Qed Iżżomm Lura?
Iżżomm lura minn xiex? Milli timla d-dokument Direttiva Medika bil-Quddiem li huwa provdut lix-Xhieda mgħammdin. Ladarba ‘ma tafx x’se jsir minnek għada,’ huwa ferm importanti li tiddeċiedi bil-quddiem u tindika bil-miktub liema kura u proċeduri mediċi kieku lest li taċċetta f’każ taʼ emerġenza medika. (Ġak. 4:14; Atti 15:28, 29) Bħala għajnuna, ġie provdut il-vidjo Transfusion-Alternative Health Care—Meeting Patient Needs and Rights (Kura tas-Saħħa Alternattiva għat-Trasfużjoni—Jiġu Rispettati l-Ħtiġijiet u d-Drittijiet tal-Pazjent). Arah, u mbagħad irrivedi u itlob dwar dak li tgħallimt bl-għajnuna tal-mistoqsijiet imniżżlin hawn taħt.—Nota: Minħabba li l-vidjo jinkludi xeni qosra taʼ operazzjonijiet, il-ġenituri għandhom jużaw l-għaqal meta jaraw il-vidjo maʼ wliedhom żgħar.
(1) Xi wħud fil-komunità medika għala qed jerġgħu jaħsbuha dwar l-użu tat-trasfużjonijiet tad-demm? (2) Agħti tliet eżempji taʼ operazzjonijiet komplikati mwettqin mingħajr trasfużjonijiet tad-demm. (3) Kemm-il tabib u kirurgu mad-dinja kollha indikaw li huma lesti li jagħtu kura lill-pazjenti mingħajr trasfużjonijiet tad-demm? Għala huma lesti li jagħmlu dan? (4) L-istudji reċenti li għamlu xi sptarijiet xi rrivelaw dwar l-użu tad-demm? (5) X’inhuma r-riskji mediċi jekk jingħataw it-trasfużjonijiet tad-demm? (6) Xi kkonkludew ħafna esperti dwar il-benefiċċji tal-alternattivi għat-trasfużjonijiet? (7) X’jikkaġuna l-anemija? Il-bnedmin kemm jistgħu jittollerawha? X’jistaʼ jsir biex ipatti għaliha? (8) Kif tistaʼ titqanqal il-produzzjoni taċ-ċelluli ħomor fil-ġisem taʼ pazjent? (9) Liema metodi qed jintużaw sabiex it-telf taʼ demm jonqos matul operazzjoni? (10) Jistgħu l-alternattivi għat-trasfużjonijiet ikunu effettivi għat-tfal żgħar jew għal uħud li jkunu involuti f’każi taʼ emerġenza meta l-ħajja tkun fil-periklu? (11) X’inhu wieħed mill-prinċipji etiċi primarji għal kura medika tajba? (12) Għala huwa importanti li l-Kristjani jagħżlu minn qabel liema kura mingħajr demm se jieħdu? Kif nistgħu nagħmluh dan?
Jekk wieħed jaċċettax xi kura li tissemma fil-vidjo hija deċiżjoni persunali taʼ kull individwu fi qbil mal-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. Iddeċidejt liema kura u proċeduri mediċi lest li taċċetta għalik u għal uliedek u mbagħad imlejt id-dokument Direttiva Medika bil-Quddiem? Għal diskussjoni iktar bis-sħiħ dwar dawn il-kwistjonijiet, irrivedi sew kapitlu 7 tal-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla” u r-referenzi msemmijin fih. Ara wkoll l-insert “Kif Inħares Lejn il-Frazzjonijiet tad-Demm u l-Proċeduri Mediċi li Jinvolvu l-Użu taʼ Demmi Stess?” fil-ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Novembru 2006. Fl-aħħar, kun ċert li ktibt b’mod ċar l-għażliet tiegħek fuq id-dokument tiegħek Direttiva Medika bil-Quddiem. Kwalunkwe membru tal-familja li mhuwiex Xhud għandu jiġi informat bis-sħiħ bid-deċiżjonijiet tiegħek.
[Kaxxa f’paġna 3]
• Iddeċidejt liema kuri u proċeduri mediċi int lest li taċċetta għalik u għal uliedek?
• Qed iġġorr miegħek id-dokument komplut Direttiva Medika bil-Quddiem fil-każ li tinqalaʼ xi emerġenza?