LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 12/1 pp. 18-23
  • Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema Effettivi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema Effettivi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Studju Persunali li Jħejjina biex Inwieġbu
  • Min Hu Alla?
  • Min Hu Ġesù Kristu?
  • Għala ‘Ngħassu’?
  • Ħu Gost bl-Istudju Persunali tal-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • ‘Ilbsu l-Armatura Kollha t’Alla’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Tuża Aħbar Tajba Mingħand Alla!
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
  • Segwi l-Mudell Irjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 12/1 pp. 18-23

Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema Effettivi

“Dawn il-​ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-​tagħlim tiegħek.” —1 TIMOTJU 4:​15, 16.

1. X’inhi l-​verità dwar il-​ħin u l-​istudju persunali?

“KOLLOX għandu żmienu,” tgħid il-​Bibbja f’Koħèlet 3:1. Dan żgur li japplika għall-​istudju persunali. Ħafna jsibuha iebsa li jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali jekk ma jkunx f’ħin tajjeb jew ma jkunux f’post addattat. Per eżempju, wara ġurnata mimlija xogħol u ikla kbira fil-​għaxija, se jkollok aptit tistudja, speċjalment jekk tkun intfajt fuq il-​pultruna favorita tiegħek quddiem it-​TV? Ma tantx. Mela, x’inhi s-​soluzzjoni? B’mod ċar, għandna nagħżlu meta u fejn nistudjaw bl-​għan li nibbenefikaw kemm nistgħu mill-​isforzi tagħna.

2. Taʼ spiss liema jkun l-​aħjar ħin għall-​istudju persunali?

2 Ħafna jsibu li l-​aħjar ħin għalihom biex jistudjaw huwa l-​ewwel ħaġa fil-​għodu meta normalment ikunu l-​iktar imqajmin. Oħrajn jużaw il-​waqfa taʼ nofsinhar biex jagħmlu ftit ħin jistudjaw. Fl-​eżempji li ġejjin, innota r-​referenza għall-​ħin meta jsiru attivitajiet spiritwali importanti. Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kiteb: “Fakkarni mas-​sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-​triq li minnha għandi ngħaddi, għax lejk jien nerfaʼ ruħi.” (Salm 143:8) Il-​profeta Isaija wera apprezzament simili meta qal: “Sidi l-​Mulej tani lsien taʼ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-​għajjien b’xi kelma. Taʼ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti, biex nismaʼ bħal wieħed jitgħallem.” Il-​punt hu li għandna bżonn nistudjaw u nikkomunikaw intimament maʼ Jehovah meta nkunu fl-​aqwa tagħna mentalment, ikun xi jkun il-​ħin tal-​ġurnata.—Isaija 50:​4, 5; Salm 5:4 (5:​3, NW); 88:14 (88:​13, NW).

3. Liema huma l-​aħjar kundizzjonijiet għal studju effettiv?

3 Fattur ieħor għal studju effettiv hu li m’għandniex nagħżlu li npoġġu fuq l-​iktar pultruna jew sufan komdu. Dan m’huwiex se jżommna mqajmin. Meta nkunu qed nistudjaw, moħħna jrid jiġi inkuraġġit jaħdem, u wisq kumdità fiżika donnha tagħmel l-​oppost. Għall-​istudju u l-​meditazzjoni jkun aħjar ukoll li jkun hemm il-​kwiet u ma jkunx hemm affarijiet xi jtellfu. Mhux se jkollok l-​aħjar riżultati jekk tipprova tistudja meta r-​radju, it-​TV, jew it-​tfal ikunu qed jikkompetu għall-​attenzjoni tiegħek. Meta Ġesù ried jimmedita, hu telaq lejn post fil-​kwiet. Hu tkellem ukoll dwar il-​valur taʼ li ssib post privat biex titlob.—Mattew 6:6; 14:13; Mark 6:​30-​32.

Studju Persunali li Jħejjina biex Inwieġbu

4, 5. Il-browxer X’Jirrikjedi b’liema modi huwa t’għajnuna prattika?

4 L-​istudju persunali jkun sodisfaċenti meta nużaw id-​diversi għajnuniet għall-​fehma tal-​Bibbja biex inħaffru iżjed fil-​fond f’xi suġġett, speċjalment meta nagħmlu dan biex inwieġbu l-​mistoqsijiet taʼ xi ħadd sinċier. (1 Timotju 1:4; 2 Timotju 2:23) Ħafna wħud ġodda bdew billi jistudjaw il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?,a li issa huwa disponibbli b’261 lingwa. Dan huwa pubblikazzjoni sempliċi ħafna imma preċiża, ibbażata għalkollox fuq il-​Bibbja. Jgħin lill-​qarrejja tiegħu biex fi żmien qasir jifhmu x’jirrikjedi Alla għall-​qima vera. Madankollu, il-​mod kif inhu mqassam ma jippermettix studju dettaljat taʼ kull suġġett. Jekk l-​istudent tiegħek tal-​Bibbja jqajjem mistoqsijiet serji dwar ċerti suġġetti Bibliċi li tkunu qed tiddiskutu, kif tistaʼ ssib iktar informazzjoni Biblika li se tgħinu jwieġeb dawk il-​mistoqsijiet?

5 Għal dawk li għandhom il-​Watchtower Library fuq is-​CD-ROM bil-​lingwa tagħhom, huwa faċli li jilħqu għadd kbir taʼ sorsi taʼ informazzjoni fuq xi kompjuter. Imma xi ngħidu għal dawk li m’għandhomx din l-​għodda? Ejja neżaminaw żewġ suġġetti li huma kunsidrati fil-​browxer X’Jirrikjedi sabiex naraw kif nistgħu nżidu l-​fehma tagħna u nkunu nistgħu nwieġbu iktar fid-​dettall—speċjalment jekk xi ħadd jistaqsi mistoqsijiet bħal, Min hu Alla, u kif kien tassew Ġesù?—Eżodu 5:2; Luqa 9:​18-20; 1 Pietru 3:15.

Min Hu Alla?

6, 7. (a) Liema mistoqsija tqum rigward Alla? (b) Ċertu qassis liema ħaġa importanti ħalla barra meta kien qed jagħti taħdita?

6 Lezzjoni numru 2 fil-​browxer X’Jirrikjedi twieġeb il-​mistoqsija vitali, Min hu Alla? Dan huwa punt fundamentali għaliex persuna ma tistax tqim lil dak Alla veru jekk ma tkunx tafu jew forsi tiddubita li jeżisti. (Rumani 1:​19, 20; Lhud 11:6) Madankollu, in-​nies mad-​dinja kollha għandhom mijiet taʼ ideat dwar min hu Alla. (1 Korintin 8:​4-6) Kull filosofija reliġjuża għandha tweġiba differenti għall-​mistoqsija dwar l-​identità t’Alla. Fil-​Kristjaneżmu, il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet iqisu lil Alla bħala Trinità. Qassis famuż fl-​Istati Uniti ta taħdita li kien jisimha “Tafu lil Alla?” imma lanqas darba fid-​diskors tiegħu ma semma l-​isem divin, avolja kkwota kemm-il darba mill-​Iskrittura Ebrajka. M’għandniex xi ngħidu, hu qara minn traduzzjoni tal-​Bibbja li tuża l-​kelma ambigwa u anonima “Mulej” minflok Jehovah jew Jaħweh.

7 X’punt vitali qabiżlu lil dan il-​qassis meta kkwota Ġeremija 31:​33, 34: “Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: ‘Agħraf il-​Mulej’ [Ebrajk, ‘Agħraf lil Jehovah’], għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-​żgħir sal-​kbir, oraklu tal-​Mulej [Ebrajk, Jehovah].” It-​traduzzjoni li uża neħħiet l-​isem divin distint, Jehovah.—Salm 83:19 (83:​18, NW).

8. X’juri kemm huwa importanti li jintuża l-​isem t’Alla?

8 Salm 8:9 fin-​New World Translation juri għala l-​użu taʼ l-​isem Jehovah huwa daqshekk sinifikanti: “O Jehovah Mulej tagħna, kemm hu maestuż ismek fl-​art kollha!” Qabbel dan maʼ: “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-​art kollha!” (Għaqda Biblika Maltija [vers 10]; ara wkoll Saydon [vers 10], Karm Żammit [vers 9], King James Version [vers 9]) Madankollu, kif semmejna fl-​artiklu taʼ qabel, nistgħu niksbu l-​għarfien t’Alla jekk inħallu lill-​Kelma tiegħu tilluminana. Imma liema għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja se twiġbilna faċilment il-​mistoqsijiet tagħna dwar l-​importanza taʼ l-​isem divin?—Proverbji 2:​1-6.

9. (a) Liema pubblikazzjoni tistaʼ tgħinna nispjegaw l-​importanza taʼ li nużaw l-​isem divin? (b) Ħafna tradutturi kif naqsu li juru rispett lejn l-​isem t’Alla?

9 Nistgħu mmorru fil-​browxer The Divine Name That Will Endure Forever (L-Isem Divin li Se Jibqaʼ għal Dejjem), li ġie tradott b’69 lingwa.b Is-​sezzjoni intitolata “God’s Name—Its Meaning and Pronunciation” (L-Isem t’Alla—It-​Tifsir u l-​Pronunzja Tiegħu) (paġni 6-11) turi b’mod ċar li t-​Tetragrammaton Ebrajk (mill-Grieg, li jfisser “erbaʼ ittri”) jidher kważi 7,000 darba fil-​kitbiet oriġinali Ebrajċi antiki. Madankollu, il-​kleru u t-​tradutturi tal-​Ġudaiżmu u l-​Kristjaneżmu neħħewh apposta mill-​maġġuranza tat-​traduzzjonijiet tagħhom tal-​Bibbja.c Kif jistgħu jistqarru li jafu lil Alla u kif jistaʼ hu jaċċetta r-​relazzjoni tagħhom miegħu jekk ma jridux isejħulu b’ismu? L-​isem veru tiegħu jiftaħ it-​triq biex wieħed jifhem x’inhuma l-​iskopijiet tiegħu u min hu. Iktar minn hekk, x’tiswa l-​parti fit-​talba mudell taʼ Ġesù “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek” jekk l-​isem t’Alla lanqas biss jintuża?—Mattew 6:9; Ġwann 5:43; 17:6.

Min Hu Ġesù Kristu?

10. B’liema modi nistgħu niksbu stampa kompluta tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù?

10 Lezzjoni numru 3 fil-​browxer X’Jirrikjedi hija intitolata “Min hu Ġesù Kristu?” F’sitt paragrafi biss, din tagħti deskrizzjoni qasira ħafna taʼ Ġesù, l-​oriġini tiegħu, u l-​iskop għala ġie fuq l-​art. Madankollu, jekk trid rakkont komplet taʼ ħajtu m’hemmx aħjar—apparti r-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji stess—mill-​ktieb L-​Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, li huwa disponibbli b’111-il lingwa.* Dan il-​ktieb jippreżenta rakkont kronoloġiku komplut tal-​ħajja u t-​tagħlim taʼ Kristu, ibbażat fuq l-​erbaʼ Evanġelji. Fih 133 kapitlu, u dawn ikopru l-​ġrajjiet fil-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. Għal metodu differenti u analitiku, tistaʼ tirreferi għall-​Insight, it-​2 Volum, taħt it-​titlu “Jesus Christ” (Ġesù Kristu).

11. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma differenti fit-​twemmin tagħhom dwar Ġesù? (b) X’inhuma xi versi Bibliċi li b’mod ċar juru li d-​duttrina tat-​Trinità hija żbaljata, u liema pubblikazzjoni hija t’għajnuna f’dan ir-​rigward?

11 Fil-​Kristjaneżmu, il-​kontroversja rigward Ġesù tiċċentra fuq jekk huwiex “l-​Iben t’Alla” kif ukoll “Alla l-​Iben”—fi kliem ieħor id-​dibattitu fuq it-​Trinità, li Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika jsejħilha “l-​misteru ewlieni tal-​fidi . . . nisranija.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah, b’differenza għar-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu, jemmnu li Ġesù huwa t’oriġini divina imma m’huwiex Alla. Diskussjoni eċċellenti dwar dan is-​suġġett tinsab fil-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità?, tradott b’95 lingwa.d Fost l-​għadd taʼ skritturi li juża biex juri li d-​duttrina tat-​Trinità hija żbaljata hemm Mark 13:32 u l-​1 Korintin 15:​24, 28.

12. Liema mistoqsija oħra jixirqilha l-​attenzjoni tagħna?

12 Id-​diskussjonijiet li għadna kemm semmejna rigward Alla u Ġesù Kristu qegħdin biex juru kif nistgħu nagħmlu studju persunali bl-​għan li ngħinu lil dawk li m’humiex midħla tal-​verità Biblika ħalli jiksbu għarfien eżatt. (Ġwann 17:3) Iżda, xi ngħidu għal dawk li ilhom jissieħbu mal-​kongregazzjoni Kristjana għal bosta snin? Bl-​għarfien Bibliku kollu li ġabru tul iż-​żmien, għandhom huma xorta l-​bżonn li jgħassu, jew joqogħdu attenti, għall-​istudju persunali tal-​Kelma taʼ Jehovah?

Għala ‘Ngħassu’?

13. Xi wħud liema ħarsa żbaljata jistaʼ jkollhom dwar l-​istudju persunali?

13 Xi wħud li ilhom membri tal-​kongregazzjoni għal bosta snin jistgħu jieħdu l-​vizzju li jistrieħu biss fuq l-​għarfien Bibliku li jkunu ħadu fl-​ewwel ftit snin bħala Xhieda taʼ Jehovah. Faċli li wieħed jirraġuna: “M’għandix għalfejn nistudja bis-​serjetà daqs dawk li huma iktar ġodda. Wara kollox, ara kemm-il darba għaddejt il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Bibliċi tul is-​snin.” Dan ikun daqslikieku qed jgħid: “M’hemmx għalfejn noqgħod attent dwar kemm niekol issa, għax ara kemm-il ikla kilt fil-​passat.” Nafu li l-​ġisem jeħtieġ kontinwament in-​nutriment minn ikel tajjeb u preparat sew sabiex inżommuh f’saħħtu u attiv. Kemm iktar japplika dan biex inżommu s-​saħħa u l-​qawwa spiritwali tagħna!—Lhud 5:​12-14.

14. Għala għandna bżonn ngħassu fuqna nfusna kontinwament?

14 Mela, ilkoll kemm aħna, sew jekk ilna ħafna nistudjaw il-​Bibbja u sew jekk le, għandna bżonn nisimgħu mill-​parir taʼ Pawlu lil Timotju, li sa dakinhar kien indokratur matur u responsabbli: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-​tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-​ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:​15, 16) Għala għandna noqogħdu attenti ħafna għall-​parir taʼ Pawlu? Ftakar, Pawlu wkoll ġibed l-​attenzjoni li aħna għandna ġlieda kontra “t-​tnassis [atti makakki] tax-​Xitan” u “kontra l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet.” U l-​appostlu Pietru wissa li x-​Xitan qiegħed “ifittex ’il min sa jiblaʼ,” u dan jistaʼ jkun kwalunkwe wieħed minna. Jekk inħossuna sodisfatti bina nfusna mingħajr ma nindunaw bil-​periklu nistgħu nkunu qed nagħtuh l-​opportunità li jkun qed ifittex.—Efesin 6:​11, 12; 1 Pietru 5:8.

15. Liema difiża spiritwali għandna, u kif nistgħu nżommuha f’qagħda tajba?

15 Allura, x’difiża għandna? L-​appostlu Pawlu jfakkarna: “Ħudu fuqkom l-​armatura taʼ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-​ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żżommu weqfin.” (Efesin 6:13) L-​effettività taʼ din l-​armatura spiritwali ma tiddependix biss mill-​kwalità tagħha fil-​bidu imma wkoll mill-​manutenzjoni regulari. Għalhekk, din l-​armatura kompluta li jipprovdi Alla għandha tinkludi għarfien aġġornat tal-​Kelma t’Alla. Dan jenfasizza l-​importanza taʼ li nżommu ruħna aġġornati mal-​fehma tagħna tal-​verità kif rivelata minn Jehovah permezz tal-​Kelma tiegħu u permezz tal-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret. L-​istudju persunali tal-​Bibbja u tal-​pubblikazzjonijiet Bibliċi b’mod regulari huwa vitali għall-​manutenzjoni taʼ l-​armatura spiritwali tagħna.—Mattew 24:​45-47; Efesin 6:​14, 15.

16. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li “t-​tarka tal-​fidi” tagħna tinsab f’qagħda tajba?

16 Bħala parti essenzjali mill-​armatura tagħna li tipprovdilna difiża, Pawlu jenfasizza “t-​tarka tal-​fidi,” li biha nistgħu nbiegħdu u nitfu l-​vleġeġ tan-​nar t’akkużi foloz u tagħlim apostat li jitfaʼ Satana. (Efesin 6:16) Għalhekk, huwa essenzjali li niċċekkjaw kemm hija b’saħħitha t-​tarka tal-​fidi tagħna u liema passi rridu nieħdu biex inżommuha f’qagħda tajba u nsaħħuha. Per eżempju, tistaʼ tistaqsi: ‘Kif nipprepara għall-​istudju tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa bl-​użu taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa? Studjajt biżżejjed sabiex inkun nistaʼ ‘nħajjar lil ħaddieħor għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb’ billi nagħti kummenti maħsubin tajjeb waqt il-​laqgħa? Niftaħha l-​Bibbja biex naqra l-​iskritturi li jkun hemm referenza għalihom imma li ma jkunux kwotati? Ninkuraġġixxi lill-​oħrajn billi nieħu sehem fil-​laqgħat b’entużjażmu?’ L-​ikel spiritwali tagħna huwa solidu, u hemm bżonn li nomogħduh sew biex nibbenefikaw bis-​sħiħ.—Lhud 5:14; 10:24.

17. (a) Liema velenu qed juża Satana biex jipprova jkissrilna l-​ispiritwalità tagħna? (b) X’inhu r-​rimedju għall-​velenu taʼ Satana?

17 Satana jaf id-​dgħjufijiet tal-​ġisem imperfett, u t-​tnassis tiegħu huwa sottili. Mod wieħed kif ixerred l-​influwenza ħażina tiegħu hu billi jagħmilha faċli ħafna li wieħed isib il-​pornografija fuq it-​TV, l-​Internet, il-​vidjos, u l-​pubblikazzjonijiet stampati. Xi Kristjani ppermettew lil dan il-​velenu jippenetra fid-​difiżi tagħhom li jkunu ddgħajfu, u dan wassalhom biex jitilfu l-​privileġġi fil-​kongregazzjoni jew saħansitra għal konsegwenzi iktar serji. (Efesin 4:​17-19) X’inhu r-​rimedju għall-​velenu spiritwali taʼ Satana? M’għandna qatt nittraskuraw l-​istudju persunali u regulari tal-​Bibbja, il-​laqgħat Kristjani tagħna, u l-​armatura sħiħa mogħtija minn Alla. Flimkien, dawn jagħtuna l-​abbiltà li nagħrfu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin u li nobogħdu dak li Alla jobgħod.—Salm 97:10; Rumani 12:9.

18. “Ix-​xabla taʼ l-​Ispirtu” kif tistaʼ tgħinna fil-​ġlieda spiritwali tagħna?

18 Jekk inżommu d-​drawwiet regulari tagħna taʼ studju tal-​Bibbja, mhux biss se jkollna d-​difiża b’saħħitha li tiġi mill-​għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla imma wkoll il-​mezz biex nattakkaw b’mod effettiv permezz tax-​“xabla taʼ l-​Ispirtu li hi l-​kelma taʼ Alla.” Il-​kelma t’Alla “taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” (Efesin 6:17; Lhud 4:12) Jekk nitgħallmu nużaw dik “ix-​xabla” bis-​sengħa, imbagħad meta niffaċċjaw it-​tentazzjonijiet, m’aħniex se nitqarrqu minn dak li jidher li ma jagħmilx ħsara, jew saħansitra jidher attraenti, imma nikxfuh bħala nassa qattiela tal-​wieħed ħażin. Il-​ħażna tagħna t’għarfien u fehma tal-​Bibbja se tgħinna nirrifjutaw dak li hu ħażin u nagħmlu dak li hu tajjeb. Għalhekk, kull wieħed minna għandu bżonn jistaqsi lilu nnifsu: ‘Ix-​xabla tiegħi msinna, jew imsadda? Insibha iebsa biex niftakar versi mill-​Bibbja li jistgħu jsaħħu l-​attakk tagħna?’ Ejja nżommu d-​drawwiet tajbin tagħna taʼ studju persunali tal-​Bibbja, u b’hekk nirreżistu lix-​Xitan.—Efesin 4:​22-​24.

19. Liema benefiċċji jistaʼ jkollna jekk nistinkaw iebes biex nagħmlu studju persunali?

19 Pawlu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” Jekk noqogħdu attenti sew għall-​kliem taʼ Pawlu lil Timotju, nistgħu nsaħħu l-​ispiritwalità tagħna stess u nistgħu nagħmlu l-​ministeru tagħna iktar effettiv. Anzjani u qaddejja ministerjali spiritwali jistgħu jkunu iktar taʼ benefiċċju għall-​kongregazzjoni, u aħna lkoll nistgħu nibqgħu sħaħ fil-​fidi.—2 Timotju 3:​16, 17; Mattew 7:​24-27.

[Noti taʼ taħt]

a Normalment, persuna interessata ġdida li tkun qed tistudja l-​browxer X’Jirrikjedi tgħaddi għall-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, li t-​tnejn huma pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Is-​suġġerimenti mogħtijin hawnhekk se jgħinu biex ineħħu l-​ostakli għall-​progress spiritwali.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dawk li għandhom l-​Insight on the Scriptures bil-​lingwa tagħhom jistgħu jikkonsultaw it-​2 Volum, taħt it-​titlu “Jehovah.” Għal referenza bil-​Malti, ara kapitlu 3 fil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem.

c Diversi traduzzjonijiet Spanjoli u Katalani huma eċċezzjonijiet li taʼ min jinnotahom fil-​mod kif jittraduċu t-​Tetragrammaton Ebrajk, billi jużaw “Yavé,” “Yahveh,” “Jahvè,” u “Jehová.”

d Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

X’Tiftakar?

• Liema ċirkustanzi jikkontribwixxu għal studju persunali effettiv?

• Xi żball jagħmlu ħafna tradutturi tal-​Bibbja rigward l-​isem t’Alla?

• Kieku kellek turi li t-​tagħlim tat-​Trinità huwa żbaljat, liema versi Bibliċi tuża?

• X’għandna nagħmlu biex nipproteġu ruħna mit-​tnassis taʼ Satana, anki jekk ilna Kristjani veri għal ħafna snin?

[Stampi f’paġna 19]

Għal studju persunali effettiv teħtieġ il-​post addattat li jkollu l-​inqas aljenazzjonijiet possibbli

[Stampi f’paġna 23]

“Ix-​xabla” tiegħek imsinna jew imsadda?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja