Uża l-Bibbja bis-Sengħa
1. Il-Bibbja għala hi daqshekk utli?
1 L-użu bis-sengħa tal-Kelma ispirata t’Alla jgħinna biex nipproklamaw u ngħallmu b’mod ċar il-verità u nikxfu t-tagħlim falz u t-tradizzjonijiet tal-bniedem.—2 Tim. 2:15; 1 Pt. 3:15.
2. X’se jgħinna nsibu l-iskritturi iktar bis-sengħa?
2 Sir Af il-Bibbja Aħjar: Bħal meta tuża kwalunkwe għodda, issir tas-sengħa iktar ma tużaha. Meta taqra l-Bibbja minn qoxra sa qoxra se tieħu stampa ġenerali tat-tema tal-Bibbja. Dan jgħinek ukoll biex tiftakar l-iskritturi u biex issibhom iktar faċilment. Hekk kif issir taf l-Iskrittura aħjar, se titkellem b’iktar żelu u konvinzjoni meta tkun qed tagħti xhieda lil oħrajn informalment u fil-ministeru tal-għalqa.—1 Tess. 1:5.
3, 4. (a) X’inhuma xi modi li nistgħu nsiru nafu l-Bibbja aħjar? (b) Użajt int xi modi oħrajn biex issir taf l-Iskrittura aħjar?
3 Ħudha drawwa li tiftaħ il-Bibbja tiegħek u ssegwi minnha waqt il-laqgħat tal-kongregazzjoni. Meta tagħmel studju persunali u preparazzjoni għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, fittex il-versi Skritturali kwotati u mmedita fuq l-applikazzjoni tagħhom. Ħafna jsibu li meta jaqraw il-versi Bibliċi direttament mill-Bibbja minflok minn fuq xi skrin tal-kompjuter jew minn fuq xi karta stampata jkun iktar faċli għalihom biex isibuhom meta jkollhom bżonnhom fil-ministeru.—Ġw. 14:26.
4 Xi familji għamlu l-ħin biex jimmemorizzaw xi versi Bibliċi. Dan jistaʼ jsir billi jintużaw karti żgħar li jkollhom l-iskrittura kwotata fuq naħa u l-vers innifsu fuq in-naħa l-oħra. Permezz taʼ dawn, darba kull wieħed jaraw jekk jistgħux jikkwotaw l-iskrittura jew jekk jiftakrux fejn qiegħda. Jekk nipprattikaw preżentazzjonijiet għall-ministeru u kif nistgħu nwieġbu għal xi oġġezzjoni jew mistoqsija billi nużaw il-Bibbja, se nsiru iktar tas-sengħa.
5. Għala għandna nkunu rridu ntejbu s-sengħa tagħna f’li nużaw il-Bibbja?
5 L-ebda ktieb ieħor ma jistaʼ jitqabbel mal-Bibbja. Fiha hemm l-unika kitbiet li jistgħu jagħmlu lin-nies ‘għorrief għas-salvazzjoni.’ (2 Tim. 3:15) Ladarba ħafna min-nies fit-territorju tagħna mhumiex familjari mat-teżori prezzjużi misjubin fil-Bibbja, għandna raġuni tajba biex intejbu s-sengħa tagħna f’li nuruhom x’toffri l-Bibbja verament.—Prov. 2:1-5.