LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 9/15 pp. 10-15
  • ‘Agħti Ħafna Aktar Kas taʼ Dak li Smajt’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Agħti Ħafna Aktar Kas taʼ Dak li Smajt’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kellhom Bżonn Jagħtu Iktar Kas
  • “Nagħtu Ħafna Aktar Kas” Illum
  • Intejbu l-​Konċentrazzjoni Tagħna fil-​Laqgħat
  • Ibbenefika bis-​Sħiħ mill-​Istudju Persunali
  • Taqtgħux Qalbkom fit-Tiġrija għall-Ħajja!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Kif Jehovah Qed Imexxina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Qiegħed Int Tibbenefika Personalment?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema Effettivi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 9/15 pp. 10-15

‘Agħti Ħafna Aktar Kas taʼ Dak li Smajt’

“Għandna nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-​triq.”—Lhud 2:1.

1. Uri kif l-​aljenazzjoni tistaʼ twassal għal diżastru.

L-​INĊIDENTI tas-​sewqan joqtlu xi 37,000 ruħ kull sena fl-​Istati Uniti biss. L-​esperti jgħidu li ħafna minn dawn l-​imwiet jistgħu jiġu evitati kieku s-​sewwieqa jagħtu iktar kas tat-​triq li jsuqu fiha. Xi sewwieqa jaljenaw rashom minħabba sinjali u kartelluni jew minħabba li jużaw it-​telefon ċellulari. Hemm ukoll min jagħtiha għall-​hekk imsejħa ikla fuq id-​daxxbord—meta wieħed jiekol hu u jsuq. F’dawn is-​sitwazzjonijiet kollha, l-​aljenazzjoni tistaʼ twassal għal diżastru.

2, 3. Liema twissija ta Pawlu lill-​Kristjani Lhud, u l-​parir tiegħu għala kien xieraq?

2 Kważi 2,000 sena qabel ma ġiet ivvintata l-​karozza, l-​appostlu Pawlu identifika tip t’aljenazzjoni li kienet qed tkun diżastruża għal xi Kristjani Lhud. Pawlu enfasizza li Ġesù Kristu rxoxtat kien ngħata pożizzjoni superjuri għall-​anġli kollha, għax kien qiegħed bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla. L-​appostlu mbagħad qal: “Għalhekk għandna nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-​triq.”—Lhud 2:1.

3 Il-​Kristjani Lhud għala kellhom bżonn ‘jagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li semgħu’ dwar Ġesù? Għaliex kienu għaddew kważi 30 sena mindu Ġesù kien ħalla x-​xena dinjija. Bin-​nuqqas tal-​preżenza taʼ Sidhom, xi Kristjani Lhud kienu bdew jitbiegħdu ’l barra mill-​fidi vera. Kienu qed jaljenaw ruħhom bil-​Ġudaiżmu, il-​mod taʼ qima li kellhom qabel.

Kellhom Bżonn Jagħtu Iktar Kas

4. Xi Kristjani Lhud għala għandhom mnejn ġew ittantati jmorru lura għall-​Ġudaiżmu?

4 Kristjan għala kellu mnejn jiġi ttantat imur lura lejn il-​Ġudaiżmu? Sewwa, is-​sistema taʼ qima taħt il-​Liġi kienet tinvolvi affarijiet li tarahom u tmisshom b’idejk. In-​nies setgħu jaraw lill-​qassisin kif ukoll ixommu s-​sagrifiċċji jinħarqu. Madankollu, f’ċerti aspetti, il-​Kristjanità kienet differenti mhux ħażin. Il-​Kristjani kellhom Qassis il-​Kbir, Ġesù Kristu, imma ma kienx deher fuq l-​art għal tletin sena sħaħ. (Lhud 4:14) Kellhom tempju, imma l-​post qaddis tiegħu kien is-​sema stess. (Lhud 9:24) Iċ-​ċirkonċiżjoni Kristjana ma kinitx bħal dik fiżika mitluba mil-​Liġi imma kienet “dik tal-​qalb, opra taʼ l-​ispirtu.” (Rumani 2:29) Għall-​Kristjani Lhud, għaldaqstant, il-​Kristjanità għandha mnejn kienet bdiet tidher kemxejn astratta.

5. Pawlu kif wera li s-​sistema taʼ qima li waqqaf Ġesù kienet aqwa minn dik taʼ taħt il-​Liġi?

5 Il-​Kristjani Lhud kellhom bżonn jirrealizzaw xi ħaġa sinifikanti ħafna dwar is-​sistema taʼ qima li waqqaf Kristu. Din kienet iktar ibbażata fuq il-​fidi milli fuq dak li jidher, imma kienet aqwa mil-​Liġi li twasslet permezz tal-​profeta Mosè. “Jekk id-​demm tal-​mogħoż u tal-​gniedes u l-​irmied taʼ l-​għoġiela mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jistaʼ jqaddishom billi jagħtihom l-​indafa tal-​ġisem,” kiteb Pawlu, “kemm aktar id-​demm taʼ Kristu, li bl-​Ispirtu taʼ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jistaʼ jnaddaf il-​kuxjenza tagħkom mill-​għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!” (Lhud 9:​13, 14) Iva, il-​maħfra li tistaʼ tinkiseb permezz tal-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa li offra Ġesù Kristu hija f’ħafna modi superjuri ferm għal dik li kienet tinkiseb bis-​sagrifiċċji offruti taħt il-​Liġi.—Lhud 7:​26-28.

6, 7. (a) Liema sitwazzjoni għamlitha ħaġa urġenti għall-​Kristjani Lhud li ‘jagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li semgħu’? (b) Meta Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lil-​Lhud, Ġerusalemm kemm kien għad baqgħalha żmien? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

6 Kien hemm raġuni oħra għala l-​Kristjani Lhud kellhom bżonn jagħtu ħafna kas taʼ dak li semgħu dwar Ġesù. Hu kien bassar li Ġerusalemm kellha tinqered. Ġesù qal: “Għad jiġi żmien fuqek meta l-​għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-​żmien taż-​żjara li saritlek!”—Luqa 19:​43, 44.

7 Dan meta kien se jseħħ? Ġesù ma tax il-​jum u s-​siegħa. Minflok, ta din l-​istruzzjoni: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-​eżerċti, tkunu tafu li l-​qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-​muntanji dawk li jkunu fil-​Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-​rabaʼ.” (Luqa 21:​20, 21) Matul it-​30 sena wara li Ġesù lissen dan il-​kliem, xi Kristjani f’Ġerusalemm tilfu s-​sens tagħhom t’urġenza u aljenaw ruħhom. Kienu bħallikieku tilfu l-​konċentrazzjoni fis-​sewqan. Jekk ma kinux se jirranġaw il-​mod kif jaħsbu, żgur li kienu se jġarrbu diżastru. Riedu jew ma ridux, il-​qerda taʼ Ġerusalemm kienet fil-​qrib ferm!a It-​tama kienet li l-​parir taʼ Pawlu kien se jipprovdi sinjal li jqajjem lill-​Kristjani f’Ġerusalemm min-​nagħsa spiritwali li kienu fiha.

“Nagħtu Ħafna Aktar Kas” Illum

8. Għala hemm bżonn li “nagħtu ħafna aktar kas” tal-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla?

8 Bħall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, għandna bżonn “nagħtu ħafna aktar kas” tal-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla. Għala? Għax aħna wkoll għandna quddiemna qerda li dalwaqt ġejja, mhux biss taʼ ġens wieħed imma taʼ sistema sħiħa t’affarijiet. (Apokalissi 11:18; 16:​14, 16) M’għandniex xi ngħidu, ma nafux il-​jum u s-​siegħa preċiżi meta Jehovah se jieħu din l-​azzjoni. (Mattew 24:36) Minkejja dan, aħna qed naraw b’għajnejna stess it-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja li jindikaw b’mod ċar li qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:​1-5) Għaldaqstant, għandna noqogħdu għassa kontra kull ħaġa li tistaʼ taljenana. Irridu nagħtu kas tal-​Kelma t’Alla u nżommu sens qawwi t’urġenza. Jekk nagħmlu hekk biss se ‘nkunu nifilħu ngħaddu minn kull ma għandu jiġri.’—Luqa 21:36.

9, 10. (a) Kif nistgħu nuru li aħna nagħtu kas t’affarijiet spiritwali? (b) Il-​kelma t’Alla kif inhi ‘fanal għal riġlejna’ u ‘dawl fil-​mogħdija tagħna’?

9 F’dawn iż-​żminijiet importanti, kif nistgħu nuru li qed “nagħtu ħafna aktar kas” taʼ l-​affarijiet spiritwali? Mod wieħed hu billi nkunu regulari fl-​attendenza tagħna għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet Kristjani tagħna. Għandna nkunu wkoll studenti ħerqana tal-​Bibbja sabiex inkunu nistgħu nersqu qrib taʼ l-​Awtur tagħha, Jehovah. (Ġakbu 4:8) Jekk nieħdu għarfien dwar Jehovah permezz taʼ l-​istudju persunali u l-​laqgħat, se nkunu bħas-​salmista li qal lil Alla: “Fanal għal riġlejja l-​kelma tiegħek, u dawl fil-​mogħdija tiegħi.”—Salm 119:105.

10 Il-​Bibbja sservi taʼ ‘dawl fil-​mogħdija tagħna’ meta tgħidilna x’inhuma l-​iskopijiet t’Alla għall-​futur. Hija wkoll ‘fanal għal riġlejna.’ Fi kliem ieħor, tistaʼ tgħinna nagħmlu l-​pass li jkun imiss meta niffaċċjaw problemi inkwetanti f’ħajjitna. Għalhekk huwa vitali li “nagħtu ħafna aktar kas” meta niltaqgħu maʼ sħabna kredenti biex nirċievu istruzzjoni u meta naqraw personalment il-​Kelma t’Alla. It-​tagħrif li nieħdu se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u li huma taʼ benefiċċju għalina, deċiżjonijiet li jogħġbu lil Jehovah u jferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11; Isaija 48:17) Kif nistgħu noqogħdu attenti għal ħin itwal waqt il-​laqgħat u waqt perijodi taʼ studju persunali sabiex nieħdu l-​akbar benefiċċju mill-​provvedimenti spiritwali t’Alla?

Intejbu l-​Konċentrazzjoni Tagħna fil-​Laqgħat

11.Xi drabi għala huwa taʼ sfida li noqogħdu attenti fil-​laqgħat Kristjani?

11 Xi kultant, tistaʼ tkun taʼ sfida għalina li noqogħdu attenti fil-​laqgħat Kristjani. Malajr nistgħu nitilfu l-​attenzjoni, forsi minħabba li tibda tibki xi tarbija jew ikun hemm xi ħadd li ġie tard u li jkun qed ifittex post. Wara ġurnata xogħol twila, forsi sempliċement inkunu għajjiena. Dak li jkun qed jitkellem mill-​platform għandu mnejn ma jkunx l-​aqwa fost il-​kelliema, u qabel ma nkunu nafu, moħħna jkun tar band’oħra—u forsi wkoll tmur għajnna bina! Meta nqisu l-​informazzjoni vitali li tkun qed tiġi preżentata, nagħmlu tajjeb li ntejbu l-​konċentrazzjoni tagħna fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Imma kif nistgħu nagħmlu dan?

12. X’jistaʼ jagħmilha faċli għalina li noqogħdu attenti fil-​laqgħat?

12 Ġeneralment ikun iktar faċli li noqogħdu attenti fil-​laqgħat jekk inkunu preparati tajjeb. Mela, għala ma nwarrbux il-​ħin biex naħsbu ftit bil-​quddiem dwar il-​materjal li jkun se jiġi kunsidrat? Hemm bżonn biss taʼ ftit minuti kuljum biex taqra u timmedita dwar silta mill-​kapitli assenjati għall-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa. Bi ftit ippjanar, nistgħu wkoll insibu l-​ħin biex nippreparaw għall-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni u l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Nagħżlu liema skeda nagħżlu, ħaġa waħda hija ċerta: Il-​preparazzjoni se tgħinna noqogħdu attenti għall-​materjal li jiġi kunsidrat fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

13. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu ffokati fuq il-​materjal li jkun qed jiġi diskuss fil-​laqgħat?

13 Minbarra li jkunu preparati tajjeb, xi wħud isibu li joqogħdu iktar attenti fil-​laqgħat meta jpoġġu bil-​qiegħda fuq quddiem fis-​Sala tas-​Saltna. Modi oħrajn kif ma nħallux lil moħħna jiġri ’l hawn u ’l hemm huma li nżommu kuntatt b’għajnejna mal-​kelliemi, insegwu fil-​Bibbja tagħna meta tinqara xi skrittura, u nieħdu xi noti. Madankollu, li jkollna qalb preparata huwa bil-​wisq iktar importanti milli jkollna xi metodu partikulari taʼ konċentrazzjoni. Għandna bżonn napprezzaw l-​iskop għala niltaqgħu flimkien. Primarjament, niltaqgħu maʼ sħabna fit-​twemmin biex inqimu lil Jehovah. (Salm 26:12; Luqa 2:​36, 37) Il-​laqgħat huma mod importanti li bih niġu mitmugħin spiritwalment. (Mattew 24:​45-47) Iktar minn hekk, dawn jipprovdulna opportunitajiet biex “inħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb.”—Lhud 10:​24, 25.

14. X’inhu li fil-​fatt jagħmel laqgħa waħda taʼ suċċess?

14 Xi wħud forsi jkollhom it-​tendenza li jiġġudikaw il-​kwalità tal-​laqgħa minn kemm ikunu kapaċi jgħallmu l-​kelliema li jieħdu sehem. Jekk il-​kelliema jkunu jinqalgħu ħafna, tkun tistaʼ tissejjaħ laqgħa sabiħa. Imma jekk donnu ma jkunx hemm tagħlim effettiv, għandna mnejn inħarsu lejha l-​kontra. Veru li dawk li jkollhom sehem fil-​programm għandhom jagħmlu mill-​aħjar li jistgħu biex jużaw l-​arti tat-​tagħlim u speċjalment biex jilħqu l-​qlub. (1 Timotju 4:16) Madankollu, aħna s-​semmiegħa m’għandniex nikkritikaw għal kull ħaġa taʼ xejn. Għalkemm huwa importanti li min jieħu sehem ikun jaf jgħallem, dan m’huwiex l-​uniku fattur li jikkontribwixxi għas-​suċċess taʼ laqgħa. Ma taqbilx li l-​iktar ħaġa li għandha tikkonċernana trid tkun, mhux kemm il-​kelliemi jagħti taħdita tajba, imma kemm aħna nagħtu widen tajjeb? Meta nattendu l-​laqgħat u nagħtu kas taʼ dak li jkun qed jiġi preżentat, inkunu qed inqimu lil Alla fi qbil mar-​rieda tiegħu. Dan hu li jagħmel laqgħa waħda taʼ suċċess. Jekk inkunu ħerqanin li nieħdu għarfien dwar Alla, se nibbenefikaw mil-​laqgħat, ikunu x’ikunu l-​kapaċitajiet tal-​kelliemi. (Proverbji 2:​1-5) Ċertament, mela, ħalli nkunu determinati li “nagħtu ħafna aktar kas” fil-​laqgħat tagħna.

Ibbenefika bis-​Sħiħ mill-​Istudju Persunali

15. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​istudju u l-​meditazzjoni?

15 Jekk “nagħtu ħafna aktar kas” matul perijodi taʼ studju persunali u meditazzjoni se nibbenefikaw bil-​kbir. Meta naqraw u nirriflettu dwar il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet Kristjani se jkollna opportunitajiet prezzjużi biex indaħħlu l-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla ġewwa qalbna. Imbagħad, dan se jkollu effett kbir fuq kif naħsbu u naġixxu. Tabilħaqq, se jgħinna nsibu għaxqa f’li nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. (Salm 1:2; 40:9 [40:​8, NW]) Għalhekk, hemm bżonn li niżviluppaw il-​kapaċitajiet tagħna taʼ konċentrazzjoni sabiex inkunu nistgħu nibbenefikaw minnhom meta nistudjaw. Kemm huwa faċli li taljena rasek! Interruzzjonijiet żgħar—telefonata jew xi ħoss jistgħu jtellfulna l-​konċentrazzjoni. Jew jistaʼ jkun li minna nbatu min-​nuqqas taʼ konċentrazzjoni. Nistgħu npoġġu bil-​qiegħda bl-​intenzjoni tajba li nieklu spiritwalment, imma moħħna, tistaʼ tgħid, ma jdumx wisq ma jibda jhewden fuq affarijiet oħra. Kif nistgħu “nagħtu ħafna aktar kas” matul studju persunali tal-​Kelma t’Alla?

16. (a) Għala huwa importanti li nagħmlu skeda taʼ ħin għall-​istudju persunali? (b) Int kif warrabt il-​ħin biex tistudja l-​Kelma t’Alla?

16 Huwa taʼ benefiċċju li nagħmlu skeda u nagħżlu post favorevoli għall-​istudju. Il-​maġġuranza tagħna ftit li xejn għandna ħin għalina waħedna. Nistgħu nħossu li l-​affarijiet tal-​ħajja mgħaġġla taʼ kuljum iġorruna magħhom bħal zokk żgħir fi xmara qawwija. Fil-​fatt, irridu bħallikieku niġġieldu kontra l-​kurrent, u nfittxu gżira żgħira għall-​kwiet. Ma nistgħux noqogħdu sempliċement nistennew li l-​opportunità biex nistudjaw tiġi waħedha. Minflok, irridu nikkontrollaw is-​sitwazzjoni billi nagħmlu l-​ħin għall-​istudju. (Efesin 5:​15, 16) Xi wħud iwarrbu ftit ħin fil-​għodu meta jkun hemm inqas affarijiet xi jtellfu. Oħrajn isibu li fil-​għaxija jkollhom opportunità aħjar. Il-​punt hu li m’għandniex ninjoraw il-​bżonn vitali li nieħdu għarfien eżatt dwar Alla u Ibnu. (Ġwann 17:3) Għalhekk ejja nagħmlu skeda taʼ ħin għall-​istudju persunali u mbagħad inżommu maʼ dik l-​iskeda.

17. X’inhi l-​meditazzjoni, u kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalina?

17 Il-​meditazzjoni—il-​proċess taʼ li nixtarru dak li tgħallimna matul l-​istudju—m’hemmx prezzha. Din tgħinna noħorġu l-​ħsibijiet t’Alla mill-​paġna stampata u ndaħħluhom f’qalbna. Il-​meditazzjoni tgħinna naraw kif napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja sabiex insiru ‘dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux jisimgħuha biss.’ (Ġakbu 1:​22-25) Iktar minn hekk, il-​meditazzjoni tgħinna nersqu dejjem eqreb lejn Jehovah, għax biha nkunu nistgħu nirriflettu fuq il-​kwalitajiet tiegħu u kif inhuma enfasizzati fil-​materjal li nkunu qed nikkunsidraw matul il-​ħin taʼ l-​istudju.

18. Liema kundizzjonijiet huma meħtieġa għal meditazzjoni effettiva?

18 Biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​istudju u l-​meditazzjoni, għandna nżommu moħħna ħieles mill-​aljenazzjonijiet. Sabiex nagħmlu l-​wisaʼ għal informazzjoni ġdida meta nimmeditaw, irridu nħallu warajna l-​affarijiet li jaljenawna mill-​ħajja taʼ llum. Sabiex nagħmlu dan hemm bżonn il-​ħin u li nkunu waħedna. Imma kemm huwa rifreskanti li nieħdu sehem mill-​ikel spiritwali u l-​ilmijiet tal-​verità li jinsabu fil-​Kelma t’Alla!

19. (a) Inkwantu għall-​istudju persunali, x’għen lil xi wħud iżidu iktar il-​ħin tal-​konċentrazzjoni? (b) X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn l-​istudju, u liema benefiċċji nistgħu niksbu minn din l-​attività importanti?

19 Xi ngħidu jekk ma tantx indumu nikkonċentraw u moħħna jibda jaħseb fuq ħaġa oħra wara ftit ħin li jkun ilna nistudjaw? Xi wħud sabu li jistgħu jżidu l-​konċentrazzjoni tagħhom waqt l-​istudju billi jibdew bi ftit ħin taʼ studju u mbagħad iżiduh bil-​mod il-​mod. Il-​mira tagħna għandha tkun li nqattgħu ħin biżżejjed fl-​istudju minflok ma nagħmluh bl-​għaġla. Huwa meħtieġ li nikkultivaw interess kbir fis-​suġġett li nkunu se nikkunsidraw. U nistgħu nagħmlu iktar riċerka billi nużaw l-​ammont vast taʼ materjal provdut mill-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret. Hija ħaġa taʼ valur kbir li nfittxu fl-​affarijiet profondi t’Alla. (1 Korintin 2:10) Jekk nagħmlu dan inkunu nistgħu ntejbu l-​għarfien tagħna dwar Alla u niżviluppaw is-​sensi tagħna biex nagħżlu. (Lhud 5:14) Jekk inkunu studenti ħabrieka tal-​Kelma t’Alla, se jkollna wkoll ‘il-​ħila ngħallmu lil oħrajn.’—2 Timotju 2:2.

20. Kif nistgħu niżviluppaw u nżommu relazzjoni intima m’Alla Jehovah?

20 Li nattendu għal-​laqgħat Kristjani u nagħmlu studju persunali se jkunu t’għajnuna kbira għalina biex niżviluppaw u nżommu relazzjoni intima maʼ Jehovah. Milli jidher, dan kien minnu fil-​każ tas-​salmista li qal lil Alla: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) Tabilħaqq, mela, ejja nattendu regolarment għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet. U jalla nixtru l-​ħin għall-​istudju tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni. Se niġu premjati ħafna talli nkunu tajna “aktar kas” tal-​Kelma t’Alla b’dan il-​mod.

[Nota taʼ taħt]

a L-​ittra lil-​Lhud x’aktarx li nkitbet fis-​sena 61 E.K. Jekk inhu hekk, kien biss ħames snin wara meta Ġerusalemm ġiet imdawra bl-​armati kkampjati taʼ Ċestju Gallu. Ftit wara, dawk l-​armati rtiraw u l-​Kristjani li kienu għassa setgħu jaħarbu. Erbaʼ snin wara, il-​belt inqerdet mill-​armati Rumani taħt il-​Ġeneral Titu.

X’Tiftakar?

• Xi Kristjani Lhud għala bdew jitbiegħdu ’l barra mill-​fidi vera?

• Kif nistgħu nibqgħu attenti fil-​laqgħat Kristjani?

• X’se jgħinna nibbenefikaw mill-​istudju persunali tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni?

[Stampa f’paġna 11]

Il-​Kristjani Lhud kellhom bżonn joqogħdu għassa għall-​qerda taʼ Ġerusalemm li kienet fil-​qrib ferm

[Stampa f’paġna 13]

Il-​ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jibbenefikaw mil-​laqgħat Kristjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja