Kampanja Speċjali Biex Nirreklamaw it-Tifkira!
1. Il-pubblikaturi tas-Saltna madwar id-dinja fiex se jkunu involuti mill-21 taʼ Marzu, 2009, u għala?
1 Nhar il-Ħamis, 9 t’April, 2009, aduraturi t’Alla Ġeħova madwar id-dinja se jinġabru biex jirriflettu dwar l-akbar għemil taʼ mħabba li sar għall-umanità. (Rum. 5:6-8) Aħna nantiċipaw bil-ħerqa li jkollna miljuni taʼ wħud interessati preżenti magħna biex niftakru l-mewt taʼ Ġesù. Invit speċjali għat-Tifkira se jiġi mqassam madwar id-dinja kollha mill-21 taʼ Marzu.
2. Liema punti għandek iżżomm f’moħħok meta toffri l-invit?
2 Punti li Għandek Iżżomm f’Moħħok: Uża tajjeb l-istampi, il-mistoqsijiet, u l-iskrittura ċitata fl-invit. Per eżempju, tistaʼ tirreferi għall-istampa fuq barra u tgħid: “Ridt nistiednek biex tiftakar magħna l-mewt taʼ Ġesù, li se tiġi osservata nhar il-Ħamis, 9 t’April, 2009.” Imbagħad irreferi għat-titlu taʼ l-invit u l-mistoqsijiet li jiġu wara. Kun ċert li tenfasizza lill-inkwilin li hu jistaʼ jistieden lill-familja tiegħu u lil kulmin jagħżel li jġib miegħu.
3. Kif tistaʼ tkompli tieħu ħsieb lil min tistieden kmieni fil-kampanja?
3 Jekk il-kongregazzjoni tiegħek għandha territorju kbir, l-anzjani għandhom mnejn jidderiġuk tħalli l-inviti fejn ma jkunx hemm nies id-dar. Fis-Sibtijiet u l-Ħdud, offri r-rivisti flimkien maʼ l-invit. Agħmilha l-mira tiegħek li tistieden iż-żjajjar lura tiegħek, lill-istudenti tal-Bibbja, lill-qraba, lil sħabek taʼ l-iskola, lil sħabek tax-xogħol, lill-ġirien, u lil uħud oħrajn li taf. Is-sena l-oħra, waħda oħt stiednet 30 mill-qraba tagħha, imbagħad kultant fakkrithom dwar l-importanza taʼ l-okkażjoni. Kemm kienet ferħana meta 25 minnhom attendew, u erbgħa minnhom iktar tard aċċettaw studju tal-Bibbja!
4. Liema pjanijiet irridu nagħmlu issa, u għala?
4 Ippjana Issa: Ħafna pubblikaturi għandhom mnejn ikunu jistgħu jżidu l-attività tagħhom matul Marzu u April. Jekk għandek it-tfal jew studenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress tajjeb, dan għandu mnejn ikun żmien eċċellenti għalihom biex isiru pubblikaturi mhux mgħammdin. Issa huwa l-waqt li tibda tagħmel arranġamenti biex tieħu sehem kemm tistaʼ f’din il-kampanja li tirreklama t-tifkira taʼ l-akbar żewġ espressjonijiet taʼ mħabba li qatt saru.—Ġw. 3:16; 15:13.