Iżżommx Lura —Kif Tlaħħaq maʼ Skeda Mimlija
1. Xi wħud għala jaħsbuha darbtejn biex joffru studju tal-Bibbja?
1 Xi wħud jaħsbuha darbtejn biex joffru studju tal-Bibbja għax ikollhom skeda mimlija. Jirrikjedi l-ħin biex tieħu ħsieb student tal-Bibbja. Trid il-ħin biex tipprepara għall-istudju, tikkonduċih, u tgħin lill-istudent jegħleb xi ostakli personali. L-appostlu Pawlu qal li ta ruħu stess biex jgħin lil dawk f’Tessalonika jsiru jafu lil Ġeħova. (1 Tess. 2:7, 8) Kif nistgħu nikkonduċu studju tal-Bibbja anki jekk ikollna skeda mimlija?
2. L-imħabba għal Ġeħova kif teffettwa l-mod kif nużaw il-ħin tagħna?
2 Jirrikjedi l-Ħin Biex Tqim lil Ġeħova: Ngħiduha kif inhi, il-qima tirrikjedi l-ħin. Pereżempju, aħna b’mod regulari nieħdu l-ħin biex nattendu l-laqgħat, nieħdu sehem fil-ministeru, naqraw il-Bibbja, u nitolbu. Xi ħadd miżżewweġ li jkollu ħafna x’jagħmel iwarrab il-ħin minn qalbu biex iqattgħu mas-sieħeb jew sieħba tiegħu fiż-żwieġ. Kemm iktar għandna ‘nużaw’ il-ħin minn qalbna biex inqimu lil Ġeħova għax inħobbuh. (Efes. 5:15-17; 1 Ġw. 5:3) Skont Ġesù, parti vitali mill-qima tagħna hi li nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Meta nirriflettu fuq dan niġu megħjunin ma nżommux lura milli naċċettaw ir-responsabbiltà taʼ li nikkonduċu studju tal-Bibbja.
3. Kif nistgħu nieħdu ħsieb studju tal-Bibbja anke jekk iċ-ċirkustanzi jfixklu l-iskeda għall-ministeru?
3 Iżda xi ngħidu jekk l-iskeda tagħna tiġi mfixkla mill-impjieg, problemi kroniċi taʼ saħħa, jew inkarigi teokratiċi? Xi pubblikaturi li kultant ikollhom ikunu ’l bogħod mill-istudent, jikkonduċu l-istudju tal-Bibbja tagħhom fuq it-telefown jew permezz taʼ konferenza bil-kompjuter. Dawk li l-iskeda tagħhom tiġi mfixkla minn problemi kroniċi taʼ saħħa għamlu arranġamenti biex l-istudent jiġi d-dar tagħhom għall-istudju. Xi wħud irranġaw biex pubblikatur taʼ min joqgħod fuqu jkun jistaʼ jissostitwihom u jikkonduċi l-istudju meta huma ma jkunux disponibbli.
4. Liema barkiet jiġu meta nikkonduċu studju tal-Bibbja?
4 Pawlu kiseb ħafna ferħ għax ta mill-ħin u l-enerġija tiegħu biex jgħin lil oħrajn jitgħallmu l-verità. (Atti 20:35) Meta rrifletta fuq dawk kollha li setaʼ jgħin f’Tessalonika, hu ġie mqanqal biex irodd ħajr lil Ġeħova. (1 Tess. 1:2) Il-ferħ u s-sodisfazzjon tagħna fil-ministeru jistgħu jiżdiedu jekk ma nħallux skeda mimlija żżommna lura milli nikkonduċu studju tal-Bibbja.