Ħarġu Rebbieħa Minkejja l-Persekuzzjoni
FRIEDA JESS twieldet fl-1911 fid-Danimarka, u minn hemm hi u l-ġenituri tagħha marru joqogħdu Husum fit-tramuntana tal-Ġermanja. Xi snin wara marret taħdem f’Magdeburg, u fl-1930 tgħammdet bħala Studenta tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Hitler ħa l-poter fl-1933, u għal Frieda din il-ġrajja kienet il-bidu taʼ 23 sena taʼ moħqrija taħt żewġ gvernijiet totalitarji.
F’Marzu taʼ l-1933, il-gvern Ġermaniż sejjaħ elezzjoni ġenerali. Il-kittieb taʼ l-istorja Detlef Garbe, kap tal-mużew Neuengamme Concentration Camp Memorial qrib Hamburg, jispjega: “Is-Soċjalisti Nazzjonali riedu bilfors li l-kanċillier u führer tagħhom, Adolf Hitler, ikollu l-maġġuranza l-kbira tal-voti.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah segwew it-twissija taʼ Ġesù biex jibqgħu newtrali politikament u biex ma jkunux “tad-dinja,” u għalhekk ma vvotawx. X’kien ir-riżultat? Ix-Xhieda ġew projbiti.—Ġwann 17:16.
Frieda kompliet bl-attivitajiet Kristjani bil-moħbi, saħansitra għenet fl-istampar tar-rivista It-Torri taʼ l-Għassa. “Ftit mir-rivisti ddaħħlu bil-moħbi fil-kampijiet tal-konċentrament għall-Kristjani sħabna,” qalet hi. Hi ġiet arrestata fl-1940 u wara li ġiet interrogata mill-Gestapo tefgħuha f’ċella għaliha waħedha għal xhur sħaħ. Kif issaportiet? Hi tgħid: “It-talb kien ir-rifuġju tiegħi. Bdejt nitlob minn kmieni fil-għodu u tlabt spiss matul il-ġurnata kollha. It-talb saħħaħni u għenni ma noqgħodx ninkwieta żżejjed.”—Filippin 4:6, 7.
Frieda nħelset mill-ħabs, imma fl-1944 il-Gestapo reġgħu arrestawha. Din id-darba weħlet sebaʼ snin fil-ħabs taʼ Waldheim. Frieda tkompli: “Il-gwardjani tal-ħabs bagħtuni naħdem maʼ xi nisa oħra fil-kmamar tal-ħasil. Taʼ spiss kont inkun maʼ waħda mill-ħabsin miċ-Ċekoslovakkja, u għalhekk kont inkellimha ħafna dwar Jehovah u dwar it-twemmin tiegħi. Dawn il-konversazzjonijiet żammewni b’saħħti.”
Meħlusa imma għal Ftit
It-truppi Sovjetiċi ħelsu lil dawk li kienu fil-ħabs taʼ Waldheim f’Mejju taʼ l-1945, u Frieda setgħet tmur lura lejn Magdeburg u tkompli tippriedka hemmhekk, imma ma tantx damet. Ix-Xhieda reġgħu sfaw il-mira taʼ diskriminazzjoni, din id-darba mill-awtoritajiet fiż-Żona Okkupata mis-Sovjetiċi. Gerald Hacke, mill-Istitut Hannah-Arendt għar-Riċerka dwar it-Totalitarjaniżmu, jikteb: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu wieħed mill-ftit gruppi soċjali li ġew persegwitati kważi mingħajr waqfien miż-żewġ dittatorjati fil-Ġermanja.”
Għala reġgħet tfaċċat id-diskriminazzjoni? Għal darb’oħra, il-kwistjoni prinċipali kienet in-newtralità Kristjana. Fl-1948, fil-Ġermanja tal-Lvant kien hemm plebixxit, votazzjoni diretta taċ-ċittadini kollha, u bħalma jispjega Hacke, “il-kaġun primarju [għall-persekuzzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah] kien li ma pparteċipawx f’dan il-plebixxit.” F’Awissu taʼ l-1950, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew projbiti fil-Ġermanja tal-Lvant. Mijiet ġew arrestati, fosthom Frieda.
Frieda reġgħet sabet ruħha l-qorti u kundannata sitt snin ħabs. “Din id-darba kont maʼ Kristjani oħra, u s-sħubija kienet t’għajnuna kbira għalija.” Wara li nħelset fl-1956, marret toqgħod il-Ġermanja tal-Punent. Issa Frieda, li għandha 90 sena u toqgħod Husum, għadha taqdi lil dak Alla veru, Jehovah.
Frieda esperjenzat 23 sena taʼ persekuzzjoni taħt żewġ dittatorjati. “In-Nazisti pprovaw jeqirduni fiżikament; il-Komunisti pprovaw iġagħluni nitlef il-moral. Minfejn ġibt din is-saħħa? Minn drawwiet tajba taʼ studju tal-Bibbja waqt li kont għadni ħielsa, talb bla waqfien waqt li kont fiċ-ċella waħdi, sħubija maʼ Kristjani oħra kulmeta dan kien possibbli, u billi kont naqsam it-twemmin tiegħi m’oħrajn f’kull opportunità li kelli.”
Il-Faxxiżmu fl-Ungerija
Pajjiż ieħor fejn ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom jissaportu għaxriet taʼ snin taʼ diskriminazzjoni kien l-Ungerija. Xi wħud ġarrbu persekuzzjoni mhux taħt żewġ reġimi totalitarji, imma taħt tlieta. Eżempju wieħed hu taʼ Ádám Szinger. Ádám twieled f’Paks, fl-Ungerija, fl-1922 u trabba bħala Protestant. Fl-1937, xi studenti tal-Bibbja marru jħabbtu d-dar taʼ Ádám, u mill-ewwel wera interess fil-messaġġ tagħhom. Dak li tgħallem mill-Bibbja kkonvinċieh li t-tagħlim tal-knisja li kien jattendi ma kienx mill-Bibbja. Għalhekk, telaq il-knisja Protestanta u ngħaqad maʼ l-Istudenti tal-Bibbja fil-ministeru pubbliku tagħhom.
L-influwenza tal-Faxxiżmu kienet qed tiżdied fl-Ungerija. Mhux darba jew tnejn li l-ġendarmi osservaw lil Ádám jippriedka minn dar għal dar u ħaduh biex jinterrogawh. Il-pressjoni fuq ix-Xhieda żdiedet iktar, u fl-1939 l-attivitajiet tagħhom ġew projbiti. Fl-1942, Ádám ġie arrestat, ittieħed il-ħabs, u ssawwat bl-aħrax. X’għenu biex fl-età taʼ dsatax-il sena setaʼ jissaporti dik is-sofferenza u xhur sħaħ fil-ħabs? “Waqt li kont għadni d-dar, kont nistudja l-Bibbja bir-reqqa u stajt nifhem sew l-iskopijiet taʼ Jehovah.” Kien biss wara l-ħelsien tiegħu mill-ħabs li Ádám fl-aħħar tgħammed bħala Xhud taʼ Jehovah. Dan kien fid-dlam tal-lejl, f’Awissu tas-sena 1942, fi xmara ħdejn id-dar tiegħu.
Fil-Ħabs fl-Ungerija, f’Kamp tax-Xogħol fis-Serbja
Sadattant, matul it-tieni gwerra dinjija, l-Ungerija ngħaqdet mal-Ġermanja kontra l-Unjoni Sovjetika, u fil-ħarifa taʼ l-1942, Ádám inqabad bil-lieva. Hu jgħid: “Jien sostnejt li ma stajtx naqdi fil-militar minħabba dak li kont tgħallimt mill-Bibbja. Spjegajt il-waqfa newtrali tiegħi.” Hu weħel ħdax-il sena ħabs. Imma Ádám ma damx l-Ungerija.
Fl-1943 inqabdu madwar 160 Xhud taʼ Jehovah, tpoġġew fuq braken li kienu fix-Xmara Danubju, u ttieħdu ’l isfel lejn is-Serbja. Ádám kien fosthom. Fis-Serbja dawn il-priġunieri ġew fil-kontroll tat-tielet Reich taʼ Hitler. Huma kienu maqfulin fil-kamp tax-xogħol f’Bor u mġagħlin jaħdmu f’minjiera tar-ram. Madwar sena wara, ittieħdu lura lejn l-Ungerija, fejn Ádám inħeles mit-truppi Sovjetiċi fir-rebbiegħa taʼ l-1945.
L-Ungerija fil-Kontroll tal-Komunisti
Imma l-ħelsien ma tantx dam. Fl-aħħar tas-snin erbgħin, l-awtoritajiet Komunisti fl-Ungerija għamlu restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, bħalma kienu għamlu l-Faxxisti qabel il-gwerra. Fl-1952, Ádám, li issa kellu 29 sena, miżżewweġ u missier taʼ żewġt itfal, ġie arrestat u akkużat meta reġaʼ rrifjuta s-servizz militari. Ádám spjega lill-qorti: “Din mhix l-ewwel darba li jien irrifjutajt is-servizz militari. Matul il-gwerra, weħilt il-ħabs u ġejt deportat lejn is-Serbja għall-istess raġuni. Jien nirrifjuta li nidħol fil-militar minħabba l-kuxjenza tiegħi. Jien Xhud taʼ Jehovah, u se nżomm in-newtralità fil-politika.” Is-sentenza taʼ Ádám kienet tmien snin ħabs, li iktar tard tnaqqset għal erbaʼ snin.
Ádám kompla jesperjenza d-diskriminazzjoni sa nofs is-snin 70, iktar minn 35 sena wara li l-Istudenti tal-Bibbja kienu ħabbtu għall-ewwel darba fuq il-bieb tal-ġenituri tiegħu. Matul dan iż-żmien kollu, weħel 23 sena taʼ detenzjoni minn sitt qrati, u mitfugħ minn taʼ l-inqas f’għaxar ħabsijiet u kampijiet. Hu ssaporta persekuzzjoni kontinwa taħt tliet reġimi—tal-Faxxisti fl-Ungerija qabel il-gwerra, tas-Soċjalisti Nazzjonali Ġermaniżi fis-Serbja, u tal-Komunisti fil-gwerra bierda taʼ l-Ungerija.
Ádám għadu joqgħod fil-belt taʼ Paks, fejn twieled, jaqdi lil Alla lealment. Għandu hu xi abbiltajiet straordinarji li għenuh jissaporti t-tbatijiet u joħroġ rebbieħ? Le. Hu jispjega:
“L-istudju tal-Bibbja, it-talb, u s-sħubija maʼ Kristjani oħra kienu vitali. Imma nixtieq nenfasizza żewġ affarijiet oħra. L-ewwel, Jehovah huwa s-Sors tas-saħħa. Relazzjoni intima miegħu kienet li żammitni ħaj. U t-tieni, żammejt f’moħħi Rumani kapitlu 12, li jgħid: ‘tivvendikawx ruħkom.’ Għalhekk, jien qatt ma żammejt f’qalbi. Stajt inpattiha kemm-il darba lil dawk li ppersegwitawni, imma qatt m’għamiltu dan. M’għandna qatt nużaw is-saħħa li jagħtina Jehovah biex inpattu ħażen b’ħażen.”
Tmiem tal-Persekuzzjoni Kollha
Frieda u Ádám issa jistgħu jaqdu lil Jehovah mingħajr tfixkil. Iżda, x’juruna l-esperjenzi li huma għaddew minnhom dwar il-persekuzzjoni reliġjuża? Li persekuzzjoni bħal din ma jkollhiex suċċess—għallinqas meta din tkun fuq il-Kristjani ġenwini. Filwaqt li l-persekuzzjoni fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah swiet ħafna riżorsi u kkaġunat sofferenza ħarxa, hi ma laħqitx l-għan tagħha. Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jiżdiedu fl-Ewropa fejn darba kienu jiddominaw iż-żewġ dittatorjati kbar.
Ix-Xhieda kif irreaġixxew għall-persekuzzjoni? Bħalma juru r-rakkonti taʼ Frieda u Ádám, huma applikaw il-parir tal-Bibbja: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” (Rumani 12:21) Veru li t-tajjeb jistaʼ jirbaħ il-ħażen? Iva, meta dan ikun ġej minn fidi soda f’Alla. Ir-rebħa li x-Xhieda taʼ Jehovah kellhom fuq il-persekuzzjoni fl-Ewropa kienet rebħa kbira għall-ispirtu t’Alla, turija tal-qawwa għat-tajjeb li tiġi mill-fidi li jipproduċi l-ispirtu qaddis fi Kristjani umlin. (Galatin 5:22, 23) Fid-dinja taʼ llum mimlija vjolenza, din hija lezzjoni li lkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li ndaħħluha f’qalbna.
[Stampi f’paġna 5]
Frieda Jess (issa Thiele) waqt l-arrest tagħha u issa
[Stampi f’paġna 7]
Ádám Szinger waqt li kien il-ħabs u issa