LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/1 pp. 19-21
  • Kun Ċert li Tpoġġi l-Affarijiet l-Iktar Importanti l-Ewwel!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Ċert li Tpoġġi l-Affarijiet l-Iktar Importanti l-Ewwel!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Għandu Jiġi l-​Ewwel?
  • Ibqaʼ Fittex l-​Ewwel is-​Saltna
  • Kif xi Wħud Ipoġġu l-​Affarijiet l-​Iktar Importanti l-​Ewwel Illum
  • Ippjana bil-​Quddiem!
  • Kif Nistaʼ Nsib il-Ħin biex Nagħmel il-Ħowmwerk?
    Stenbaħ!—2004
  • Kif Nistaʼ Nlaħħaq mal-Homework?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • L-Attendenza Regulari għal-Laqgħat—Prijorità
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Kif Jehovah Qed Imexxina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/1 pp. 19-21

Kun Ċert li Tpoġġi l-​Affarijiet l-​Iktar Importanti l-​Ewwel!

Sar il-​ħin għal-​laqgħa, imma int għandek x’tagħmel. X’se tpoġġi l-​ewwel?

INT raġel miżżewweġ u missier. Hekk kif toqrob biex tispiċċa ġurnata tax-​xogħol twila u iebsa, ħsibijietek jaqgħu fuq il-​laqgħa tal-​kongregazzjoni li trid tattendi dik il-​lejla. Jekk titlaq minnufih minn fuq ix-​xogħol, bilkemm ikollok ċans biex tieħu doċċa, tbiddel, u tiekol xi ħaġa taʼ malajr, qabel ma titlaq għal-​laqgħa. Fil-​pront, jiġi fuqek l-​imgħallem u jsaqsik jekk tistax tibqagħlu xogħol bis-​sahra. Iwiegħdek li jħallsek tajjeb. U int għandek bżonnhom il-​flus.

Jew int mara miżżewġa u omm. Waqt li qed tipprepara l-​ikla taʼ fil-​għaxija, tixħet għajnejk fuq munzell ħwejjeġ li m’humiex mgħoddijin u li xi ftit minnhom huma meħtiġin l-​għada. Tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Jekk il-​lejla mmur għal-​laqgħa, meta se nsib il-​ħin biex nagħmel il-​mogħdija?’ Billi għadek kif bdejt taħdem full-time, qed issir taf kemm hu diffiċli li tieħu ħsieb l-​affarijiet tad-​dar waqt li taqlaʼ l-​għajxien.

Jew int student. F’kamartek, l-​iskrivanija ħa ssiefer bil-​kotba u l-​pitazzi tal-​ħowmwerk. Ħafna minnu ngħatalek ftit taż-​żmien ilu, imma int qgħadt tittratieni, u issa ħafna mix-​xogħol irid isir f’daqqa. Tiġik it-​tentazzjoni li ssaqsi lill-​ġenituri ħalli jippermettulek li ma tmurx għal-​laqgħa u tibqaʼ d-​dar biex tispiċċa l-​ħowmwerk.

Int kieku x’se tpoġġi l-​ewwel: il-​ħin miżjud fix-​xogħol sekulari, il-​mogħdija, il-​ħowmwerk, jew il-​laqgħa tal-​kongregazzjoni? Mill-​aspett spiritwali, x’ifisser, li npoġġu l-​affarijiet l-​iktar importanti l-​ewwel? X’inhi l-​ħarsa taʼ Jehovah?

X’Għandu Jiġi l-​Ewwel?

Ftit wara li l-​Iżraeliti rċevew l-​Għaxar Kmandamenti, wieħed raġel inqabad jiġbor il-​ħatab f’jum is-​Sibt. Dan kien ipprojbit strettament fil-​Liġi. (Numri 15:32-34; Dewteronomju 5:12-15) Int kif kont tiġġudikah dan il-​każ? Kont tiskużah lir-​raġel, billi tirraġuna li, wara kollox, ma kienx qed jaħdem biex jgħix fil-​lussu imma biex jipprovdi n-​neċessitajiet taʼ familtu? Kont tirraġuna li kien se jkun hemm ħafna okkażjonijiet matul is-​sena biex josserva jum is-​Sibt, u għalhekk li jitlef osservanza taʼ darba, forsi minħabba li ma ppjanax bil-​quddiem, setaʼ jinħafirlu faċilment?

Jehovah ħares lejn dan il-​każ b’mod iktar serju. Il-​Bibbja tgħid, “[I]l-Mulej qal lil Mosè: ‘Dan ir-​raġel jagħtuh il-​mewt.’” (Numri 15:35) Jehovah għala ħadha daqshekk bi kbira rigward dak li għamel dan ir-​raġel?

In-nies kellhom sitt ijiem biex jiġbru l-​ħatab kif ukoll biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom rigward ikel, ħwejjeġ, u kenn. Is-​sebaʼ jum kellu jkun iddedikat għall-​bżonnijiet spiritwali tagħhom. Fil-​waqt li ma kienx ħażin li tiġbor il-​ħatab, kien ħażin li tagħmel hekk fil-​ħin li kellu jitwarrab għall-​qima taʼ Jehovah. Għalkemm il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka, dan l-​inċident ma jgħallimniex lezzjoni f’li npoġġu l-​prijoritajiet tagħna sew illum?—Filippin 1:10.

Wara li qattgħu 40 sena fix-​xagħri, l-​Iżraeliti kienu lesti biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Xi wħud kienu xebgħu jieklu l-​manna, l-​ikel ipprovdut b’mod divin fix-​xagħri, u bla dubju kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn bidla fl-​ikel. Biex jgħinhom iżommu ħarsa tajba hekk kif kienu deħlin fl-​art li “tnixxi ħalib u għasel,” Jehovah fakkarhom: “Mhux bil-​ħobż biss jgħix il-​bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-​Mulej, b’dan jgħix il-​bniedem.”—Eżodu 3:8; Dewteronomju 8:3.

L-Iżraeliti kien se jkollhom jaħdmu iebes għall-​“ħalib” u l-​“għasel” tagħhom. Kien hemm armati x’jintrebħu, djar x’jinbnew, għelieqi x’jinżergħu. Xorta waħda, Jehovah kkmanda lin-​nies biex iwarrbu l-​ħin kuljum biex jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali. Kellhom jieħdu l-​ħin ukoll biex jgħallmu l-​modi t’Alla lil uliedhom. Qal Jehovah: “Għallmuhom [il-kmandamenti tiegħi] lil uliedkom u tkellmu fuqhom meta tkun mistrieħ f’darek u miexi fit-​triq; meta timtedd u meta tqum.”—Dewteronomju 11:19.

Tliet darbiet fis-​sena kull raġel Iżraelit u proselita fil-​pajjiż kien ikkmandat biex jidher quddiem Jehovah. Billi rrealizzaw li l-​familja kollha kienet se tibbenefika spiritwalment minn okkażjonijiet bħal dawn, ħafna mill-​kapijiet tal-​familji raw kif għamlu biex kemm marthom kif ukoll uliedhom jakkumpanjawhom. Imma min kien se jipproteġilhom darhom u l-​għelieqi tagħhom minn attakki mill-​għadu waqt li l-​familja ma tkunx hemm? Wiegħed Jehovah: “Ma jkun hemm ħadd li jixxennaq għal artek, meta titlaʼ biex tara wiċċ il-​Mulej, Alla tiegħek, tliet darbiet fis-​sena.” (Eżodu 34:24) Kienet meħtieġa l-​fidi biex l-​Iżraeliti jemmnu li jekk ipoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel, ma kinux se jitilfu materjalment. Jehovah żammha kelmtu? Dażgur li żammha!

Ibqaʼ Fittex l-​Ewwel is-​Saltna

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex ipoġġu l-​valuri spiritwali qabel kull ħaġa oħra. Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, hu wissa lis-​semmiegħa tiegħu: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’ Fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [in-neċessitajiet materjali] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:31, 33) Dlonk wara l-​mewt taʼ Ġesù, Kristjani li kienu għadhom kif tgħammdu mxew fuq dak il-​parir. Ħafna minnhom kienu Lhud jew proseliti Lhud li kienu vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għaċ-​ċelebrazzjoni tal-​festa taʼ Pentekoste fis-​sena 33 E.K. Waqt li kienu hemm, ġrat xi ħaġa mhix mistennija. Huma semgħu u ħaddnu l-​aħbar tajba dwar Ġesù Kristu. Billi kienu ħerqanin biex jitgħallmu iktar dwar il-​fidi li kienu għadhom kif sabu, baqgħu f’Ġerusalemm. Il-​proviżjonijiet tagħhom bdew jonqsu, imma l-​kumditajiet materjali kienu taʼ importanza sekondarja. Kienu sabu l-​Messija! Ħuthom il-​Kristjani qasmu magħhom dak li kellhom f’dawk li kienu affarijiet materjali, u b’hekk kollha kemm huma setgħu jkomplu “jżommu sħiħ fit-​tagħlim taʼ l-​appostli u . . . fit-​talb.”—Atti 2:42.

Maż-żmien, xi Kristjani injoraw il-​bżonn taʼ sħubija regulari fil-​laqgħat. (Lhud 10:23-25) Forsi saru materjalistiċi, billi injoraw l-​affarijiet spiritwali waqt li pprovaw jassiguraw sigurtà finanzjarja għalihom u għal familthom. Wara li ħeġġeġ lil ħutu biex ma jabbandunawx il-​laqgħat, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Tkunux mogħtija għar-​re[għb]a tal-​flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’”—Lhud 13:5.

Il-parir taʼ Pawlu rriżulta li kien eżatt f’waqtu. Madwar ħames snin wara li Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lil-​Lhud, l-​armata Rumana taʼ Ċestju Gallu ċċirkondat lil Ġerusalemm. Il-​Kristjani leali ftakru fit-​twissija taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw [dan] . . . min ikun fuq il-​bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-​dar; anqas min ikun fir-​rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-​mantar tiegħu.” (Mark 13:14-16) Kienu jafu li s-​sopravivenza tagħhom kienet tiddependi, mhux fuq l-​istabbiltà taʼ l-​impjieg tagħhom jew il-​valur tal-​ġid materjali tagħhom, imma fuq l-​ubbidjenza tagħhom lejn l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù. Dawk li wieġbu għall-​parir taʼ Pawlu u poġġew l-​interessi spiritwali l-​ewwel, mingħajr dubju sabuha eħfef biex iħallu warajhom lil darhom, l-​impjieg tagħhom, ħwejjiġhom, u l-​affarijiet persunali prezzjużi tagħhom u jaħarbu lejn il-​muntanji, minn dawk li ma ħelsux mill-​imħabba tal-​flus.

Kif xi Wħud Ipoġġu l-​Affarijiet l-​Iktar Importanti l-​Ewwel Illum

Kristjani leali llum jgħożżu sħubija regulari maʼ ħuthom, u ħafna jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex jattendu għal-​laqgħat. F’ċerti lokalitajiet, l-​uniku impjieg disponibbli jinvolvi xogħol bix-​xift. Wieħed ħu joffri li nhar taʼ Sibt fil-​għaxija, li ħafna nies fil-​komunità tiegħu jippreferu li jużawh għar-​rikreazzjoni, jidħol minflok sħabu tax-​xogħol jekk huma, mill-​banda l-​oħra, jidħlu minfloku għax-​xogħol meta x-​xift jaħbatlu mal-​laqgħat. Aħwa oħrajn li jaħdmu bix-​xift jattendu għal-​laqgħat taʼ xi kongregazzjoni li tkun fil-​viċin jekk ix-​xogħol tagħhom iżommhom milli jattendu għal-​laqgħat tagħhom. B’dan il-​mod, kważi qatt ma jitilfu laqgħa. Fil-​Kanada, persuna li bdiet tinteressa ruħha malajr irrealizzat kemm huma importanti l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz, imma l-​iskeda tax-​xogħol tagħha kienet iżżommha milli tattendi għalihom. Għaldaqstant, hi ħallset lil seħbitha biex taħdmilha x-​xift tagħha ħalli hi tkun libera biex tattendi għal dawn il-​laqgħat importanti.

Ħafna li jbatu minn mard kroniku rari jitilfu laqgħa. Huma jisimgħu l-​programm id-​dar permezz tat-​telefon jew taʼ xi tejp rikording meta ma jkunux jistgħu jkunu preżenti fis-​Sala tas-​Saltna. Huma juru apprezzament taʼ min ifaħħru għall-​provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah li jiġu permezz taʼ l-​“irsir leali u diskret”! (Mattew 24:45, NW) Kristjani li jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom imdaħħlin fiż-​żmien jibqgħu jafuhulhom tassew lil dak il-​ħu jew oħt li joffru li jibqgħu huma mal-​ġenitur waqt li dak li s-​soltu jieħu ħsiebu jkun jistaʼ jattendi laqgħa tal-​kongregazzjoni.

Ippjana bil-​Quddiem!

Ġenituri li huma konxji tal-​bżonnijiet spiritwali tagħhom stess jgħinu lil uliedhom biex japprezzaw il-​laqgħat Kristjani. Bħala regola ġenerali, huma jistennew li wliedhom jagħmlu l-​ħowmwerk hekk kif jingħatalhom minflok ma jħalluh jakkumula. Fil-​ġranet tal-​laqgħat l-​ulied jagħmlu l-​ħowmwerk malli jaslu lura mill-​iskola. Passatempi u attivitajiet oħrajn m’humiex permessi li jtellfulhom il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

Bħala raġel miżżewweġ u missier, tagħti prijorità lill-​attendenza għal-​laqgħat? Bħala mara miżżewġa u omm, tipprova tippjana r-​responsabbiltajiet tiegħek biex tħalli ħin għal-​laqgħat? Bħala żagħżugħ, torganizza l-​ħowmwerk tiegħek madwar il-​laqgħat jew il-​laqgħat madwar il-​ħowmwerk?

Laqgħa tal-​kongregazzjoni hija provvediment mingħand Jehovah. Kull sforz għandu jsir biex nieħdu sehem f’dan l-​arranġament taʼ mħabba. Jehovah se jbierkek b’mod għani jekk int tpoġġi l-​affarijiet l-​iktar importanti l-​ewwel!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja