijiet tax-xogħol għandhom mnejn ikunu d-dar fil-għaxijiet jew fi tmiem il-ġimgħa. Tistaʼ tirranġa l-iskeda tiegħek biex tmur lura f’ħin iktar adattat? (1 Kor. 10:24) Jekk le, int tistaʼ tagħti n-noti lil xi pubblikatur li jistaʼ jagħmilhom f’ħin differenti. Inkella, lil dawk li ma jkunux id-dar, tistaʼ tiktbilhom jew tipprova tkellimhom bit-telefon. Il-pubblikaturi li l-problemi taʼ saħħa jillimitawlhom is-sehem tagħhom fix-xogħol minn dar għal dar għandhom mnejn jieħdu gost jgħinuk tagħmel dan.
4. X’juri kemm hu importanti li mmorru nżuru lil dawk li ma jkunux id-dar?
4 Każ wieħed juri kemm hu importanti li nipprovaw nikkuntattjaw lil dawk li ma jkunux id-dar. Wara li xi pubblikaturi damu jħabbtu dar darba wara l-oħra għal tliet snin, fl-aħħar l-inkwilina nstabet id-dar. Irriżulta li hi kienet ilha dak iż-żmien kollu tistenna li jżurha xi ħadd mix-Xhieda sabiex terġaʼ tibda l-istudju tal-Bibbja li kellha qabel ma marret toqgħod f’dawk l-inħawi.
5. Territorju meta jiġi kunsidrat lest?
5 Lesti t-Territorju: Territorju meta jiġi kunsidrat lest? Ġeneralment, dan iseħħ meta jkunu saru l-isforzi raġunevoli kollha biex jiġi kuntattjat xi ħadd f’kull dar. Ikun xieraq li fejn ma nsibux nies id-dar inħallu fuljett jew rivista antika fejn ma jidhrux, speċjalment fit-territorji li ma jinħadmux spiss. It-territorju jrid jitlesta fi żmien erbaʼ xhur. Imbagħad, dan irid jingħata lura sabiex dak li jieħu ħsieb it-territorju jkun jistaʼ jaġġorna n-noti tiegħu.
6. Għala għandna nipprovaw nilħqu lil kulħadd fit-territorju tagħna bl-aħbar tajba?
6 Aħna rridu lil kemm jistaʼ jkun nies ikollhom opportunità jitgħallmu jsejħu isem Ġeħova u jiġu salvati. (Rum. 10:13, 14) Dan jinkludi lil dawk li jinzertaw mhux qegħdin id-dar meta mmorru minn dar għal dar. Bħall-appostlu Pawlu, jalla tkun ix-xewqa tiegħek li ‘tagħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.’—Atti 20:24.