KAPITLU 11
Arranġamenti għal postijiet taʼ qima
L-ADURATURI veri taʼ Ġeħova huma kmandati jinġabru flimkien biex jirċievu tagħlim u biex jinkuraġġixxu lil xulxin. (Ebr. 10:23-25) L-ewwel post taʼ qima għall-poplu magħżul t’Alla, l-Iżraelin, kien it-“tabernaklu, jiġifieri, it-tinda tal-laqgħa.” (Eżo. 39:32, 40) Iktar tard, Salamun bin David bena dar, jew tempju, għall-glorja t’Alla. (1 Slat. 9:3) Wara l-qerda taʼ dan it-tempju fis-sena 607 QEK, il-Lhud għamlu arranġamenti biex jiltaqgħu f’postijiet għall-qima msejħin sinagogi biex iqimu lil Alla. Maż-żmien, it-tempju reġaʼ nbena, u għal darb’oħra serva bħala ċentru għall-qima vera. Ġesù għallem kemm fis-sinagogi u kemm fit-tempju. (Lq. 4:16; Ġw. 18:20) Ġesù saħansitra kellu laqgħa fuq muntanja.—Mt. 5:1–7:29.
2 Wara l-mewt taʼ Ġesù, il-Kristjani ltaqgħu f’postijiet pubbliċi u fi djar privati biex jgħallmu l-Iskrittura u biex igawdu assoċjazzjoni mal-kredenti sħabhom. (Atti 19:8, 9; Rum. 16:3, 5; Kol. 4:15; Flm. 2) Kultant kien neċessarju li l-Kristjani tal-bidu jiltaqgħu f’postijiet iżolati biex jevitaw li jsibuhom il-persekuturi. Tabilħaqq, il-qaddejja leali t’Alla fil-passat kellhom xewqa sinċiera li jiltaqgħu f’postijiet għall-qima sabiex jiġu “mgħallmin minn Ġeħova.”—Is. 54:13.
3 Anki llum jintużaw djar privati u postijiet pubbliċi bħala postijiet għal-laqgħat Kristjani. Id-djar privati spiss iservu bħala postijiet fejn isiru laqgħat għas-servizz tal-għalqa. Dawk li joffru darhom għal laqgħat bħal dawn iqisu dan bħala privileġġ. Ħafna jħossu li bbenefikaw spiritwalment billi jiftħu darhom b’dan il-mod.
IS-SALA TAS-SALTNA
4 Il-post prinċipali għal-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova huwa s-Sala tas-Saltna. Ġeneralment tinxtara l-art u tinbena Sala tas-Saltna ġdida jew jiġi rinnovat bini eżistenti. Sabiex ma jiżdidux l-ispejjeż u jsir l-aqwa użu tal-faċilitajiet tagħna, diversi kongregazzjonijiet jistgħu jużaw l-istess Sala tas-Saltna meta jkun prattiku. F’ċerti nħawi jkun hemm il-bżonn li tinkera sala. Għal Swali tas-Saltna ġodda u dawk li saru rinnovazzjonijiet kbar fihom, ikun xieraq li jsir programm taʼ dedikazzjoni. Però, jekk isiru biss rinnovazzjonijiet żgħar f’Sala tas-Saltna eżistenti, ma jkunx hemm għalfejn isir programm taʼ dedikazzjoni.
5 Is-Sala tas-Saltna m’għandhiex tkun bini elaborat magħmul biex jimpressjona lil oħrajn. Filwaqt li d-disinn jistaʼ jvarja minn post għall-ieħor, l-iskop hu li jsir użu minnha. (Atti 17:24) Skont iċ-ċirkustanzi lokali, għandha tkun post komdu u konvenjenti biex jinżammu l-laqgħat Kristjani.
6 Il-kongregazzjonijiet kollha tax-Xhieda taʼ Ġeħova jikkontribwixxu għall-użu, il-funzjoni, u l-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna li fiha jkunu assenjati. Ma jsir ebda ġbir; lanqas ma jintalbu flus. Kaxxa għall-kontribuzzjonijiet hi provduta biex dawk li jattendu l-laqgħat ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ispejjeż neċessarji li għandhom x’jaqsmu mal-użu tas-sala. Jagħmlu dan minn jeddhom u minn qalbhom.—2 Kor. 9:7.
7 Kulħadd fil-kongregazzjoni jqisu privileġġ li jappoġġa s-Sala tas-Saltna finanzjarjament u li joffri s-servizzi tiegħu biex iżommha nadifa u f’kundizzjoni tajba. Anzjan jew qaddej ministerjali normalment jiġi inkarigat biex jagħmel skeda għal dan ix-xogħol. Ġeneralment, it-tindif isir mill-gruppi tas-servizz tal-għalqa, u l-indokratur tal-grupp jew l-assistent tiegħu jieħu t-tmexxija. Is-Sala tas-Saltna għandha tirrappreżenta lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu kif jixraq, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.
Kulħadd fil-kongregazzjoni jqisu privileġġ li jappoġġa s-Sala tas-Saltna finanzjarjament u li joffri s-servizzi tiegħu biex iżommha nadifa u f’kundizzjoni tajba
8 Meta iktar minn kongregazzjoni waħda tiltaqaʼ f’sala, l-anzjani tal-kongregazzjonijiet involuti jaħtru Kumitat li Jieħu Ħsieb is-Sala tas-Saltna li jikkoordina l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bini u l-proprjetà. Il-ġemgħat tal-anzjani jaħtru ħu biex jaqdi bħala l-koordinatur tal-Kumitat li Jieħu Ħsieb is-Sala tas-Saltna. Billi jaħdem taħt id-direzzjoni tal-ġemgħat tal-anzjani, il-kumitat li jieħu ħsieb jimmonitorja t-tindif tas-sala u jagħmel ċert li s-sala tibqaʼ f’kundizzjoni tajba u li jkunu disponibbli biżżejjed provvisti. Dan jitlob kooperazzjoni mill-qrib fost il-kongregazzjonijiet involuti.
9 Meta diversi kongregazzjonijiet jużaw Sala tas-Saltna waħda, jistaʼ jkun li l-iskeda tal-ħinijiet għal-laqgħat tkun tinvolvi rotazzjoni. L-anzjani jaħdmu l-iskeda fi spirtu taʼ tħassib reċiproku u mħabba għall-aħwa. (Flp. 2:2-4; 1 Pt. 3:8) L-ebda kongregazzjoni m’għandha tieħu deċiżjonijiet għan-nom tal-kongregazzjonijiet l-oħra. Meta l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet iżur waħda mill-kongregazzjonijiet li tuża s-Sala tas-Saltna, il-kongregazzjonijiet l-oħra jirranġaw il-ħinijiet tal-laqgħat tagħhom skont il-bżonn għal dik il-ġimgħa.
10 Is-Sala tas-Saltna tistaʼ tintuża għal tiġijiet u funerali bil-permess tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni. Dawn l-anzjani jikkunsidraw sew x’inhu mitlub u jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq direzzjoni provduta mill-uffiċċju tal-fergħa.
11 Dawk li jitħallew jużaw is-Sala tas-Saltna għal skopijiet bħal dawn huma mistennijin li jġibu ruħhom kif jixraq lill-Kristjani ġenwini. M’għandu jsir xejn fis-Sala tas-Saltna li jkun taʼ offiża għall-kongregazzjoni jew li jġib tmaqdir fuq Ġeħova u l-isem tajjeb tal-kongregazzjoni. (Flp. 2:14, 15) Is-Sala tas-Saltna tistaʼ tintuża għal skopijiet spiritwali oħra taħt id-direzzjoni tal-uffiċċju tal-fergħa, bħall-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna u l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier.
12 Il-kongregazzjoni għandha dejjem tuża l-postijiet tal-laqgħat tagħha b’rispett. L-ilbies, il-maxta tax-xagħar, u l-manjieri għandhom dejjem juru d-dinjità assoċjata mal-qima lil Ġeħova. (Ekk. 5:1; 1 Tim. 2:9, 10) Billi napplikaw dan il-parir, inkunu qed nuru apprezzament għal-laqgħat Kristjani tagħna.
13 Hu importanti li jinżamm l-ordni waqt il-laqgħat. Hu suġġerit li t-tfal joqogħdu bilqiegħda mal-ġenituri tagħhom. Ġenituri bi tfal żgħar jistgħu jiġu inkuraġġiti joqogħdu bilqiegħda fejn joħolqu l-inqas distrazzjoni jekk ikun neċessarju li joħorġu lil uliedhom biex jiddixxiplinawhom jew biex jieħdu ħsieb bżonnijiet oħra.
14 Aħwa kwalifikati huma inkarigati jaqdu bħala attendants waqt laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Għandhom ikunu moħħhom hemm, dħulin, u jużaw l-għaqal. Ir-responsabbiltajiet tagħhom jinkludu li jilqgħu lill-ġodda u jgħinuhom iħossuhom milqugħin, jgħinu lil min jiġi tard isib post, jieħdu nota tal-attendenza, u jagħtu l-attenzjoni li jkun hemm bżonn għall-ventilazzjoni u t-temperatura tas-sala. Meta jkun hemm bżonn, l-attendants ifakkru lill-ġenituri biex iżommu għajnejhom fuq uliedhom, biex dawn ma joqogħdux jiġru ’l hawn u ’l hemm qabel u wara l-laqgħat jew jilagħbu fuq il-platform. B’qalb tajba u tattika, attendant jistaʼ jitlob lil ġenitur taʼ tifel jew tifla li ma tkunx qed tobdi biex joħroġha, u b’hekk l-udjenza ma tiġix distratta żżejjed. Ix-xogħol tal-attendants jgħin ħafna biex kulħadd igawdi l-laqgħat. Preferibbilment, jintużaw l-anzjani u l-qaddejja ministerjali bħala attendants.
IL-BINI TAʼ SWALI TAS-SALTNA
15 Fl-ewwel seklu, xi Kristjani kellhom iktar materjalment minn oħrajn, għalhekk l-appostlu Pawlu kiteb: “Biex kulħadd ikun indaqs, bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħhom, sabiex iż-żejjed tagħhom għad ukoll jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħkom, u b’hekk kulħadd ikun indaqs.” (2 Kor. 8:14) Illum, qed isir mezz biex “kulħadd ikun indaqs” ukoll. Fondi li jikkontribwixxu kongregazzjonijiet madwar id-dinja jinġabru flimkien biex tiġi provduta għajnuna finanzjarja għall-bini u l-manutenzjoni tas-Swali tas-Saltna. L-appoġġ ġeneruż tal-fratellanza madwar id-dinja huwa apprezzat bil-kbir mill-organizzazzjoni u mill-kongregazzjonijiet li jibbenefikaw minn dawn il-kontribuzzjonijiet.
16 Il-kumitat tal-fergħa jassenja kongregazzjonijiet fi Swali tas-Saltna speċifiċi skont pjan magħmul għal dawk l-inħawi. L-uffiċċju tal-fergħa jiddetermina wkoll meta u fejn jinbnew Swali tas-Saltna ġodda u meta għandhom jiġu rinnovati Swali tas-Saltna eżistenti fit-territorju tal-fergħa. Meta jseħħu d-diżastri, isiru arranġamenti għal tiswijiet meħtieġa tas-Swali tas-Saltna li tkun ġratilhom il-ħsara u, kultant, tad-djar tal-aħwa.
17 L-uffiċċju tal-fergħa jikkoordina l-użu tal-volontieri biex jgħinu fix-xiri taʼ proprjetà, disinn tas-Swali tas-Saltna, permessi għall-bini, kostruzzjoni, u manutenzjoni. Minħabba l-bżonn kbir għal Swali tas-Saltna fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, hemm bżonn taʼ ħafna volontieri. Il-pubblikaturi mgħammdin kollha li jikkwalifikaw u jixtiequ jgħinu huma mħeġġin jimlew applikazzjoni u jagħtuha lill-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni lokali tagħhom. Anki pubblikaturi mhux mgħammdin jistgħu jgħinu fil-bini jew rinnovazzjoni tas-Sala tas-Saltna tagħhom stess.
SWALI TAL-ASSEMBLEA
18 Il-Kristjani tal-bidu kienu ġeneralment jiltaqgħu fi gruppi żgħar. Madankollu, kultant kienet tiltaqaʼ “folla ġmielha.” (Atti 11:26) Bl-istess mod, il-poplu taʼ Ġeħova llum jiltaqaʼ f’laqgħat kbar għall-assembleat u l-konvenzjonijiet. Ħafna drabi jinkrew faċilitajiet lokali għal dan l-għan, imma meta dawn ma jkunux adattati jew disponibbli, jistaʼ jinxtara post għall-qima li jissejjaħ Sala tal-Assemblea.
19 Xi drabi, jinxtara bini, jiġi rinnovat, u jintuża bħala Sala tal-Assemblea. Madankollu, iktar spiss tinxtara l-proprjetà u tinbena sala ġdida. Is-Swali tal-Assemblea jvarjaw fid-daqs, skont il-bżonnijiet lokali. L-uffiċċju tal-fergħa jieħu d-deċiżjoni biex jinxtara jew jinbena bini bħal dan biss wara li jkun analizza tajjeb l-ispejjeż involuti u ddetermina kemm ikun se jintuża.
20 L-uffiċċju tal-fergħa jaħtar aħwa rġiel biex jieħdu ħsieb il-funzjoni u l-manutenzjoni tas-Sala tal-Assemblea. Isiru arranġamenti biex is-circuits jagħmlu t-tindif regolari, it-tindif taʼ kull sitt xhur, u l-manutenzjoni preventiva. Ikun taʼ benefiċċju li aħwa volontieri jagħmlu dan ix-xogħol. Għalhekk, il-kongregazzjonijiet huma inkuraġġiti jappoġġaw dawn l-arranġamenti b’qalbhom kollha.—Salm 110:3; Mal. 1:10.
21 Kultant, is-Sala tal-Assemblea tistaʼ tintuża wkoll għal funzjonijiet teokratiċi oħra, bħal skejjel tal-Bibbja u laqgħat speċjali għall-indokraturi li jivvjaġġaw. Bħas-Swali tas-Saltna, Sala tal-Assemblea hija post dedikat għall-qima. Meta niltaqgħu f’Sala tal-Assemblea, l-imġiba, l-ilbies, u l-maxta tax-xagħar tagħna għandhom ikunu dinjitużi daqs kemm ikunu meta niltaqgħu għall-qima fis-Sala tas-Saltna.
22 Ħafna wħud ġodda qed isiru parti mill-organizzazzjoni t’Alla bil-ħeffa matul il-parti finali taʼ dawn l-aħħar jiem. Din hi evidenza tal-barka taʼ Ġeħova. (Is. 60:8, 10, 11, 22) B’hekk, għandna nappoġġaw l-arranġamenti biex jinkisbu postijiet għall-qima nodfa u komdi u li ssir manutenzjoni fuqhom. Meta nagħmlu hekk, nuru l-apprezzament tagħna għall-irwol li għandhom faċilitajiet bħal dawn biex jgħinuna ninkuraġġixxu wieħed lill-ieħor iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-jum taʼ Ġeħova.