Aċċetta l-Bibbja Għal dak li Tassew Hija
“Aħna wkoll niżżu ħajr lil Alla bla heda, għaliex meta rċevejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, aċċettajtuha, mhux bħala l-kelma taʼ bnedmin, imma, sewwa sew bħalma verament hija, bħala l-kelma t’Alla, li qiegħda taħdem ukollfikom li temmnu.”—1 TESSALONKIN 2:13.
1. Liema xorta taʼ informazzjoni fil-Bibbja tagħmel lil dan il-ktieb verament li jispikka?
IL-BIBBJA Mqaddsa hija l-iktar ktieb tradott b’mod estensiv u mqassam b’mod mifrux fid-dinja. Hija rikonoxxuta liberament bħala wieħed mix-xogħlijiet il-kbar tal-letteratura. Iktar importanti, madankollu, il-Bibbja tipprovdi l-gwida li hija meħtieġa b’mod urġenti minn nies taʼ kull razza u kull ġens, minkejja l-impjieg jew il-pożizzjoni tagħhom fil-ħajja. (Rivelazzjoni 14:6, 7) B’manjiera li tissodisfa kemm lill-moħħ kif ukoll lill-qalb, il-Bibbja twieġeb mistoqsijiet bħalma huma: X’inhu l-iskop tal-ħajja umana? (Ġenesi 1:28; Rivelazzjoni 4:11) Il-gvernijiet tal-bnedmin għala ma kinux kapaċi jġibu paċi u sigurtà dejjiema? (Ġeremija 10:23; Rivelazzjoni 13:1, 2) In-nies għala jmutu? (Ġenesi 2:15-17; 3:1-6; Rumani 5:12) F’nofs din id-dinja taʼ inkwiet, kif nistgħu b’suċċess inkampaw mal-problemi tal-ħajja? (Salm 119:105; Proverbji 3:5, 6) Il-futur x’għandu maħżun għalina?—Danjel 2:44; Rivelazzjoni 21:3-5.
2. Il-Bibbja għala tipprovdi tweġibiet kompletament taʼ min joqgħod fuqhom għall-mistoqsijiet tagħna?
2 Il-Bibbja għala twieġeb mistoqsijiet bħal dawn b’mod awtoritatevoli? Għaliex hija l-Kelma t’Alla. Hu uża bnedmin biex jiktbuha, imma bħalma huwa mistqarr b’mod ċar fit-2 Timotew 3:16, “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” M’hijiex il-prodott taʼ interpretazzjoni privata taʼ ġrajjiet umani. “Il-profezija [dikjarazzjonijiet t’affarijiet li ġejjin, kmandi divini, il-livell morali tal-Bibbja] f’ebda żmien ma nġabet bir-rieda tal-bniedem, imma bnedmin tkellmu minn Alla hekk kif kienu mqanqlin mill-ispirtu qaddis.”—2 Pietru 1:21.
3. (a) Agħti eżempji li juru kemm il-Bibbja kienet stmata b’mod elevat minn nies f’pajjiżi differenti. (b) Individwi għala kienu lesti li jirriskjaw il-ħajjiet tagħhom sabiex jaqraw l-Iskrittura?
3 Billi apprezzaw il-valur tal-Bibbja, ħafna nies irriskjaw priġunerija, saħansitra mewt, biex jippossjeduha u jaqrawha. Dak kien minnu fi snin mgħoddija fi Spanja Kattolika, fejn il-kleru beżgħu li l-influwenza tagħhom tkun mhedda jekk in-nies jaqraw il-Bibbja fil-lingwa tagħhom stess; kien minnu wkoll fl-Albanija, fejn miżuri ħorox ġew infurzati taħt reġim ateistiku sabiex tintemm kull influwenza reliġjuża. Madankollu, individwi li kellhom il-biżaʼ t’Alla għożżew kopji taʼ l-Iskrittura, qrawhom, u qasmuhom bejniethom. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fil-kamp tal-konċentrament taʼ Sachsenhausen, Bibbja ġiet mgħoddija b’attenzjoni kbira minn blokk taʼ ċelel għall-ieħor (għalkemm dan kien projbit), u dawk li kellhom aċċess għaliha mmemorizzaw porzjonijiet biex jaqsmuhom m’oħrajn. Matul is-snin 50, f’dik li dak iż-żmien kienet il-Ġermanja tal-Lvant Komunista, ix-Xhieda taʼ Jehovah li kienu mitfugħin il-ħabs minħabba l-fidi tagħhom irriskjaw iżolament solitarju fit-tul meta għaddew porzjonijiet żgħar tal-Bibbja mingħand priġunier għall-ieħor biex jinqraw bil-lejl. Dan għala għamluh? Għaliex huma rrikonoxxew li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla, u kienu jafu li “mhux bil-ħobż biss” imma “b’kull espressjoni minn fomm Jehovah jgħix il-bniedem.” (Dewteronomju 8:3) Dawn l-espressjonijiet, imniżżlin fil-Bibbja, għenu lil dawk ix-Xhieda biex jibqgħu ħajjin spiritwalment minkejja li kienu jiġu suġġetti għal ħruxija inkredibbli.
4. Il-Bibbja liema post għandha jkollha fil-ħajjiet tagħna?
4 Il-Bibbja m’hijiex ktieb li sempliċement jitpoġġa fuq l-ixkaffa biex kultant tirreferi għalih, lanqas ma qiegħda għal użu biss meta kredenti mseħbin jinġabru għall-qima. Kuljum għandha tintuża biex titfaʼ dawl fuq sitwazzjonijiet li jikkonfrontawna u biex turina t-triq it-tajba fejn nimxu.—Salm 25:4, 5.
Intenzjonata Biex Tinqara u Tiġi Mifhuma
5. (a) Jekk inhu possibbli, x’għandu kull wieħed minna jippossjedi? (b) F’Iżrael tal-qedem, in-nies kif kienu jsiru jafu x’fiha l-Iskrittura? (ċ) Salm 19:7-11 kif jeffettwa l-attitudni tiegħek lejn il-qari tal-Bibbja?
5 Fi żmienna, kopji tal-Bibbja huma faċilment disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, u nħeġġu lil kull qarrej tat-Torri Taʼ L-Għassa biex jikseb kopja. Matul iż-żmien meta l-Bibbja kienet qiegħda tinkiteb, ma kien hemm ebda magni taʼ l-istampar. In-nies inġenerali ma kellhomx kopji persunali. Imma Jehovah ħa ħsieb biex il-qaddejja tiegħu jisimgħu dak li kien inkiteb. B’hekk, Eżodu 24:7 jirrapporta, li wara li Mosè kien niżżel bil-miktub dak li kien ordnalu Jehovah, hu “ħa l-ktieb tal-patt u qrah f’widnejn in-nies.” Billi kienu xhieda tat-turijiet soprannaturali ħdejn il-Muntanja Sinaj, huma rrikonoxxew li dak li qralhom Mosè kien mingħand Alla u li kienu jeħtieġu li jkunu jafu din l-informazzjoni. (Eżodu 19:9, 16-19; 20:22) Aħna wkoll għandna bżonn inkunu nafu dak li huwa mniżżel fil-Kelma t’Alla.—Salm 19:7-11.
6. (a) Qabel ma l-ġens taʼ Iżrael daħal fil-Pajjiż Imwiegħed, Mosè x’għamel? (b) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Mosè?
6 Hekk kif il-ġens taʼ Iżrael ippreparaw biex jaqsmu x-Xmara Ġordan biex jidħlu fil-Pajjiż Imwiegħed, u b’hekk ħallew warajhom il-ħajja nomadika tagħhom fix-xagħri, kien xieraq għalihom li jirrevedu l-Liġi taʼ Jehovah u l-modi kif ittratta magħhom. Imqanqal mill-ispirtu t’Alla, Mosè rreveda l-Liġi magħhom. Fakkarhom dwar dettalji tal-Liġi, u enfasizza wkoll prinċipji bażiċi u attitudnijiet li kellhom jinfluwenzaw ir-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah. (Dewteronomju 4:9, 35; 7:7, 8; 8:10-14; 10:12, 13) Hekk kif aħna llum nidħlu għal inkarigi ġodda jew niffaċċjaw sitwazzjonijiet ġodda fil-ħajja, aħna wkoll nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw kif il-pariri taʼ l-Iskrittura għandhom jinfluwenzaw dak li qegħdin nagħmlu.
7. Ftit wara li l-Iżraeliti qasmu l-Ġordan, x’sar biex jimpressjona l-Liġi taʼ Jehovah fuq l-imħuħ u l-qlub tagħhom?
7 Ftit wara li Iżrael qasmu x-Xmara Ġordan, in-nies mill-ġdid inġabru biex jirrevedu dak li Jehovah kien qalilhom permezz taʼ Mosè. Il-ġens inġabar madwar 30 mil lejn it-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Nofs it-tribujiet kienu quddiem il-Muntanja Ebal, u nofs kienu quddiem il-Muntanja Geriżim. Hemmhekk Ġożwè “qara jgħajjat il-kliem kollu tal-liġi, il-barka u l-maledizzjoni.” B’hekk l-irġiel, in-nisa, u ċ-ċkejknin, flimkien mar-residenti barranin, semgħu stqarrija mill-ġdid f’waqtha tal-liġijiet li jiggvernaw il-kondotta li kienet tirriżulta fid-diżapprovazzjoni taʼ Jehovah u dwar il-barkiet li kienu se jirċievu jekk jobdu lil Jehovah. (Ġożwè 8:34, 35) Kienu jeħtieġu li jkollhom ċar f’moħħhom dak li kien tajjeb u dak li kien ħażin fil-ħarsa taʼ Jehovah. Barra minn hekk, riedu jnaqqxu fuq qlubhom imħabba lejn dak li huwa tajjeb u mibgħeda lejn dak li huwa ħażin, bħalma jrid jagħmel kull wieħed minna llum.—Salm 97:10; 119:103, 104; Amos 5:15.
8. X’kien il-benefiċċju tal-qari perjodiku tal-Kelma t’Alla f’ċerti assembleat nazzjonali f’Iżrael?
8 Minbarra qari tal-Liġi f’dawk l-okkażjonijiet storiċi, provvediment għal qari regulari tal-Kelma t’Alla kien imniżżel f’Dewteronomju 31:10-12. Kull sebaʼ sena l-ġens kollu kemm hu kellu jinġabar biex jismaʼ qari tal-Kelma t’Alla. Dan ipprovda ikel spiritwali għalihom. Żamm ħaj ġewwa mħuħhom u qlubhom il-wegħdi dwar iż-Żerriegħa u b’hekk serva biex jidderieġi wħud leali lejn il-Messija. L-arranġamenti għal għoti taʼ ikel spiritwali li kienu istitwiti meta Iżrael kien fix-xagħri ma sparixxewx meta huma daħlu fil-Pajjiż Imwiegħed. (1 Korintin 10:3, 4) Minflok, il-Kelma t’Alla stagħniet billi inkludiet ir-rivelazzjonijiet miżjudin tal-profeti.
9. (a) Kien biss meta l-Iżraeliti nġabru fi gruppi kbar li huma kienu jaqraw l-Iskrittura? Spjega. (b) Struzzjoni fl-Iskrittura kif kienet tingħata ġewwa familji individwali, u b’liema oġġettiv?
9 Reviżjoni tal-pariri tal-Kelma t’Alla ma kellhiex tkun restritta biss għal dawk iż-żminijiet meta n-nies kienu jkunu miġburin fi grupp kbir. Porzjonijiet tal-Kelma t’Alla u l-prinċipji inkorporati fiha kellhom jiġu diskussi kuljum. (Dewteronomju 6:4-9) Fil-biċċa l-kbira tal-postijiet illum, huwa possibbli għaż-żgħażagħ li jkollhom kopja persunali tal-Bibbja, u huwa taʼ benefiċċju kbir għalihom li jkollhom waħda. Imma f’Iżrael tal-qedem, dak ma kienx il-każ. Lura f’dak iż-żmien, meta ġenituri taw struzzjoni mill-Kelma t’Alla, kellhom jistrieħu fuq dak li kienu mmemorizzaw u fuq il-veritajiet li kienu jgħożżu fi qlubhom, flimkien maʼ kwalunkwe silta żgħira li setgħu kitbu personalment. Permezz taʼ repetizzjoni spissa, kienu jipprovaw jibnu f’uliedhom imħabba lejn Jehovah u l-mogħdijiet tiegħu. L-oġġettiv ma kienx sempliċement li jkollhom moħħhom mimli fatti imma biex jgħin lil kull membru tal-familja sabiex jgħix b’tali mod li juri mħabba lejn Jehovah u l-Kelma tiegħu.—Dewteronomju 11:18, 19, 22, 23.
Qari Taʼ L-Iskrittura Fis-Sinagogi
10, 11. Liema programm taʼ qari taʼ l-Iskrittura kien jiġi segwit fis-sinagogi, u Ġesù kif kien iqishom dawn l-okkażjonijiet?
10 Xi ftit taż-żmien wara li l-Lhud ittieħdu fl-eżilju ġewwa l-Babilonja, is-sinagogi ġew stabbiliti bħala postijiet għal qima. Sabiex il-Kelma t’Alla tinqara u tiġi diskussa f’dawn il-postijiet għal-laqgħat, intgħamlu iktar kopji taʼ l-Iskrittura. Dan kien fattur għala baqgħu jeżistu madwar 6,000 kopja antiki miktubin bl-idejn li kien fihom porzjonijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka.
11 Sezzjoni importanti tas-servizz fis-sinagoga kienet il-qari tat-Tora, ekwivalenti għall-ewwel ħames kotba tal-Bibbji taż-żmien modern. Atti 15:21 jirrapporta li fl-ewwel seklu E.K., qari bħal dan kien isir kull Sabat, u l-Mixna juri li sat-tieni seklu, kien hemm ukoll qari tat-Tora fit-tieni u l-ħames jum tal-ġimgħa. Għadd taʼ individwi ħadu sehem fil-qari taʼ porzjonijiet assenjati, wieħed wara l-ieħor. Id-drawwa taʼ Lhud li kienu jgħixu fil-Babilonja kienet li jaqraw it-Tora kollu kemm hu kull sena; id-drawwa fil-Palestina kienet li jifirxu l-qari matul perijodu taʼ tliet snin. Porzjon mill-Profeti kien jinqara wkoll u jiġi spjegat. Kienet id-drawwa taʼ Ġesù li jkun preżenti għal programmi taʼ qari tal-Bibbja nhar is-Sabat fil-post fejn kien joqgħod.—Luqa 4:16-21.
Rispons u Applikazzjoni Persunali
12. (a) Meta Mosè kien jaqra l-Liġi lin-nies, in-nies kif ibbenefikaw? (b) In-nies kif kienu jwieġbu?
12 Il-qari taʼ l-Iskrittura mnebbħa ma kienx intenzjonat li jsir sempliċi formaliżmu. Ma kienx isir sempliċement biex jissodisfa l-kurżità tan-nies. Meta Mosè qara “l-ktieb tal-patt” lil Iżrael fuq il-pjanura quddiem il-Muntanja Sinaj, għamel dan sabiex huma jkunu jafu r-responsabbiltajiet tagħhom quddiem Alla u jwettquhom. Kienu se jagħmluh dan? Il-qari kien jirrikjedi rispons. In-nies irrikonoxxuh dak, u wieġbu, billi qalu: “Kulma Jehovah tkellem aħna lesti li nagħmluh u nkunu ubbidjenti.”—Eżodu 24:7; qabbel Eżodu 19:8; 24:3.
13. Meta Ġożwè qara s-saħtiet għad-diżubbidjenza, in-nies x’kellhom jagħmlu, u b’liema oġġettiv?
13 Iktar tard, meta Ġożwè qara lill-ġens il-barkiet imwegħdin u s-saħtiet, jew maledizzjonijiet, kien mitlub rispons. Wara kull waħda mill-maledizzjonijiet, ingħatat l-istruzzjoni: “U n-nies kollha jridu jgħidu, ‘Hekk ikun!’” (Dewteronomju 27:4-26) B’hekk, punt wara punt esprimew il-qbil tagħhom mal-kundanna taʼ Jehovah dwar l-għemejjel ħżiena ċċitati. Xi ġrajja impressjonanti żgur li kienet meta l-ġens kollu kemm hu rbombja l-qbil tiegħu!
14. Fi żmien Neħemija, il-qari pubbliku tal-Liġi għala ta prova li kien speċjalment taʼ benefiċċju?
14 Fi żmien Neħemija, meta n-nies kollha nġabru f’Ġerusalemm biex jisimgħu l-Liġi, huma raw li ma kinux qegħdin iwettqu għal kollox l-istruzzjonijiet miktubin hemmhekk. F’dik l-okkażjoni applikaw fil-pront dak li tgħallmu. X’kien ir-riżultat? “Hena kbira ħafna.” (Neħemija 8:13-17) Wara ġimgħa taʼ qari taʼ kuljum mill-Bibbja matul il-festa, irrealizzaw li jerġaʼ iżjed kien meħtieġ. Bit-talb irrevedew l-istorja taʼ kif Jehovah ittratta mal-poplu tiegħu minn żmien Abraham ’il quddiem. Dan kollu qanqalhom biex jieħdu ħalfa li jikkonformaw mal-ħtiġijiet tal-Liġi, biex iżommu lura minn żwiġijiet imħalltin maʼ barranin, u biex jaċċettaw obbligi li jieħdu ħsieb it-tempju u s-servizzi tiegħu.—Neħemija, kapitli 8-10.
15. L-istruzzjonijiet f’Dewteronomju 6:6-9 kif juru li, ġewwa l-familji, struzzjoni fil-Kelma t’Alla ma kellhiex tkun sempliċi formalità?
15 B’mod simili, ġewwa l-familja, it-tagħlim taʼ l-Iskrittura ma kienx intenzjonat li jkun sempliċi formaliżmu. Bħalma diġà rajna, f’termini figurattivi f’Dewteronomju 6:6-9, in-nies intqalilhom biex ‘jorbtu l-kliem t’Alla bħala sinjal fuq idhom’—u b’hekk juru bl-eżempju u bl-azzjoni mħabbithom lejn il-mogħdijiet taʼ Jehovah. U kellhom ipoġġu l-kliem t’Alla bħala ‘filatterju bejn għajnejhom’—u b’hekk iżommu kontinwament quddiem għajnejhom il-prinċipji inkorporati fl-Iskrittura u jużawhom bħala bażi għad-deċiżjonijiet tagħhom. (Qabbel il-lingwaġġ użat f’Eżodu 13:9, 14-16.) Huma kellhom ‘jiktbuhom fuq il-koxox tal-bwieb taʼ djarhom u fuq ix-xatbiet tagħhom’—u b’hekk jidentifikaw lil djarhom u l-komunitajiet tagħhom bħala postijiet fejn il-kelma t’Alla kienet irrispettata u applikata. Fi kliem ieħor, il-ħajjiet tagħhom riedu jagħtu evidenza abbundanti li huma kienu jħobbu u japplikaw il-preċetti taʼ tjieba taʼ Jehovah. Kemm setaʼ jkun taʼ benefiċċju dak! Għandha l-Kelma t’Alla dik ix-xorta taʼ prominenza fil-ħajja taʼ kuljum tal-familji tagħna? B’sogħba, il-Lhud biddlu dan kollu f’sempliċi formalità, billi kienu jilbsu filatterji bħal li kieku dawn kienu oġġetti taʼ seħer. Il-qima tagħhom ma baqgħetx ġejja mill-qalb u ġiet irrifjutata minn Jehovah.—Isaija 29:13, 14; Mattew 15:7-9.
Responsabbiltà Taʼ Dawk F’Pożizzjonijiet Taʼ Indokrar
16. Qari regulari taʼ l-Iskrittura għala kien importanti għal Ġożwè?
16 Rigward qari taʼ l-Iskrittura, attenzjoni speċjali ġiet diretta lejn dawk li kienu indokraturi tal-ġens. Lil Ġożwè, Jehovah qal: “Ħu ħsieb li tagħmel skond il-liġi kollha.” Biex iżomm quddiem għajnejh li jwettaq dik ir-responsabbiltà, intqallu: “Trid minn taħt l-ilsien taqra fih lejl u nhar, . . . għax imbagħad se tagħmel il-mogħdija tiegħek taʼ suċċess u mbagħad se taġixxi bil-għerf.” (Ġożwè 1:7, 8) Bħalma huwa minnu dwar kwalunkwe indokratur Kristjan illum, il-qari regulari taʼ l-Iskrittura minn Ġożwè kien se jgħinu biex iżomm ċar f’moħħu l-kmandamenti speċifiċi li Jehovah kien ta lill-poplu Tiegħu. Ġożwè kellu bżonn jifhem ukoll kif Jehovah kien ittratta mal-qaddejja Tiegħu taħt diversi ċirkostanzi. Hekk kif kien jaqra stqarrijiet taʼ l-iskop t’Alla, kien ikun importanti għalih li jaħseb dwar ir-responsabbiltà tiegħu stess f’konnessjoni maʼ dak l-iskop.
17. (a) Biex is-slaten jibbenefikaw mill-qari taʼ l-Iskrittura bil-mod kif stqarr Jehovah, x’kien meħtieġ flimkien mal-qari li kienu jagħmlu? (b) Qari u meditazzjoni regulari tal-Bibbja għala huma importanti ħafna għal anzjani Kristjani?
17 Jehovah ordna li kulmin kien jaqdi bħala sultan fuq il-poplu Tiegħu kellu, hekk kif jilħaq sultan, jagħmel kopja tal-Liġi t’Alla, billi jibbażaha fuq il-kopja li kienet tinżamm mill-qassisin. Imbagħad ried “jaqra fiha l-jiem kollha taʼ ħajtu.” L-oġġettiv kien mhux biex sempliċement jimmemorizza l-kontenut tagħha. Minflok, kien biex hu “jistaʼ jitgħallem jibżaʼ minn Jehovah Alla tiegħu” u sabiex “qalbu ma teżaltax lilha nfisha ’l fuq minn ħutu.” (Dewteronomju 17:18-20) Dan kien jirrikjedi li jimmedita fil-fond fuq dak li kien qed jaqra. Xi wħud mis-slaten b’mod evidenti ħasbu li kienu wisq imħabbtin b’doveri amministrattivi biex jagħmlu dak, u l-ġens kollu sofra bħala riżultat tat-traskuraġni tagħhom. L-irwol taʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana ċertament li m’huwiex dak taʼ slaten. Madankollu, bħalma kien minnu dwar is-slaten, huwa vitali li l-anzjani jaqraw u jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla. Li jagħmlu dan se jgħinhom iżommu ħarsa xierqa taʼ dawk fdati fil-ħarsien tagħhom. Se jgħinhom ukoll biex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom bħala għalliema b’manjiera li verament tonora lil Alla u ssaħħaħ spiritwalment lill-Kristjani sħabhom.—Titus 1:9; qabbel Ġwann 7:16-18; agħmel kuntrast maʼ 1 Timotew 1:6, 7.
18. Permezz taʼ qari u studju regulari tal-Bibbja liema eżempju mħolli mill-appostlu Pawlu se niġu mgħejjunin biex nimitaw?
18 L-appostlu Pawlu, indokratur Kristjan taʼ l-ewwel seklu, kien wieħed li kien jaf sewwa l-Iskrittura mnebbħa. Meta ta xiehda lil nies f’Tessalonika tal-qedem, setaʼ jirraġuna b’mod effettiv magħhom mill-Iskrittura u jgħinhom jifhmu t-tifsira. (Atti 17:1-4) Hu laħaq il-qlub taʼ semmiegħa sinċieri. B’hekk, ħafna li semgħuh saru kredenti. (1 Tessalonkin 2:13) Bħala riżultat tal-programm tiegħek taʼ qari mill-Bibbja u studju, tistaʼ int tirraġuna b’mod effettiv mill-Iskrittura? Il-post li jokkupa f’ħajtek il-qari tal-Bibbja u l-mod kif tagħmlu jagħtu evidenza li int verament tapprezza x’ifisser li jkollok il-Kelma t’Alla fil-pussess tiegħek? Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw kif tweġiba pożittiva tistaʼ tingħata għal dawn il-mistoqsijiet saħansitra minn dawk li l-iskedi tagħhom huma mimlijin ħafna. (w95 5/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Xi nies għala kienu lesti li jirriskjaw il-ħajja u l-libertà sabiex jaqraw il-Bibbja?
◻ Kif nibbenefikaw billi nirrevedu provvedimenti li saru għal Iżrael tal-qedem biex jisimgħu l-Kelma t’Alla?
◻ X’għandna nagħmlu b’dak li naqraw fil-Bibbja?
◻ Il-qari tal-Bibbja u l-meditazzjoni fuqha għala huma speċjalment importanti għall-anzjani Kristjani?
[Stampa f’paġna21]
Jehovah qal lil Ġożwè: “Trid minn taħt l-ilsien taqra fih lejl u nhar”