‘Agħti Xiehda bir-Reqqa’—Billi Tagħti Xiehda fl-Appartamenti
1. X’jinvolvi li ‘nagħtu xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba’?
1 Bħall-appostlu Pawlu, aħna nixtiequ ‘nagħtu xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.’ (Atti 20:24) Għalhekk, aħna nistinkaw biex nilħqu kemm jistaʼ jkun nies fit-territorju tagħna bil-messaġġ tas-Saltna. Dan jinkludi lil għadd kbir taʼ nies li jgħixu f’bini kollu appartamenti. Kultant, jistaʼ jkun taʼ sfida li nidħlu f’bini bħal dan. Madankollu, ladarba l-appartamenti jkun fihom ħafna nies, dawn jagħtuna ħafna opportunitajiet biex inxerrdu l-aħbar tajba.
2. Għala huwa neċessarju li nkunu diskreti u nużaw l-għaqal meta nagħtu xiehda fl-appartamenti?
2 Minħabba t-theddida tal-kriminalità u l-vjolenza, għadd li dejjem jikber taʼ bini bl-appartamenti jkun imsakkar u jkollu lil xi ħadd li jieħu ħsieb il-bieb jew il-kameras taʼ l-għassa. (2 Tim. 3:1, 2) Il-maniġment jistaʼ jkollu r-regola li individwi mhux mistidnin ma jitħallewx jidħlu. Xi maniġer forsi jkun lest li jitlobna nitilqu, speċjalment jekk xi ħadd minn dawk li joqgħod hemm jilmenta. Għalhekk, huwa importanti li nkunu diskreti u nużaw l-għaqal.
3. Meta jkun l-aħjar li naħdmu l-appartamenti, u għala?
3 Meta Għandna Naħdmuhom: Bħal f’tipi oħrajn taʼ territorju, ikun l-aħjar li nippridkaw fl-appartamenti meta x’aktarx li r-residenti jkunu d-dar. Jistgħu jitqajmu s-suspetti jekk inkunu hemm meta ħafna minn dawk li joqogħdu fil-post ma jkunux id-dar. Ħafna pubblikaturi rnexxielhom isibu n-nies id-dar kmieni fil-għaxija kif ukoll wara nofsinhar fis-Sibtijiet u l-Ħdud. Jistaʼ jkun hemm ilmenti mal-maniġment jekk naħdmu l-appartamenti kmieni wisq fil-għodu, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa.
4, 5. Kif nistgħu nidħlu f’xi bini bl-appartamenti li jkun imsakkar?
4 Kif Nidħlu f’Bini t’Appartamenti: Il-pubblikaturi m’għandhomx jikkuntattjaw lil xi maniġer jew lil xi ħadd ieħor li hu responsabbli għall-appartamenti qabel ma jmorru fil-ministeru. Jekk il-bini msakkar għandu interkom, nistgħu nużawh biex insibu lil xi ħadd li jaqbel li jħallina nidħlu biex inkellmuh. Skond it-tip t’appartamenti, forsi nkunu nistgħu nagħmlu żjajjar oħrajn minn bieb għal bieb fil-bini wara li nkunu tkellimna maʼ l-individwu li tana l-permess biex nidħlu. Madankollu, f’każi oħrajn, ikun għaqli li noħorġu mill-bini u nużaw l-interkom biex nikkuntattjaw lir-resident li jmiss. Għandna nużaw l-għaqal meta niddeċiedu lil kemm inkwilini se nikkuntattjaw b’dan il-mod fl-istess okkażjoni.
5 Xi inkwilini forsi jippreferu li tgħidilhom l-iskop taż-żjara tiegħek minn fuq l-interkom. Jekk inhu hekk, introduċi lilek innifsek b’mod dħuli. Uża l-isem taʼ inkwilin jekk ikun jidher fuq l-interkom. Semmi s-suġġett tiegħek fil-qosor. Xi wħud irnexxielhom jaqraw introduzzjoni direttament mill-ktieb Reasoning.
6. X’għandna nagħmlu meta naħdmu bini fejn ikun hemm xi ħadd għassa mal-bieb?
6 Jekk il-bini jkollu lil xi ħadd għassa mal-bieb li ma jħalliniex nikkuntattjaw lin-nies li joqogħdu fl-appartamenti, nistgħu nagħmlu sforz biex nagħtu xiehda lilu. Ħafna minn dawn l-uħud jieħdu gost jaqraw il-letteratura tagħna. Forsi nkunu nistgħu nibdew studju tal-Bibbja u nikkonduċuh fl-entratura. Jekk dak li jkun għassa mal-bieb jippermettilna nżuru lil xi ħadd speċifiku li jkun wera interess, ġeneralment ikun aħjar li ma naqbdux u nħabbtu l-bibien l-oħrajn tal-bini.
7. X’għandna nżommu f’moħħna dwar il-basket tagħna tal-ministeru?
7 Dehra u Mġiba: Nistgħu nagħtu fil-għajn jekk inġorru magħna bagalji kbar u goffi. Għalhekk, forsi nistgħu naħsbu biex nużaw bagalja jew basket żgħir jew xejn. Xi pubblikaturi jpoġġu xi letteratura ġo folder irqiq u jġorru l-Bibbja tagħhom f’idejhom jew fil-but.
8. Kif għandu jiġi organizzat il-grupp biex tingħata xiehda fl-appartamenti?
8 Ikun aħjar li ma ninġabrux fi gruppi kbar, speċjalment fl-entraturi jew fil-parkeġġi, għax dan jiġbed l-attenzjoni bla bżonn. Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet adattati meta nippridkaw fl-appartamenti li jkunu fi nħawi fejn hemm ħafna kriminalità. (Prov. 22:3) Per eżempju, żewġ jew tliet pari taʼ pubblikaturi jistgħu jaħdmu fl-istess sular qrib biżżejjed li jkunu jistgħu jisimgħu lil xulxin, forsi billi jitkellmu darba kull wieħed waqt li l-oħrajn jistennew.
9. Kif nistgħu nuru manjieri tajbin, u dan għala hu importanti?
9 Meta tidħol f’bini t’appartamenti, imsaħ saqajk u agħlaq il-bieb sew warajk. Meta nuru manjieri bħal dawn, aħna nagħtu lill-inkwilini inqas raġunijiet biex jilmentaw. Ladarba tidħol ġewwa, mur dritt lejn il-lift jew lejn is-sular li se jinħadem minflok ma toqgħod titnikker fid-daħla. Dan ma jħallix lil min qed jarak jissuspetta fik.
10. Kif nistgħu nevitaw ħsejjes bla bżonn fil-kurituri?
10 F’ħafna bini t’appartamenti, jinstemaʼ kull ħoss fil-kurituri. Għalhekk, titkellimx b’leħen għoli iktar milli hemm bżonn imma għollih biżżejjed biex l-inkwilin jisimgħek b’mod komdu. Meta tkellem lill-pubblikaturi l-oħrajn, żomm leħnek baxx, imma tkellem b’ton kalm u moderat ħalli tevita li tqajjem is-suspetti. Minflok ma jħabbtu bieb wara l-ieħor fl-istess kuritur, biex ma jdejqux lill-inkwilini bla bżonn, xi pubblikaturi jaħdmu min-naħa għall-oħra tal-kuritur sakemm is-sular jinħadem kollu. Iktar minn hekk, tistaʼ tbeżżaʼ lil min ikun ġewwa jekk tħabbat bil-qawwi jew b’awtorità.
11. Liema suġġerimenti jistgħu jkunu t’għajnuna meta nħabbtu bieb li jkun fih toqba minfejn jittawlu?
11 Jekk fil-bieb hemm toqba minn fejn jittawlu, oqgħod fejn jistgħu jaraw lilek u lil min ikun miegħek. Ħares direttament lejn it-toqba tal-bieb, u meta tinduna li hemm xi ħadd qed jittawwal, sellem u ibda l-preżentazzjoni tiegħek. Jekk il-persuna tistaqsi, ‘Min hemm?’ forsi jkun tajjeb li tgħid l-isem tiegħek u taʼ min hemm miegħek. Forsi mbagħad, l-inkwilin iħossu iktar komdu jiftaħ il-bieb. Jekk le, forsi xorta tkun tistaʼ tagħmel il-preżentazzjoni tiegħek minn wara l-bieb.
12. Kif nistgħu nevitaw il-problemi meta nħallu l-letteratura fejn ma jkun hemm ħadd id-dar?
12 Meta Ma Jkun Hemm Ħadd: Dawk li jieħdu ħsieb dawn l-appartamenti spiss jilmentaw dwar li jkollhom jiġbru l-letteratura mill-kurituri jew mill-inħawi. Il-letteratura li titħalla barra l-bieb tistaʼ faċilment taqaʼ maʼ l-art u ssir skart. Għalhekk, kull letteratura li titħalla fejn ma jkun hemm ħadd għandha titpoġġa fejn ma tidhirx kompletament.
13. X’għandna nagħmlu jekk niltaqgħu maʼ inkwilin irrabjat?
13 Inkwilini Rrabjati: Jekk niltaqgħu maʼ inkwilin irrabjat li forsi jkun lest biex isejjaħ lil min jieħu ħsieb, ikun aħjar li nitilqu minn dak is-sular partikulari u mmorru lura darb’oħra. F’każi oħrajn, ikun aħjar li nitilqu mill-bini kompletament biex nevitaw iċ-ċans li jinqalaʼ xi argument maʼ min jieħu ħsieb. Anki jekk l-inkwilin ma jitlobx b’mod speċifiku li ma jerġgħux isirulu żjajjar, ikun tajjeb li tittieħed nota tan-numru taʼ l-appartament biex ma nħabbtuhx (do-not-call) u npoġġu n-nota mal-karta tat-territorju. Bħal do-not-calls oħrajn, dawn l-indirizzi għandhom jiġu kuntattjati kultant żmien biex jiġi determinat x’jixtieq l-inkwilin.
14, 15. X’għandna nagħmlu jekk niġu mitlubin nitilqu minn rappreżentant taʼ l-appartamenti?
14 Jekk Tiġi Mitlub Biex Titlaq: Jekk waqt li tkun qed taħdem il-bini t’appartamenti tintalab titlaq minn min jieħu ħsieb, mill-personell tas-sigurtà, mill-personell tal-manutenzjoni, jew minn kwalunkwe rappreżentant ieħor taʼ l-appartamenti, ikun għaqli li tobdi mill-ewwel. Kulmeta jkun possibbli, aħna rridu nevitaw l-argumenti bit-theddid li jġibu magħhom t’azzjoni legali u appelli lill-pulizija. F’ħafna każi, dawk tal-personell taʼ l-appartamenti ma jkunux preġudikati kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova imma sempliċement ikunu qed jaqdu dmirhom.
15 Kultant meta rappreżentant tal-bini jitolbok titlaq, forsi tkun tistaʼ tispjegalu b’qalb tajba u bit-tattika r-raġuni għaż-żjara tiegħek. (1 Pt. 3:15) Aħna nirrikonoxxu r-responsabbiltà tiegħu li jżomm ir-residenti kuntenti u li jżomm is-sigurtà fil-bini. Forsi jħallik tibqaʼ fil-bini. Imma jekk le, itlaq mingħajr argumenti. Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, forsi tkun tistaʼ titlob permess biex tħalli l-letteratura b’mod regulari fl-entratura. (Kol. 4:6) Meta dan iseħħ l-indokratur tas-servizz għandu jinżamm informat.
16. X’għandna nagħmlu jekk xorta tibqaʼ problema li nipprovaw naħdmu bini jew kumpless t’appartamenti?
16 Forsi wara perijodu raġunevoli taʼ żmien, il-pubblikaturi jkunu jistgħu jipprovaw jaħdmu l-bini b’mod diskret. Madankollu, jekk il-problema tibqaʼ, l-anzjani għandhom jikkuntattjaw l-uffiċċju lokali għall-għajnuna minflok ma l-pubblikaturi jipprovaw isolvu l-kwistjoni waħedhom. Jekk il-pubblikaturi ma jkunux jistgħu jaħdmu l-appartamenti, jistgħu jsiru sforzi biex ir-residenti jiġu kuntattjati b’modi oħrajn, per eżempju permezz taʼ xiehda bit-telefon jew bl-ittri. Xi pubblikaturi jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq quddiem il-bini taʼ l-appartamenti jew fil-viċinanzi fil-għodu jew fil-għaxija fil-ħinijiet meta n-nies ġeneralment ikunu sejrin ix-xogħol u ġejjin lura.
17. Għala huwa importanti li nagħtu xiehda fl-appartamenti?
17 It-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar dalwaqt jasal. Dawk biss li jsejħu isem Ġeħova se jiġu salvati. “Madankollu, kif se jsejħu lil dak li ma poġġewx il-fidi fih? Imma kif se jpoġġu l-fidi f’dak li ma semgħux dwaru?” (Rum. 10:13, 14) Ħafna li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem” jgħixu fl-appartamenti. (Atti 13:48) Aħna nistgħu nilħquhom bl-aħbar tajba jekk inkunu diskreti u nużaw l-għaqal.