Il-Ħarsa tal-Bibbja
Meta Tkun Iġġustifikat li Tuża l-Forza Biex Tiddefendi Ruħek?
F’DAQQA waħda ħoss iqajmek f’nofs taʼ lejl. Tibda tismaʼ l-passi. Xi ħadd daħallek f’darek. B’qalbek tħabbat sitta sitta, int bil-biżaʼ tibda taħseb x’se taqbad tagħmel.
Din hi sitwazzjoni li kulħadd jistaʼ jiffaċċjaha. Il-kriminalità—anki l-kriminalità vjolenti—m’għadhiex iktar limitata għal ċerti pajjiżi jew bliet kbar. Minħabba li jibżgħu mill-kriminalità, ħafna nies jipprovaw jipproteġu lilhom infushom billi jixtru l-armi jew jitgħallmu l-arti marzjali. Xi gvernijiet għamlu liġijiet li jagħtu d-dritt liċ-ċittadini biex jużaw tekniki li jistgħu joqtlu lil min jattakkahom. Imma l-Bibbja x’tgħid? Jistaʼ individwu qatt ikun ġustifikat li juża l-forza biex jiddefendi lilu nnifsu jew lill-familja tiegħu?
Alla Jobgħod il-Vjolenza
Il-Bibbja tikkundanna l-vjolenza u lil dawk li jużawha. Is-salmista David qal dwar Alla Ġeħova: “Kulmin iħobb il-vjolenza Ruħu tobogħdu.” (Salm 11:5) Alla kkundanna diversi ġnus tal-qedem, inkluż il-poplu tiegħu stess, minħabba l-vjolenza u t-tixrid taʼ demm tagħhom. (Ġoel 3:19; Mikea 6:12; Naħum 3:1) Anki qtil mhux intenzjonat minħabba t-traskuraġni kien att kriminali serju skond il-Liġi mogħtija lil Israel.—Dewteronomju 22:8.
Il-Bibbja tħeġġeġ lill-individwi biex jevitaw il-ġlied li jistaʼ jinqalaʼ billi jfittxu li jkunu fil-paċi kuljum. Il-ġlied vjolenti spiss jibda bi kliem li jintqal bir-rabja. Il-Bibbja tosserva: “Fejn m’hemmx ħatab in-nar jintefa, u fejn m’hemmx min jimmalafama l-ġlied jieqaf.” (Proverbji 26:20) Il-kalma spiss tnaqqas ir-rabja u tevita konfronti vjolenti. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”—Rumani 12:18.
Meta Tiġi Mhedded
Ma jfissirx li għax tfittex il-paċi qatt m’int se tiffaċċja attakk vjolenti. Matul l-istorja, aduraturi leali t’Alla sfaw vittmi taʼ kriminalità vjolenti. (Ġenesi 4:8; Ġob 1:14, 15, 17) Jekk individwu jiġi mhedded minn ħalliel armat, x’għandu jagħmel? Ġesù għallem: “Tirreżistux lil min hu mill-agħar.” (Mattew 5:39) Qal ukoll: “Min jiħodlok il-mantar, ħallih jiħodlok il-libsa wkoll.” (Luqa 6:29) Ġesù m’approvax l-użu taʼ l-armi fiżiċi biex dak li jkun jiddefendi l-affarijiet materjali tiegħu. Jekk jiġi wiċċ imbwiċċ maʼ ħalliel armat, individwu għaqli mhux se joqgħod lura milli jagħti l-affarijiet taʼ valur tiegħu. Ċertament, il-ħajja hi bil-wisq iktar prezzjuża mill-affarijiet li jkollna!
Mill-banda l-oħra, xi ngħidu jekk il-ħajja taʼ l-individwu tkun mhedda minn wieħed li jattakkah? Liġi li Alla ta lil Israel tal-qedem tiċċara dan il-punt. Jekk ħalliel jinqabad matul il-ġurnata u jinqatel, min jattakkah jiġi akkużat bi qtil. Jidher ċar li dan kien minħabba li s-serq ma kienx iġorr il-piena tal-mewt u l-ħalliel setaʼ jiġi identifikat u kkastigat skond il-liġi. Madankollu, jekk min jidħol jisraq jinqatel bil-lejl, l-inkwilin setaʼ jiġi meħlus mill-akkużi minħabba li kien ikun diffiċli biex jara xi jkun qed jagħmel dak li daħal u biex jagħraf eżatt x’kienu l-intenzjonijiet tiegħu. L-inkwilin setaʼ jikkonkludi b’mod raġunevoli li l-familja tiegħu kienet fil-periklu u kellu jiddefendihom.—Eżodu 22:2, 3.
Għalhekk, il-Bibbja tindika li individwu jistaʼ jiddefendi lilu nnifsu jew lill-familja tiegħu jekk jiġi attakkat fiżikament. Lill-wieħed li jattakkah jistaʼ ma jħallihx jolqtu, irażżnu, jew saħansitra jagħtih daqqa biex ma jħallihx ikompli jiġġieled. L-intenzjoni tkun biex iwaqqfu milli jkun aggressiv jew biex iwaqqaf l-attakk. F’dan il-każ, jekk il-wieħed li jattakka jiġi mweġġaʼ serjament jew maqtul f’sitwazzjoni bħal din, il-mewt tiegħu tkun aċċident, u mhux intenzjonata.
L-Aqwa Protezzjoni
Jidher ċar li hemm ċirkustanzi meta difiża persunali raġunevoli hi ġustifikata. In-nies għandhom id-dritt li jipproteġu lilhom infushom u lil dawk li jħobbu mill-attakk jew mill-ħsara li tistaʼ twassal għall-mewt. Meta ma jkunx possibbli li naħarbu, m’hemm ebda kmand Bibliku kontra li niddefendu ruħna b’mod raġunevoli. Xorta waħda, ikun għaqli li nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-vjolenza.—Proverbji 16:32.
Il-Bibbja tinkuraġġina biex ‘infittxu l-paċi u niġru warajha,’ f’kull aspett taʼ ħajjitna. (1 Pietru 3:11) Dan hu metodu prattiku li jgħinna ħafna biex ngħixu ħajja fil-paċi.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Għala għandna nevitaw il-vjolenza?—Salm 11:5.
◼ Xi jkun għaqli li nagħmlu meta niddefendu l-affarijiet materjali li jkollna? —Proverbji 16:32; Luqa 12:15.
◼ Liema attitudni lejn il-ġlied tgħinna nevitaw il-periklu?—Rumani 12:18.
[Kumment f’paġna 11]
Il-Bibbja tindika li individwu jistaʼ jiddefendi lilu nnifsu jew lill-familja tiegħu jekk jiġi attakkat fiżikament