Inqimu lil Ġeħova Bħala Familja
1 Fiż-żminijiet Bibliċi, il-membri tal-familja kienu jagħmlu ħafna affarijiet flimkien. Kienu jagħmlu x-xogħol taʼ kuljum u bil-wisq iktar importanti kienu jqimu lil Ġeħova bħala familja. (Lev. 10:12-14; Dt. 31:12) Illum, f’ħafna pajjiżi, il-membri tal-familja jagħmlu ftit li xejn affarijiet flimkien. Madankollu, il-Kristjani jirrikonoxxu l-valur taʼ li jieħdu sehem fl-attivitajiet bħala familja, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-qima. Żgur li l-Oriġinatur tal-familja jieħu gost jara familji jqimuh f’unità!
2 Ippridkaw Flimkien: Ir-rabta tal-familja tissaħħaħ meta l-membri jaħdmu flimkien fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Għalhekk, minbarra li jaħdem fl-ippridkar m’oħrajn fil-kongregazzjoni, anzjan se jaħdem ukoll regolarment maʼ martu u wliedu. (1 Tim. 3:4, 5) Minkejja li jkollhom skeda mimlija, anki l-indokraturi li jivvjaġġaw jippjanaw ħin biex jaħdmu maʼ marthom fil-ministeru.
3 Il-ġenituri li jippridkaw maʼ wliedhom huma kapaċi biex jgħinuhom jagħmlu progress bħala evanġelizzaturi. It-tfal mhux biss se josservaw il-ferħ u s-sodisfazzjon tal-ġenituri tagħhom fil-ministeru imma wkoll se jaraw lill-ġenituri tagħhom jesprimu mħabbithom għal Ġeħova u għall-proxxmu. (Dt. 6:5-7) Huwa importanti li dan jibqaʼ jsir anki meta t-tfal fid-dar jikbru. Il-ġenituri taʼ tliet subien bejn il-15 u l-21 sena għadhom jaħdmu magħhom fil-ministeru fuq bażi regulari. Il-missier qal: “Aħna kull darba ngħallmuhom xi ħaġa. U aħna naċċertaw ruħna li din tkun esperjenza pjaċevoli u inkuraġġanti.”
4 Ippreparaw Flimkien: Il-familji sabuh taʼ benefiċċju l-fatt li jippreparaw għall-ministeru flimkien. Taʼ spiss, it-tfal iħobbu jipprattikaw mal-membri tal-familja billi darba kull wieħed jagħmlu l-preżentazzjoni jew jagħmluha taʼ l-inkwilin. Xi wħud jużaw ftit minuti fit-tmiem taʼ l-istudju tal-familja biex jagħmlu dan.
5 Il-ferħ tagħna jiżdied meta nieħdu sehem f’attivitajiet importanti u sodisfaċenti maʼ dawk li nħobbu. Kemm jieħdu pjaċir il-membri tal-familja meta jaħdmu flimkien fil-ministeru taʼ l-għalqa minn dar għal dar kif ukoll meta jagħmlu ż-żjajjar lura u jikkonduċu studji tal-Bibbja! B’hekk, hekk kif tqim lil Ġeħova mal-familja tiegħek, int bil-ferħ tistaʼ tgħid: “Jien u dari naqdu l-Mulej.”—Ġoż. 24:15.