Aħwa Kbar fl-Età—Intom Tiswew Ħafna għall-Kongregazzjoni
“Nistagħġeb meta naħseb dwar l-affarijiet kollha li kont nagħmel meta kont iżgħar. Issa li kbirt ma nistax nagħmel daqskemm kont nagħmel qabel.”—Connie, li għandha 83 sena.
Forsi int ukoll ma tistax tagħmel daqskemm kont tagħmel qabel. Avolja ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, meta tqabbel dak li kont tagħmel mal-lum tħossok skuraġġit. Jekk tħossok hekk, x’tistaʼ tagħmel biex tkun ferħan?
ĠEĦOVA X’JIXTIEQEK TAGĦMEL?
Saqsi lilek innifsek, ‘Ġeħova x’jixtieqni nagħmel?’ Il-kliem taʼ Dewteronomju 6:5 jistaʼ jinkuraġġik. Dan jgħid: “Għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.”
Skont dan il-vers, Ġeħova jridek taqdih b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha. Dan se jgħinek biex ma tqabbilx dak li qed tagħmel bħalissa maʼ dak li kont tagħmel meta kont iżgħar jew maʼ dak li jagħmel ħaddieħor.
Aħseb dwar dan: Meta kont iżgħar, wisq probabbli kont qed taqdi lil Ġeħova bl-aħjar mod li stajt skont iċ-ċirkustanzi tiegħek f’dak iż-żmien. X’inhu l-aħjar li tistaʼ ttih bħalissa? Wisq probabbli għadek taqdih bl-aħjar mod li tistaʼ. Jekk taħseb b’dan il-mod, se tinduna li lil Ġeħova għadek qed taqdih kif kont fil-passat. Meta kont iżgħar kont qed ittih l-aħjar tiegħek, u l-istess qed tagħmel illum.
Meta kont iżgħar kont qed ittih l-aħjar tiegħek lil Ġeħova, u llum li kbirt xorta għadek qed ittih l-aħjar
AQSAM DAK LI TGĦALLIMT FIL-ĦAJJA M’OĦRAJN
Aħseb dwar xi ħaġa oħra: Minflok ma tħares lejn l-età tiegħek bħala xi ħaġa li tillimitak, użaha bħala opportunità biex tgħin lil oħrajn. Issa li kbirt, tistaʼ tagħmel affarijiet li ma stajtx tagħmilhom meta kont iżgħar. Pereżempju, int tistaʼ:
Taqsam dak li tgħallimt f’ħajtek m’oħrajn. Ara x’qalu xi wħud fil-Bibbja:
Ir-Re David: “Jien kont żagħżugħ, u issa xjaħt, imma qatt ma rajt lil xi ħadd ġust jiġi abbandunat, jew lit-tfal tiegħu jittallbu għall-ħobż.”—Slm. 37:25.
Ġożwè: “Issa ara, jien wasalt biex immut, u intom tafu sew b’qalbkom u b’ruħkom kollha li ma kienx hemm wegħda li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova l-Alla tagħkom qalilkom. Kollha saru għalikom. Ma kienx hemm kelma waħda minnhom li baqgħet ma seħħitx.”—Ġoż. 23:14.
Jistaʼ jkun li int ġieli għedt xi ħaġa bħalma qalu David u Ġożwè biex tinkuraġġixxi lil oħrajn. David u Ġożwè qdew lil Ġeħova għal ħafna snin u għaddew minn ħafna affarijiet. Allura peress li dak li qalu kien mill-esperjenza tagħhom, setaʼ jħalli effett ikbar.
Jekk ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, int ukoll tistaʼ titkellem mill-esperjenza tiegħek dwar kif għen lilek u lil oħrajn. Għandek xi memorja sabiħa li fiha rajt lil Ġeħova jbierek lill-poplu tiegħu? Tiddejjaqx tgħid lil oħrajn dwarha! Meta titkellem dwar esperjenzi sbieħ li kellek fil-passat, se tħossok ferħan int u se tinkuraġġixxi lil oħrajn.—Rum. 1:11, 12.
Mod ieħor kif tinkuraġġixxi lil oħrajn hu billi kemm jistaʼ jkun tmur il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Hemmhekk int u l-aħwa se tinkuraġġixxu lil xulxin. Connie, li ssemmiet qabel, tgħid: “Il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna jgħinuni biex ma nħossnix skuraġġita. Kif nistaʼ nħossni mdejqa bl-imħabba li juruni l-aħwa fis-Sala tas-Saltna? Jien nipprova nuri kemm napprezza lill-aħwa billi ntihom rigal żgħir. U nipprova nagħmel li nistaʼ f’affarijiet spiritwali biex bħalma jinkuraġġuni huma, ninkuraġġihom jien.”
ĠEĦOVA JAPPREZZA DAK KOLLU LI TAGĦMEL GĦALIH
Fil-Bibbja hemm ħafna eżempji taʼ nies li ma setgħux jaqdu lil Ġeħova kemm jixtiequ imma hu xorta kien iħobbhom. Aħseb dwar Simegħon. Hu kien Iżraeli kbir fl-età li kien jgħix meta twieled Ġesù. Meta kien imur fit-tempju, forsi kien jara rġiel żgħażagħ jagħmlu xogħol importanti hemmhekk. Imma Simegħon x’kien jagħmel? Jistaʼ jkun ħaseb li għal Ġeħova hu mhuwiex bżonjuż għax ma setax jaqdih bħall-irġiel żgħażagħ. Imma Ġeħova kien jara l-affarijiet b’mod differenti. Għalih Simegħon kien “raġel sewwa u devot lejn Alla” u tah il-privileġġ li jara lil Ġesù bħala tarbija. Ġeħova użah ukoll biex jgħid profezija dwar Ġesù li kien se jkun il-Messija! (Luqa 2:25-35) Nistgħu naraw b’mod ċar li Ġeħova ma ffokax fuq is-saħħa fiżika taʼ Simegħon, imma ra raġel b’fidi soda u “ggwidat mill-ispirtu qaddis.”
Ġeħova bierek lil Simegħon billi tah il-privileġġ li jara lil Ġesù bħala tarbija u biex jgħid profezija li kien se jkun il-Messija
Anki int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova japprezza l-lealtà tiegħek u kif taqdih avolja ma tistax tagħmel kemm tixtieq minħabba l-età. Bħala sagrifiċċju Ġeħova jieħu gost “li persuna tagħti dak li tistaʼ, u mhux dak li ma tistax.”—2 Kor. 8:12.
Mela ffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel. Pereżempju, aħseb liema tip taʼ service tistaʼ tagħmel, anki jekk għal ftit ħin. Tistaʼ taħseb ukoll jekk tistax tinkuraġġixxi lill-aħwa billi ċċemplilhom jew tiktbilhom kard. Dawn huma affarijiet sempliċi imma għalihom jistgħu jfissru ħafna, speċjalment peress li jiġu mingħand xi ħadd li ilu jaqdi lil Ġeħova għal snin sħaħ.
Minkejja l-limitazzjonijiet tiegħek xorta tistaʼ tagħti lil Ġeħova l-aħjar tiegħek u tieħu pjaċir tipprietka. Ara l-esperjenza mill-Afrika fil-kaxxa “Salvatilha Ħajjitha.”
Ftakar li peress li ilek taqdi lil Ġeħova lealment għal ħafna snin u għadek taqdih, int tistaʼ tinkuraġġixxi ħafna lil oħrajn. Int eżempju taʼ xi ħadd li ssaporta, u tistaʼ tkun ċert li Alla ‘mhux se jinsa dak li għamilt u l-imħabba li wrejt għal ismu, billi qdejt lill-qaddisin u għadek taqdihom.’—Lhud 6:10.
AGĦMEL DAK KOLLU LI TISTAʼ BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN
Xi studji juru li ħafna rġiel u nisa kbar fl-età li jgħinu lil oħrajn għandhom saħħa aħjar, moħħhom jibqaʼ iktar tajjeb, u jgħixu ħajja itwal.
Ovvjament, li ngħinu lil oħrajn mhux se jwaqqafna milli nikbru fl-età. Is-Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi x-xjuħija u l-mewt billi tneħħi l-effetti tad-dnub li writna minn Adam.—Rum. 5:12.
Imma bħalissa, jekk tagħmel dak li jixtieq Ġeħova, inkluż li tgħin lil oħrajn isiru jafuh, se jgħin biex iżżomm it-tama tiegħek b’saħħitha u anki jagħmillek tajjeb għal saħħtek. Aħwa kbar fl-età, jekk jogħġobkom kunu ċerti li Ġeħova japprezza ħafna l-isforzi li tagħmlu biex taqduh u l-aħwa tal-kongregazzjoni jħobbukom ħafna minħabba l-eżempju taʼ fidi tagħkom.