Istruzzjonijiet Għal Dawk li Jkollhom Xi Inkarigu fil-Laqgħa tas-Servizz
B’seħħ minn din il-ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna, il-kliem fl-iskeda tal-Laqgħa tas-Servizz qed jiġi simplifikat. L-istruzzjonijiet u t-tfakkiriet li ġejjin se jaġġornawna u jiċċaraw dak li ngħad fl-artiklu “Kif Għandna Nippreparaw għal-Laqgħa tas-Servizz,” li deher fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Mejju, 2009.
◼ Taħdita: Din tirreferi għal taħdita bbażata fuq il-materjal assenjat bla parteċipazzjoni mill-udjenza. Il-kelliemi għandu jiffoka fuq dak li se jkun l-iktar taʼ għajnuna għall-kongregazzjoni.
◼ Mistoqsija u Tweġiba: Simili għat-Torri tal-Għassa, dan l-inkarigu jkollu introduzzjoni u konklużjoni qosra ħafna, u l-mistoqsijiet isiru f’kull paragrafu. Dak li jikkonduċi għandu jevita li jikkummenta żżejjed. L-iskritturi prinċipali jistgħu jinqraw skont ma jippermetti l-ħin. Il-paragrafi m’għandhomx jinqraw sakemm ma jkunx hemm istruzzjonijiet biex tagħmel dan.
◼ Diskussjoni: Din hija taħdita li tinkludi xi ftit jew wisq il-parteċipazzjoni tal-udjenza. Mhijiex sempliċement taħdita, u ma tinkludix biss mistoqsijiet u tweġibiet.
◼ Turijiet u Intervisti: L-istruzzjonijiet li jgħidu ħejji turija jfissru li l-ħu inkarigat huwa responsabbli biex jinkludi turija; m’għandux jagħmel it-turija hu nnifsu. Dawk l-uħud li jagħżel biex jgħinuh għandhom ikunu kapaċi u eżemplari u, sa fejn hu possibbli, għandu jagħmel arranġamenti magħhom minn qabel. Ikun aħjar li ma jintużawx pubblikaturi ġodda u bla esperjenza biex juru kif għandu jsir ix-xogħol, sempliċement biex tkun tajthom l-opportunità li jitilgħu fuq il-platform, għalkemm xi wħud jistgħu jintużaw bħala inkwilini. Il-pubblikaturi li jagħmlu turija għandhom jagħmlu ċert li jħarsu lejn l-udjenza. Dawk li jkollhom xi intervista għandhom jagħmlu l-kummenti tagħhom minn fuq il-platform, u mhux minn posthom. It-turijiet u l-intervisti għandhom jiġu prattikati minn qabel. Jekk il-laqgħa tkun qed tieħu iktar ħin milli suppost u xi ħu jkollu jqassar l-inkarigu tiegħu, dan għandu jevita li jħassar it-turijiet jew l-intervisti. Il-qaddejja ministerjali għandhom jiċċekkjaw mal-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani jew xi anzjan ieħor qabel ma jagħżel lil dawk l-uħud li jkunu se jieħdu sehem.
Jekk xi inkarigu uniku jkollu istruzzjonijiet speċjali, dawn għandhom jiġu segwiti bir-reqqa. Jekk l-inkarigi fil-Laqgħa tas-Servizz jitwettqu bil-mod li għadu kif ngħad, l-aħwa se jgħinu biex “isir kollox bid-deċenza u bl-ordni” fil-Laqgħat tas-Servizz.—1 Kor. 14:40.