Għandna Bżonn Inkunu Nafu Min Hu Alla
MA TIBQAX mgħaġġeb int meta tara sema miżgħud bil-kwiekeb f’lejla mingħajr sħab? Ma titgħaxxaqx int bil-fwieħa tal-fjuri taʼ kull lewn? Ma tiħux pjaċir tismaʼ l-għana taʼ l-għasafar u l-ħoss tal-weraq iħaxwex f’żiffa ħelwa? U kemm huma affaxxinanti l-balieni potenti u ħlejjaq oħrajn li hemm fil-baħar! Imbagħad hemm bnedmin li ġew mogħnijin b’kuxjenza u moħħ li hu kompless b’mod taʼ l-għaġeb. Kif taħseb li bdew jeżistu l-affarijiet meraviljużi kollha li hawn madwarna?
Xi wħud jemmnu li dan kollu ġie b’kumbinazzjoni. Imma jekk dan hu minnu, il-bnedmin għala jemmnu li hemm Alla? Taħlita b’kumbinazzjoni taʼ diversi kimiċi għala kienet se tipproduċi ħlejjaq bi bżonn spiritwali?
“Ir-reliġjon għandha għeruq profondi fin-natura tal-bniedem u tiġi prattikata f’kull livell taʼ stat ekonomiku u sfond edukattiv.” Dan hu fil-qosor dak li wasal għalih il-Professur Alister Hardy fir-riċerka li ppreżenta fil-ktieb tiegħu The Spiritual Nature of Man. Esperimenti li saru dan l-aħħar fuq il-moħħ qanqlu lil ċerti newroxjenzati biex jissuġġerixxu li l-bnedmin jistaʼ jkun li ġew “programmati ġenetikament” bl-abbiltà li jipprattikaw xi reliġjon. Il-ktieb intitolat Is God the Only Reality? josserva: “It-tfittxija għat-tifsira permezz tar-reliġjon . . . hija l-esperjenza komuni f’kull kultura u kull era mindu tfaċċa l-bniedem fuq l-art.”
Ikkunsidra l-konklużjoni li raġel istruwit wasal għaliha xi 2,000 sena ilu. Dan kiteb: “Kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4) Fil-fatt, l-ewwel vers fil-Bibbja jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.”—Ġenesi 1:1.
Iżda, min hu Alla? Il-bnedmin għandhom opinjonijiet differenti dwar din il-mistoqsija. Meta staqsewh min hu Alla, żagħżugħ Ġappuniż li jismu Yoshi wieġeb: “M’iniex ċert. Jien Buddist, u qatt ma kien importanti għalija li nkun naf min hu Alla.” Iżda, Yoshi ammetta li hemm ħafna li jqimu lil Budda nnifsu bħala alla. Nick, negozjant li għandu ’l fuq minn 60 sena, jemmen b’Alla u jaħseb li Hu xi forza potenti ferm. Meta staqsewh biex jispjega x’jaf dwar Alla, Nick wieġeb wara pawsa twila: “Din mistoqsija diffiċli ferm, ħabib. Kulma nistaʼ ngħid hu li Alla qiegħed hemmhekk. Jeżisti.”
Xi nies “iqimu u jaqdu lil dak li ħalaq Alla minflok lill-Ħallieq innifsu.” (Rumani 1:25, Today’s English Version) Miljuni sħaħ iqimu lill-antenati mejtin tagħhom, għax jemmnu li Alla qiegħed ’il bogħod wisq biex jilħquh. Fir-reliġjon taʼ l-Indu, hemm ħafna allat irġiel u nisa. Diversi divinitajiet, bħal Żews u Ermi, kienu meqjumin fi żmien l-appostli taʼ Ġesù Kristu. (Atti 14:11, 12) Bosta knejjes tal-Kristjaneżmu jgħallmu li Alla hu Trinità, u din tikkonsisti minn Alla l-Missier, Alla l-Iben, u Alla l-Ispirtu Qaddis.
Tabilħaqq, “hemm ħafna allat u ħafna sidien,” tgħid il-Bibbja. Madankollu, din iżżid: “Għalina Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox.” (1 Korintin 8:5, 6) Iva, hemm biss Alla wieħed li hu veru. Imma min hu? X’sura għandu? Huwa importanti għalina li nkunu nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet. Ġesù nnifsu qal f’talba lil dan il-Wieħed: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Hemm evidenza biżżejjed li turi li l-benesseri etern tagħna jiddependi milli nkunu nafu l-verità dwar Alla.
[Stampa f’paġna 3]
Kif bdew jeżistu dawn?
[Sors]
Baliena: Bil-korteżija taʼ Tourism Queensland
[Sors tal-Istampa f’paġna 2]
QOXRA: Index Stock Photography © 2002