Tużaha Int il-Kelma t’Alla bl-Aħjar Mod?
1 F’dinja li taʼ spiss ma turix fiduċja fil-Bibbja, il-Kristjani veri jappoġġaw il-Kelma t’Alla b’mod żeluż. Konvinti li “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla,” aħna naqblu maʼ Ġesù Kristu, li qal f’talba lil Ġeħova: “Kelmtek hi l-verità.” (2 Tim. 3:16; Ġw. 17:17) Kif nistgħu nużaw b’mod effettiv il-Kelma t’Alla?
2 Nitgħallmu l-Iskritturi: Ġesù bla dubju kien iħabrek biex jitgħallem il-Kelma t’Alla. Dan għenu biex jgħallem mill-Iskrittura matul il-ministeru tiegħu. (Lq. 4:16-21; 24:44-46) Kif nistgħu naħżnu biżżejjed skritturi f’moħħna? Dan nagħmluh billi naqraw il-Bibbja kuljum u mbagħad nimmeditaw fuq vers li nkunu sibnieh tassew inkuraġġanti jew t’għajnuna għall-ministeru. Meta nkunu qed nippreparaw għal-laqgħat, irridu nfittxu u naqraw l-iskritturi ċitati direttament mill-Bibbja u forsi nippreparaw xi kumment dwarhom. Meta nattendu l-laqgħat, irridu nsegwu fil-Bibbja tagħna hekk kif il-kelliemi jaqra l-iskritturi. Il-fatt li nitgħallmu versi mill-Bibbja se jippreparana biex ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità.’—2 Tim. 2:15.
3 Ħalli l-Bibbja Titkellem: Meta nkunu qed nieħdu sehem fil-ministeru, irridu nħallu l-Bibbja titkellem. Per eżempju, jekk jippermettu ċ-ċirkustanzi, irridu nipprovaw naqraw skrittura u niddiskutuha maʼ l-inkwilin. Jekk hu jistaqsi mistoqsija jew ikollu xi oġġezzjoni, l-aqwa mod kif inwieġbu hu billi nużaw il-Bibbja. Meta l-inkwilin ikollu x’jagħmel, xorta waħda nistgħu niġbdu l-attenzjoni tiegħu lejn ħsieb Bibliku billi ngħidu, “Qabel ma nitlaq, ippermettili naqralek biss din l-iskrittura.” Fejn ikun possibbli, aqra direttament mill-Bibbja, waqt li tħalli lil dak li qed jisimgħek isegwi miegħek int u taqra.
4 Meta wieħed inkwilin ġie muri xi skritturi li jiċħdu t-Trinità, hu qal, “Jien ilni ħajti kollha mmur il-knisja, u tassew qatt ma kont naf li l-Bibbja tgħid hekk!” Hu mill-ewwel aċċetta studju tal-Bibbja. Ġesù qal li n-nagħaġ tiegħu kellhom jisimgħu leħnu. (Ġw. 10:16, 27) L-aqwa mod biex l-uħud taʼ qalb onesta jirrikonoxxu l-verità hu billi jarawha direttament mill-Iskrittura. Għalhekk, ejja nużaw il-verità tal-Kelma t’Alla bl-aħjar mod!