IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
Dawk fil-Bżonn
Jimpurtah Alla minn dawk fil-bżonn?
“Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus . . . Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’” —Ebrej 13:5.
KIF ALLA JURI LI JIMPURTAH
Meta aduratur t’Alla Ġeħova jgħaddi minn żminijiet diffiċli, li Alla jimpurtah minnu jistaʼ jkun evidenti b’diversi modi. Wieħed minnhom hu l-appoġġ bl-imħabba li jingħata minn Kristjani sħabu.a Ġakbu 1:27 jgħid: “Il-qima li hi nadifa u bla tinġis mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-iltiema u r-romol fit-tribulazzjoni tagħhom.”
Il-Kristjani tal-bidu kienu jgħinu lil xulxin. Pereżempju, meta ġie mbassar li kien se jkun hemm ġuħ kbir fl-art tal-Lhudija, il-Kristjani fil-belt Sirjana t’Antjokja “ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna . . . lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija.” (Atti 11:28-30) B’hekk, sħabhom il-Kristjani li kienu fil-bżonn irċivew il-provvisti essenzjali. Dan l-għoti volontarju wera l-imħabba Kristjana fl-azzjoni.—1 Ġwanni 3:18.
Dawk fil-bżonn kif jistgħu jgħinu lilhom infushom?
“Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek.”—Isaija 48:17, 18.
ALLA JGĦINNA BIEX NGĦINU LILNA NFUSNA
Bħalma skoprew miljuni taʼ nies, l-għerf li nsibu fil-Bibbja hu prattiku u ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn. Proverbji 2:6, 7 jgħid: “Għax Ġeħova jagħti l-għerf; minn fommu joħorġu l-għarfien u d-dixxerniment. U hu jaħżen l-għaqal għar-retti.” Meta n-nies ifittxu dak l-għerf u jpoġġuh fil-prattika, se jiswielhom taʼ ġid.
Pereżempju, huma jevitaw vizzji taʼ ħsara u li jiswew ħafna flus, bħalma huwa l-abbuż mid-drogi u l-alkoħol. (2 Korintin 7:1) Barra minn hekk, isiru onesti u iktar kuxjenzjużi u responsabbli, u b’hekk ikollhom iktar ċans isibu impjieg jew ikunu saħansitra iktar stmati bħala impjegati. Efesin 4:28 jgħid: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes . . . biex ikollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-bżonn.”
Hemm evidenza li l-għerf tal-Bibbja jgħin lil dawk fil-bżonn?
“L-għerf t’Alla jintwera li hu sewwa mir-riżultati li jkollu.”—Mattew 11:19, The New English Bible.
RIŻULTATI LI JITKELLMU GĦALIHOM INFUSHOM
Wilson, li jgħix il-Gana u li kien ħaddiem temporanju, kien wasal biex jispiċċalu l-kuntratt tax-xogħol. Fl-aħħar ġurnata, waqt li kien qed jaħsel il-karozza tad-direttur, Wilson sab xi flus fil-bagoll. Is-supervisor qallu biex jiħodhom. Imma Wilson, li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ma riedx jisraq. Minflok, radd lura l-flus li sab. U mhux talli ma spiċċax mix-xogħol, imma talli Wilson ġie offrut xogħol permanenti u iktar tard ingħata kariga ogħla.
Fl-Ewropa, Géraldine tilfet l-impjieg tagħha għax dik li impjegatha ma kellhiex grazzja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma omm dik li impjegat lil Géraldine qalet lil bintha li kienet għamlet żball kbir. Hi qaltilha: “Jekk trid impjegata taʼ min jafdaha u li tieħu l-impjieg tagħha bis-serjetà, ma tistax issib aħjar minn waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.” Bintha għamlet riċerka fuq ix-Xhieda, u Géraldine ingħatat lura l-impjieg tagħha.
Sarah, omm fl-Afrika t’Isfel li trabbi lil uliedha waħedha, għaddiet minn żminijiet diffiċli. Hi esperjenzat l-imħabba Kristjana fl-azzjoni meta membri tal-kongregazzjoni tagħha għenu lill-familja tagħha billi pprovdewlhom l-ikel u t-trasport li kellhom bżonn. Iktar tard uliedha qalu, “Għandna ħafna ġenituri fil-kongregazzjoni.”
Hemm ħafna esperjenzi simili li jistgħu jiġu rakkontati. Dawn ifakkruna fi Proverbji 1:33 li jgħid “Min jismaʼ [minn Ġeħova] jgħammar fis-sigurtà.” Kemm hu minnu dan il-kliem!
a F’ċerti pajjiżi l-gvern jipprovdi għajnuna finanzjarja għal dawk fil-bżonn. Fejn din l-għajnuna mhijiex disponibbli, ir-responsabbiltà taqaʼ primarjament fuq il-qraba taʼ dawk fil-bżonn.—1 Timotju 5:3, 4, 16.