Kif Għandna Nippreparaw għal-Laqgħa tas-Servizz
1. X’inhu l-iskop tal-Laqgħa tas-Servizz, u kif nistgħu nibbenefikaw l-iktar minnha?
1 Il-Laqgħa tas-Servizz hija disinjata biex tarmana għal ministeru produttiv. Tiffoka l-iktar fuq l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna, fuq li nagħmlu dixxipli, u fuq id-dikjarazzjoni tal-ġudizzju divin li ġej. (Mt. 28:20; Mk. 13:10; 2 Pt. 3:7) Nibbenefikaw l-iktar minn din il-laqgħa importanti meta nkunu preparati sew u lesti biex nipparteċipaw.
2. Kif nistgħu nippreparaw biex nagħtu widen għal taħdita?
2 Taħdita: Il-materjal li jkun se jintuża f’taħdita ġeneralment jidher fl-istruzzjonijiet lill-kelliemi. Int forsi tistaʼ tirrivedi l-materjal assenjat, inkluż l-iskritturi ċitati, u taħseb dwar kif tistaʼ tapplika l-informazzjoni fil-ministeru tiegħek.
3. X’nistgħu nagħmlu biex nippreparaw għal diskussjoni f’għamla taʼ mistoqsija u tweġiba?
3 Diskussjoni f’Għamla taʼ Mistoqsija u Tweġiba: Din issir bħall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, b’introduzzjoni u konklużjoni qasira. Immarka l-punti prinċipali f’kull paragrafu, u kun preparat biex toffri kummenti qosra u sinifikanti.
4. Kif nistgħu nippreparaw għal diskussjoni maʼ l-udjenza?
4 Diskussjoni maʼ l-Udjenza: Din tiġi preżentata bħala taħdita, imma l-kelliemi se jitlob ftit parteċipazzjoni mill-udjenza. Jekk timmarka l-punti prinċipali u tfittex l-iskritturi ċitati, forsi tkun tistaʼ tikkummenta meta jsiru xi mistoqsijiet. Il-ħu li jieħu ħsieb taħdita bħal din se jagħmel kull sforz biex jinvolvi lill-udjenza sabiex jissemmew il-punti prinċipali.
5. X’se jgħinna nibbenefikaw l-iktar mit-turijiet?
5 Turijiet: Xi taħditiet jinkludu turijiet realistiċi biex juru kif l-informazzjoni li qed tiġi kunsidrata tistaʼ tintuża fit-territorju lokali. F’dawn it-turijiet għandhom jintużaw anzjani jew pubblikaturi taʼ l-esperjenza jew pijunieri. Int tistaʼ tipprepara għal din it-taħdita billi taħseb dwar kif il-kwistjoni tistaʼ tiġi preżentata. Meta ssir turija tal-preżentazzjonijiet li jidhru fil-Ministeru tas-Saltna, aħseb dwar kif tistaʼ tgħidha jew tadattaha għal inkwilini differenti. Kun ċert li miegħek iġġib il-pubblikazzjoni jew ir-rivista li se tintuża fit-turija. Fil-lejla li fiha jkollkom il-Qima tal-Familja, jistaʼ jkun taʼ benefiċċju li tipprattikaw uħud minn dawn il-preżentazzjonijiet.
6. X’inhuma xi raġunijiet għala għandna nippreparaw għal-Laqgħa tas-Servizz?
6 Il-Laqgħa tas-Servizz tkun iktar pjaċevoli meta nkunu preparati u nantiċipaw l-istruzzjoni mill-aqwa li tkun se tiġi preżentata. Jekk nobdu dawn is-suġġerimenti se ninkuraġġixxu lil xulxin bil-kbir. (Rum. 1:11, 12) Jekk nieħdu l-ħin biex nippreparaw għal-Laqgħa tas-Servizz, inkunu iżjed armati biex inwettqu l-inkarigu tagħna.—2 Tim. 3:17.