LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Awwissu pp. 14-17
  • X’Tistaʼ Tagħmel Jekk ir-Raġel Jew il-Mara Tiegħek Tara l-Pornografija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Tistaʼ Tagħmel Jekk ir-Raġel Jew il-Mara Tiegħek Tara l-Pornografija?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-MARA X’TISTAʼ TAGĦMEL?
  • TISTAʼ TGĦIN LIR-RAĠEL?
  • X’TISTA’ TAGĦMEL JEKK MA JKUNX IRID JIEQAF?
  • Il-Pornografija Tistaʼ Tkisser iż-Żwieġ Tiegħek
    Għajnuna għall-Familja
  • Għala għandek twarrab il-pornografija?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Nistaʼ Nevita l-Pornografija?
    Stenbaħ!—2008
  • Il-Ħsara li Tikkaġuna l-Pornografija
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Awwissu pp. 14-17
Oħt qed tibki mal-art fejn is-sodda. Warajha hemm ritratt tat-tieġ.

X’Tistaʼ Tagħmel Jekk ir-Raġel Jew il-Mara Tiegħek Tara l-Pornografija?

  • “Ħassejtni bħallikieku r-raġel kien qed imur maʼ nisa oħra.”

  • “Bdejt narani kerha, u ħassejtni umiljata u ma niswa għal xejn.”

  • “Ma stajtx nitkellem m’oħrajn dwar is-sitwazzjoni. Għalhekk batejt waħdi.”

  • “Ħassejt li Ġeħova ma jimpurtahx minni.”

Dawn il-kummenti juru kemm tbati mara meta r-raġel tagħha jara l-pornografija. U jekk jagħmel dan bil-moħbi, forsi għal xi xhur jew snin, tistaʼ tħoss li ma tistax tafdah aktar. Mara miżżewġa qalet: “Inħossni ma nafux lir-raġel tiegħi. Hemm affarijiet oħra li qed jaħbi minni?”

Dan l-artiklu hu miktub għal nisa li għandhom ir-raġel qed jara l-pornografija.a Fih insibu prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jinkuraġġuha u jikkonvinċuha li Ġeħova jħobbha u jixtieq jgħinha. Se jgħinha wkoll biex tħossha fil-paċi u tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova.b

IL-MARA X’TISTAʼ TAGĦMEL?

Minkejja li ma tistax tikkontrolla kull ħaġa li jagħmel ir-raġel tiegħek, hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel biex jgħinuk ikollok il-paċi. Aħseb dwar dan li ġej.

Twaħħalx fik innifsek. Mara tistaʼ taħseb li r-raġel tagħha jara l-pornografija għax għamlet xi ħaġa ħażina. Alice ħasset li ma kinitx tajba biżżejjed għar-raġel tagħha. Hi kienet taħseb: ‘Ir-raġel tiegħi għala jippreferi jħares lejn nisa oħra minflok lejja?’ Xi nisa jwaħħlu fihom infushom għax jaħsbu li qed jagħmlu s-sitwazzjoni agħar. Daniellec tgħid: “Ħassejt li qed inkisser iż-żwieġ tagħna għax kont qed inkun irrabjata ħafna.”

Jekk tħossok b’dan il-mod, kun af li Ġeħova ma jagħtix it-tort lilek għal dak li qed jagħmel ir-raġel. Ġakbu 1:14 jgħid: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess.” (Rum. 14:12; Flp. 2:12) Minflok ma jwaħħal fik, Ġeħova japprezza l-lealtà tiegħek lejh.—2 Kron. 16:9.

Mara tistaʼ tħoss li r-raġel tagħha qed jara l-pornografija għax mhix sabiħa biżżejjed. Imma dan mhux vera. Esperti dwar dan is-suġġett jgħidu li l-pornografija ġġiegħel persuna jkollha xewqat sesswali li ebda mara ma tistaʼ tissodisfa.

Tinkwetax iżżejjed. Catherine qalet li l-ħin kollu kienet tinkwieta jekk ir-raġel hux se jara l-pornografija. Frances qalet: “Meta ma nkunx naf fejn hu r-raġel, inħossni anzjuża. Nagħmel ġurnata sħiħa nħossni hekk.” Nisa oħra jgħidu li jistħu meta jkunu m’aħwa oħra li jkunu jafu bil-problema tar-raġel tagħhom. Oħrajn qalu li jħossuhom waħedhom għax jaħsbu li ħadd ma jifhimhom.

Huwa normali li tħossok hekk. Imma, jekk toqgħod il-ħin kollu taħseb dwar dawn l-affarijiet se tħossok iktar anzjuża. Minflok, ipprova aħseb dwar il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Jekk tagħmel hekk, se tkun tistaʼ tissaporti.—Salm 62:2; Efes. 6:10.

Tistaʼ ssibha t’għajnuna li taqra u taħseb dwar rakkonti mill-Bibbja taʼ nisa li kienu mdejqin u li talbu lil Ġeħova għall-għajnuna. Hu mhux dejjem neħħielhom il-problemi, imma tahom il-paċi. Pereżempju, Ħanna kienet “iddisprata ħafna” minħabba s-sitwazzjoni tagħha. Imma wara li “talbet fit-tul quddiem Ġeħova,” ħassitha fil-paċi avolja ma kinitx taf x’se jiġri fil-futur.—1 Sam. 1:10, 12, 18; 2 Kor. 1:3, 4.

L-istess oħt qed tiftaħ qalba waqt li r-raġel tagħha u żewġ anzjani qed jisimgħuha.

Kemm ir-raġel kif ukoll il-mara jaf ikollhom bżonn l-għajnuna mingħand l-anzjani

Saqsi lill-anzjani biex jgħinuk. Huma jistgħu jkunu “bħal post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita.” (Is. 32:2) Huma jistgħu jgħidulek titkellem maʼ xi oħt li tistaʼ tgħinek.—Prov. 17:17.

TISTAʼ TGĦIN LIR-RAĠEL?

Tistaʼ tgħin lir-raġel tiegħek jaqtaʼ l-vizzju tal-pornografija? Jistaʼ jkun. Il-Bibbja tgħid li biex issolvi problema jew tirbaħ għadu b’saħħtu, “tnejn aħjar minn wieħed.” (Ekk. 4:9-12) Xi studji juru li meta koppja jaħdmu flimkien, spiss ir-raġel jistaʼ jegħleb il-vizzju tal-pornografija u l-mara tkun tistaʼ terġaʼ tibda tafdah.

Imma kollox jiddependi fuq jekk ir-raġel hux lest li jaħdem iebes u jridx jieqaf jara l-pornografija. Talab lil Ġeħova u lill-anzjani biex jgħinuh? (2 Kor. 4:7; Ġak. 5:14, 15) Għandu xi pjan biex jgħinu ma jarax il-pornografija? Pereżempju, għamel ħin kemm juża l-Internet u jevita sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuh? (Prov. 27:12) Hu lest li jaċċetta l-għajnuna tiegħek u jkun onest miegħek? Jekk iva, forsi se tkun tistaʼ tgħinu.

Kif? Aħseb fuq dan l-eżempju. Felicia żżewġet lil Ethan, li qabad il-vizzju tal-pornografija meta kien żgħir. Felicia tagħmilhielu faċli biex jitkellem magħha meta jkun jixtieq jara l-pornografija. Ethan jgħid: “Jien ngħidilha kollox lill-mara. Hi bi mħabba tgħinni nevita t-tentazzjonijiet u spiss tistaqsini kif sejjer. Hi tgħinni wkoll noqgħod attent kemm nuża l-Internet.” Bla dubju, Felicia tħossha mweġġgħa minħabba li Ethan ikun jixtieq jara l-pornografija. Hi tgħid: “Meta nħossni rrabjata u mweġġgħa ma nkunx qed ngħinu jaqtaʼ dan il-vizzju ikrah. Wara li nitkellmu dwar l-isfidi tiegħu, hu jkun lest li jgħin lili nħossni aħjar.”

Meta l-koppja jitkellmu bejniethom dwar il-problema, dan jistaʼ jgħin lir-raġel biex jieqaf jara l-pornografija u lill-mara biex terġaʼ tibda tafdah. Wara kollox, meta raġel ikun lest li jgħid lill-mara tiegħu x’jixtieq, fejn sejjer, u x’qed jagħmel, ikun iktar faċli għall-mara biex tafdah għax ma jkun qed jaħbilha xejn.

Taħseb li tistaʼ tgħin lir-raġel tiegħek b’mod simili? Jekk iva, forsi tistgħu taqraw dan l-artiklu u tiddiskutuh flimkien. Il-miri tiegħu għandhom ikunu li jieqaf jara l-pornografija u jtik raġunijiet biex tafdah. Hu m’għandux jirrabja għax tixtieq titkellem dwar il-problema. Minflok għandu jipprova jifhem kif qed tħossok. Il-mira tiegħek għandha tkun li tgħinu jaqtaʼ l-vizzju u ttih l-opportunità li jurik li tistaʼ tafdah. It-tnejn li intom se jkollkom titgħallmu xi jġiegħel lin-nies jaqgħu għall-pornografija u kif tistgħu tegħlbu l-problema.d

Jekk taħseb li waqt li tkunu qed titkellmu se tispiċċaw tiġġieldu, ara tistax issaqsi anzjan li tħossukom komdi miegħu biex joqgħod magħkom waqt li qed titkellmu. Ftakar li anki wara li r-raġel jieqaf jara l-pornografija, jistaʼ jgħaddi ħafna żmien qabel tkun tistaʼ terġaʼ tafdah. Taqtax qalbek. Innota anki l-bidliet żgħar li qed jagħmel. U ttama li maż-żmien, jekk it-tnejn tkunu paċenzjużi, iż-żwieġ tagħkom se jerġaʼ jsir b’saħħtu.—Ekk. 7:8; 1 Kor. 13:4.

L-Anzjani Kif Jistgħu Jgħinu?

  • Jekk il-mara tkun tixtieq, irranġa biex titkellem magħha u mar-raġel b’mod regolari. Agħtiha l-opportunità biex tgħid kif tkun qed tħossha.—Is. 32:1, 2; 1 Tess. 5:14; 1 Pt. 5:2, 3.

  • Ifhem li l-persuna jistaʼ jkollha vizzju qawwi tal-pornografija u pprova ifhem x’għandha tagħmel biex taqtaʼ l-vizzju.

  • Anki wara li xi ħadd ikun qataʼ l-vizzju tal-pornografija, ftakar li x’aktarx se jibqaʼ jkollu bżonn l-għajnuna biex ma jerġax jaqaʼ.

  • Oqgħod attent li ma tiskużax dak li jkun qed jagħmel ir-raġel jew b’xi mod tagħtih x’jifhem li l-mara għandha t-tort.

  • Inkuraġġixxi lill-mara biex tara lilha nfisha kif jaraha Ġeħova u biex tkompli tissaħħaħ spiritwalment permezz tal-istudju personali u t-talb.

  • Fakkar lill-mara li Ġeħova, l-anzjani u l-kongregazzjoni jħobbuha, jirrispettawha u hi prezzjuża għalihom.

X’TISTA’ TAGĦMEL JEKK MA JKUNX IRID JIEQAF?

Jekk ir-raġel jerġaʼ jaqaʼ għall-pornografija wara xi żmien, ifisser li qatt mhu se jirnexxilu jieqaf? Mhux bilfors. Jekk hu għandu dan il-vizzju, jistaʼ jkun li se jsibha diffiċli biex jaqtgħu għal ħajtu kollha. Wara ħafna snin, jistaʼ jerġaʼ jaqaʼ għall-pornografija. Biex jevita li jiġri hekk, jistaʼ jkun li jkollu bżonn ikun iktar strett miegħu nnifsu, forsi anki meta l-problema tkun tidher li m’għadhiex hemm. (Prov. 28:14; Mt. 5:29; 1 Kor. 10:12) Se jkollu bżonn ibiddel il-mod kif jaħseb u jitgħallem ‘jobgħod dak li hu ħażin,’ jiġifieri l-pornografija u kull ħaġa oħra li mhix nadifa, bħall-masturbazzjoni. (Efes. 4:23; Salm 97:10; Rum. 12:9) Hu lest li jagħmel dawn l-isforzi? Jekk iva, maż-żmien se jirnexxilu jaqtaʼ l-vizzju.e

L-oħt qed taqra l-Bibbja.

Iffoka fuq il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova

Imma x’tistaʼ tagħmel jekk ir-raġel ma jridx jiġġieled il-problema li għandu? Żgur li se tħossok iddiżappunta u rrabjata, imma jistaʼ jkollok il-paċi jekk titfaʼ l-anzjetà tiegħek fuq Ġeħova. (1 Pt. 5:7) Kompli saħħaħ il-ħbiberija tiegħek miegħu billi tistudja, titlob, u timmedita. Meta tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċerta li hu se jersaq qrib tiegħek ukoll. Bħalma juri Salm 34:18, “hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma” u jixtieq jgħinhom jerġgħu jkunu ferħanin. Kompli kun leali lejn Ġeħova. Itlob l-għajnuna mingħand l-anzjani. U ibqaʼ ttama li fil-futur ir-raġel jistaʼ jinbidel.—Rum. 2:4; 2 Pt. 3:9.

a F’dan l-artiklu, se ngħidu li r-raġel qed jara l-pornografija. Imma ħafna mill-prinċipji f’dan l-artiklu se jgħinu lil raġel li għandu l-mara tara l-pornografija.

b Il-Bibbja ma tgħidx li minħabba l-pornografija koppja jistgħu jiddivorzjaw.—Mt. 19:9.

c L-ismijiet ġew mibdulin.

d Tistaʼ ssib informazzjoni t’għajnuna fuq jw.org u l-pubblikazzjonijiet tagħna. Pereżempju, ara l-artikli “Il-Pornografija Tistaʼ Tkisser iż-Żwieġ Tiegħek” u “Il-Pornografija—Hija l-Pornografija Perikoluża?” fuq jw.org; u “Tistaʼ tirreżisti t-tentazzjoni!” f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 2014 pp. 10-12.

e Peress li l-pornografija hi vizzju li diffiċli biex taqtgħu, xi koppji ddeċidew li minbarra l-għajnuna tal-anzjani jfittxu l-għajnuna mingħand nies professjonali li jistgħu jgħinuhom f’din il-problema.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja