Inviti għat-Tifkira li Għandhom Jitqassmu Madwar id-Dinja!
1. Liema kampanja speċjali madwar id-dinja hija pjanata għal qabel it-Tifkira?
1 “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Lq. 22:19) Sabiex jobdu dan il-kmand mingħand Ġesù, l-aduraturi taʼ Ġeħova se jinġabru fit-30 taʼ Marzu, 2010, flimkien maʼ wħud interessati, biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù. Invit speċjali għat-Tifkira se jitqassam madwar id-dinja mit-13 sat-30 taʼ Marzu.
2. Kif nistgħu noffru l-invit?
2 Kif Għandek Toffri l-Invit: Tistaʼ tagħti l-invit lill-inkwilin biex ikun jistaʼ jara l-istampa fuq quddiem, u mbagħad għid: “Fil-lejla tat-30 taʼ Marzu, miljuni taʼ nies madwar id-dinja se jiltaqgħu biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù. Jien ġejt biex nagħti dan l-invit lilek u lil familtek biex tattendu. Sħabek ukoll huma mistidnin. Jekk jogħġbok innota l-ħin u l-post taʼ din l-osservanza lokali.” Skont iċ-ċirkustanzi, għandek mnejn tiddeċiedi li taqra Luqa 22:19 mill-Bibbja biex turi l-kmand Skritturali. Madankollu, żomm f’moħħok li minħabba li għandna żmien limitat biex inkopru t-territorju, ikun aħjar li ma ndumux.
3. Lil min nistgħu nistiednu?
3 Jekk il-kongregazzjoni tagħkom għandha territorju kbir, l-anzjani forsi jidderiġukom biex tħallu l-inviti fi djar fejn ma jkun hemm ħadd fl-ewwel żjara. Meta jkun xieraq fi tmiem il-ġimgħa, offri r-rivisti flimkien mal-invit. Kun ċert li tistieden liż-żjajjar lura, lill-istudenti tal-Bibbja, lil sħabek tax-xogħol u tal-iskola, lill-qraba, lill-ġirien, u lil persuni oħrajn li taf.
4. L-apprezzament għall-imħabba taʼ Ġeħova biex jipprovdi l-fidwa x’se jqanqalna biex nagħmlu?
4 Ipprepara Biex Ikollok Sehem Sħiħ: L-istaġun tat-Tifkira huwa żmien eċċellenti biex inżidu l-attività tagħna. Tistaʼ int taġġusta l-iskeda tiegħek biex taqdi bħala pijunier awżiljarju? Għandek tfal jew studenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress spiritwali ġmielu? Jekk iva, avviċina l-anzjani biex tara jekk jistgħux jikkwalifikaw biex jieħdu sehem f’din il-kampanja speċjali bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. L-apprezzament għall-imħabba taʼ Ġeħova biex jipprovdi l-fidwa mhux se jqanqalna biss biex inkunu preżenti għat-Tifkira, imma wkoll biex nistiednu kemm jistaʼ jkun nies ħalli jattendu magħna.—Ġw. 3:16.