Il-Kampanja Biex Nirreklamaw it-Tifkira Tibda fl-1 taʼ Marzu
1. Meta se nibdew nirreklamaw it-Tifkira, u l-kampanja għala hi itwal din is-sena?
1 Nhar il-Ġimgħa, l-1 taʼ Marzu, se nibdew il-kampanja li jkollna kull sena biex nistiednu lil oħrajn jattendu t-Tifkira magħna. It-Tifkira se ssir fis-26 taʼ Marzu, u dan ifisser li l-kampanja se tkun ftit itwal minn tas-snin li għaddew. Dan se jagħti opportunità lil iktar nies biex jirċievu invit, speċjalment jekk jinzertaw jgħixu fi nħawi fejn il-kongregazzjoni jkollha territorju kbir.
2. X’inhuma l-arranġamenti biex niksbu kopji tal-inviti u biex inkopru t-territorju?
2 Norganizzaw Ruħna: L-anzjani se jagħtu direzzjoni dwar kif it-territorju għandu jiġi kopert, inkluż jekk hux se jitħallew inviti fi djar fejn ma jinstabux nies. Jekk jifdal inviti wara li jitlesta t-territorju minn dar għal dar, jistgħu jitqassmu permezz tal-għoti taʼ xhieda lill-pubbliku. L-indokratur tas-servizz se jagħmel ċert li jkun hemm ħażna taʼ inviti bl-indirizz u l-ħin fuq id-desk tal-letteratura jew tar-rivisti ħalli jkunu jistgħu jieħdu minnhom il-pubblikaturi, imma l-inviti mhux se jinħarġu kollha f’daqqa. Għandna nieħdu biss l-ammont li jkollna bżonn għal ġimgħa waħda.
3. X’għandna nżommu f’moħħna meta noffru l-invit?
3 X’Se Ngħidu? Ikun aħjar jekk inżommu l-preżentazzjoni qasira, għax dan se jħallina nilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies. F’paġna 4 hemm eżempju taʼ preżentazzjoni li nistgħu nadattaw għat-territorju tagħna. Ovvjament, m’għandniex għalfejn nitilqu malajr jekk l-inkwilin ikun dħuli jew jekk ikollu xi mistoqsijiet. Meta noħorġu fil-ministeru fi tmiem il-ġimgħa għandna noffru wkoll ir-rivisti meta dan ikun xieraq. Fit-2 taʼ Marzu se niffokaw fuq li nqassmu l-inviti minflok fuq li nibdew studji tal-Bibbja.
4. Għala għandu jkollna sehem żeluż fil-kampanja?
4 Aħna nittamaw li ħafna se jingħaqdu magħna għat-Tifkira. It-taħdita se tispjega min hu tassew Ġesù. (1 Kor. 11:26) Se tiddiskuti kif il-mewt tiegħu tgħinna. (Rum. 6:23) U se tenfasizza għala hu importanti li niftakru fih. (Ġw. 17:3) Jalla jkollna sehem żeluż fil-kampanja!