Il-Kampanja Biex Nirreklamaw it-Tifkira Tibda fis-17 taʼ Marzu
1. Liema kampanja se tibda fis-17 taʼ Marzu?
1 L-osservanza tat-Tifkira taʼ kull sena ssir biex tixxandar il-mewt taʼ Ġesù. (1 Kor. 11:26) Għaldaqstant, irridu li oħrajn jattendu magħna u jisimgħu dwar l-għotja taʼ mħabba tal-fidwa li pprovda Ġeħova. (Ġw. 3:16) Din is-sena l-kampanja tagħna sabiex nistiednu lin-nies għat-Tifkira se tibda nhar is-Sibt, 17 taʼ Marzu. Qiegħed tħares ’il quddiem f’li jkollok sehem sħiħ?
2. X’nistgħu ngħidu meta nqassmu l-invit?
2 Dak li Nistgħu Ngħidu: L-aħjar hu li jkollna preżentazzjoni qasira. Nistgħu ngħidu: “Bonġu. Ġejna biex nagħtu dan l-invit lill-familja tiegħek għal osservanza annwali importanti li se ssir madwar id-dinja fil-5 t’April. Se tingħata taħdita bla ħlas minn fuq il-Bibbja li se tispjega dak li wettqet il-mewt taʼ Ġesù u x’inhu jagħmel issa. Dan l-invit fih l-indirizz u l-ħin tal-laqgħa li se ssir fil-lokalità tagħna.” Meta jkun adattat għandna noffru r-rivisti wkoll waqt li nkunu qed nieħdu sehem fit-tqassim tal-invit fi tmiem il-ġimgħa.
3. Kif nistgħu nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies?
3 Stieden lil Kemm Jistaʼ Jkun Nies: Il-mira tagħna hi li nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies. Għalhekk, kun ċert li tistieden lill-istudenti tal-Bibbja, iż-żjajjar lura, il-qraba, il-kollegi, lil sħabek tal-iskola, il-ġirien, u oħrajn li taf. L-anzjani lokali se jipprovdu direzzjoni dwar kif se tkopru t-territorju tagħkom. Il-kampanja annwali tagħna biex nistiednu lin-nies jattendu għat-Tifkira jkollha respons tajjeb. Meta mara daħlet fis-sala s-sena l-oħra, attendant offrielha biex jgħinha ssib il-pubblikatur li stidinha. Imma, il-mara qalet li ma kienet taf lil ħadd u li rċiviet l-invit tagħha mingħand xi ħadd li kien qed iqassam l-inviti minn dar għal dar iktar kmieni dakinhar.
4. X’raġunijiet hemm biex ikollok sehem żeluż fil-kampanja?
4 Forsi xi ħadd li jattendi għat-Tifkira jkun hemm minħabba l-invit li tkun ħallejt int. Jekk xi ħadd jiġix jew le, l-isforzi ħabrieka tiegħek xorta se jkunu taw xhieda. L-inviti li tkun qassamt se jxandru li issa Ġesù huwa Sultan b’saħħtu. Il-parteċipazzjoni żeluża tiegħek se turi lil dawk kollha li jarawk—dawk fit-territorju, sħabek il-pubblikaturi, u l-iktar importanti, Ġeħova—li int verament tapprezza l-għotja tal-fidwa.—Kol. 3:15.