LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 2/1 pp. 5-9
  • L-Umanità Teħtieġ l-Għarfien Dwar Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Umanità Teħtieġ l-Għarfien Dwar Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “L-​Istess Għarfien Dwar Alla”
  • Il-​Ħsad Huwa Kbir Ħafna!
  • Kaxxa Għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Tfittex Int Teżori Moħbija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Nibdew Studji Tal-Bibbja Bil-Ktieb Tgħix Għal Dejjem
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Nieħdu l-Għarfien Issa u Għal Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 2/1 pp. 5-9

L-​Umanità Teħtieġ l-​Għarfien Dwar Alla

“Tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif [“għarfien,” New World Translation] taʼ Alla.”—PROVERBJI 2:5.

1. Għala jistaʼ jingħad li l-​qalb umana hija kapolavur taʼ inġinerija divina?

MADWAR 5,600,000,000 qalb umana qegħdin iħabbtu fuq l-​art preċiżament issa. Kull ġurnata, qalbek stess tħabbat 100,000 darba u tippompja l-​ekwivalenti taʼ 2,000 gallun demm mas-​sistema kardjovaskulari taʼ ġismek twila 60,000 mil. Ebda muskolu ieħor ma jaħdem iktar iebes minn dan il-​kapolavur taʼ inġinerija divina.

2. Kif kont tiddeskriviha int il-​qalb figurattiva?

2 Hemm ukoll 5,600,000,000 qalb figurattiva jaħdmu fuq l-​art. Fil-​qalb figurattiva jgħammru l-​emozzjonijiet tagħna, il-​motivazzjonijiet tagħna, ix-​xewqat tagħna. Hija ċ-​ċentru tal-​ħsieb tagħna, tal-​fehma tagħna, tar-​rieda tagħna. Il-​qalb figurattiva tistaʼ tkun imkabbra jew umli, imdejqa jew ferrieħa, imdallma jew imdawla.—Neħemija 2:2; Proverbji 16:5; Mattew 11:29; Atti 14:17; 2 Korintin 4:6; Efesin 1:16-18.

3, 4. Il-​qlub kif qegħdin jintlaħqu bl-​aħbar tajba?

3 Alla Jehovah jistaʼ jaqra l-​qalb umana. Jgħid Proverbji 17:3: “Il-​fidda tissaffa fil-​griġjol u d-​deheb fin-​nar, imma qlub il-​bnedmin iġarrabhom il-​Mulej.” Minflok ma sempliċement jaqra kull qalb u jippronunzja ġudizzju, iżda, Jehovah qiegħed juża lix-Xhieda tiegħu biex jilħaq il-​qlub umani bl-​aħbar tajba. Dan huwa f’armonija mal-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej isalva. Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-​ġid.’”—Rumani 10:13-15.

4 Jehovah kellu l-​pjaċir jibgħat lix-​Xhieda tiegħu sa truf l-​art biex “[i]ħabbru l-​ġid” u biex isibu lil dawk li għandhom qlub lesti li jisimgħu. Aħna issa ngħoddu ’l fuq minn 5,000,000​—rejxjow taʼ Xhud 1 għal xi 1,200 ruħ fuq l-​art. Li nilħqu lill-​biljuni taʼ l-​art bl-​aħbar tajba m’huwiex faċli. Imma Alla qiegħed jidderieġi dan ix-​xogħol permezz taʼ Ġesù Kristu u qiegħed jiġbed lil uħud taʼ qalb onesta. B’hekk, il-​profezija ddokumentata f’Isaija 60:22 qiegħda tagħti prova li hija vera: “L-​iżgħar fostkom isir tribù u l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.”

5. X’inhu l-​għarfien, u x’jistaʼ jingħad dwar l-​għerf tad-​dinja?

5 Dak iż-​żmien huwa issa, u ħaġa waħda hija ċara​—il-​biljuni taʼ l-​art jeħtieġu l-​għarfien. Bażikament, għarfien huwa li wieħed ikun familjari mal-​fatti akkwistati bl-​esperjenza, bl-​osservazzjoni, jew bl-​istudju. Id-​dinja akkumulat bosta għarfien. Sar progress f’oqsma bħalma huma t-​trasport, il-​kura tas-​saħħa, u l-​komunikazzjoni. Imma huwa għarfien dinji dak li l-​umanità tassew teħtieġ? Ftit li xejn! Il-​gwerer, l-​oppressjoni, il-​mard, u l-​mewt ikomplu jifilġu lill-​umanità. L-​għerf tad-​dinja taʼ spiss ta prova li jixbah ħafna lir-​ramel li jmur ’l hemm u ’l hawn f’xi maltempata tad-​deżert.

6. Rigward id-​demm, l-​għarfien dwar Alla kif jitqabbel maʼ l-​għerf dinji?

6 Biex nagħtu eżempju: Żewġ sekli ilu, kienet id-​drawwa li jħallu d-​demm joħroġ suppost bħala kura. Lil George Washington, l-​ewwel president taʼ l-​Istati Uniti, ġibdulu d-​demm ripetutament fl-​aħħar sigħat taʼ ħajtu. F’ħin minnhom hu qal: “Ħalluni mmut bil-​kwiet; ma nistax inwassal ħafna.” Kellu raġun, għax miet dik il-​ġurnata stess​—l-​14 taʼ Diċembru, 1799. Minflok ma jħallu d-​demm joħroġ, illum hemm enfasi fuq li jagħmlu trasfużjoni tad-​demm għal ġewwa l-​ġisem uman. Dawn iż-​żewġ proċeduri kienu mimlijin bi problemi li jġibu l-​mewt. Matul dan iż-​żmien kollu, madankollu, il-​Kelma t’Alla qalet: ‘Tbiegħdu . . . mid-​demm.’ (Atti 15:29) L-​għarfien dwar Alla dejjem huwa sewwa, taʼ min joqgħod fuqu, u aġġornat.

7. Għarfien Skritturali eżatt kif jitqabbel maʼ l-​għerf dinji f’dik li hija t-​trobbija tat-​tfal?

7 Ikkunsidra eżempju ieħor t’għerf dinji li m’huwiex taʼ min joqgħod fuqu. Għal snin sħaħ il-​psikologi ddefendew it-​trobbija permissiva tat-​tfal, imma wieħed mid-​difensuri tagħha iktar tard ammetta li dan kien żball. L-​Assoċjazzjoni Filoloġika Ġermaniża darba qalet li l-​permissività hija “minn taʼ l-​inqas responsabbli indirettament għall-​problemi li issa għandna biż-​żgħażagħ.” L-​għerf dinji jistaʼ jitbandal ’l hemm u ’l hawn bħal li kieku mbottat mill-​irjieħ, imma l-​għarfien Skritturali eżatt baqaʼ bla ma tħarrek. Il-​Bibbja tagħti pariri bbilanċjati dwar it-​taħriġ tat-​tfal. “Widdeb lil ibnek, u hu jkun il-​hena tiegħek; ikun il-​faraġ taʼ qalbek,” jgħid Proverbji 29:17. Dixxiplina bħal din għandha tiġi amministrata bl-​imħabba, għax Pawlu kiteb: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

“L-​Istess Għarfien Dwar Alla”

8, 9. Kif kont tispjegah int dak li jgħid Proverbji 2:1-6 dwar l-​għarfien li l-​umanità tassew teħtieġ?

8 Għalkemm Pawlu kien raġel t’edukazzjoni kbira, hu qal: “Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-​dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax il-​għerf taʼ din id-​dinja hu bluha quddiem Alla.” (1 Korintin 3:18, 19) Alla biss jistaʼ jforni l-​għarfien li l-​umanità tassew teħtieġ. Rigward dan, Proverbji 2:1-6 jgħid: “Ibni jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-​kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-​għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa; jekk issejjaħ il-​għerf, u tgħolli leħnek għal[l]-fehma t-​tajba; jekk tfittex il-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; imbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif [“l-​istess għarfien,” NW] taʼ Alla. Għax il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen [“dixxerniment,” NW].”

9 Dawk imqanqlin minn qlub tajbin joqogħdu attenti għall-​għerf billi jagħmlu użu xieraq mill-​għarfien mogħti minn Alla. Huma jinklinaw qlubhom għad-​dixxerniment, billi jiżnu bir-​reqqa l-​fatti li qegħdin jitgħallmu. Fil-​fatt, huma jsejħu għall-​fehma, jew l-​abbiltà li jaraw kif l-​aspetti taʼ suġġett huma relatati maʼ xulxin. Uħud li qalbhom tħobb is-​sewwa jaħdmu bħal li kieku qegħdin iħaffru għall-​fidda u qegħdin ifittxu għal teżori moħbijin. Imma liema teżor kbir jinstab minn dawk bi qlub li lesti li jisimgħu? Huwa “t-​tagħrif [“l-​istess għarfien,” NW] taʼ Alla.” Dak x’inhu? Fi kliem sempliċi, dan huwa l-​għarfien misjub fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

10. X’irridu nagħmlu sabiex ingawdu saħħa spiritwali tajba?

10 L-​għarfien dwar Alla huwa sod, stabbli, jagħti l-​ħajja. Jippromwovi saħħa spiritwali. Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Żomm quddiem għajnejk l-​eżempju [“mudell,” NW] tat-​tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-​fidi u fl-​imħabba li huma fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 1:13) Lingwa għandha mudell taʼ kliem. B’mod simili, il-​“lingwa pura” taʼ verità Skritturali għandha “l-​eżempju [“mudell,” NW] tat-​tagħlim sħiħ,” ibbażat prinċipalment fuq it-​tema tal-​Bibbja taʼ l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tas-​Saltna. (Sofonija 3:9) Jeħtieġ li nżommu dan il-​mudell taʼ tagħlim sħiħ fil-​moħħ u fil-​qalb. Jekk irridu nevitaw il-​mard fil-​qalb figurattiva u nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, irridu napplikaw il-​Bibbja fil-​ħajja u nagħmlu użu sħiħ mill-​provvedimenti li Alla qiegħed jipprovdi permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW; Titu 2:2) Ejjew dejjem niftakru li għal saħħa spiritwali tajba, neħtieġu l-​għarfien dwar Alla.

11. X’inhuma xi raġunijiet għala l-​umanità teħtieġ l-​għarfien dwar Alla?

11 Ikkunsidra raġunijiet oħrajn għala l-​biljuni taʼ l-​art jeħtieġu l-​għarfien dwar Alla. Jafu huma lkoll kif l-​art u l-​umanità bdew jeżistu? Le, ma jafux. Tafhom l-​umanità kollha lil dak Alla veru u lil Ibnu? Huwa kulħadd konxju dwar il-​kwistjonijiet li Satana qajjem rigward is-​sovranità divina u l-​integrità umana? Nerġgħu ngħidu le. Jafu n-​nies inġenerali għala nixjieħu u mmutu? Għal darb’oħra rridu ngħidu le. Qegħdin l-​abitanti kollha taʼ l-​art jirrealizzaw li s-​Saltna t’Alla qiegħda issa taħkem u li aħna qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem? Huma konxji mill-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar? Għandhom il-​bnedmin kollha għarfien taʼ min jorbot fuqu dwar kif ikollhom ħajja tal-​familja hienja? U jafu l-​mases tan-​nies li ħajja ferrieħa fil-​Ġenna hija l-​iskop tal-​Ħallieq tagħna għall-​umanità ubbidjenti? Għal dawn il-​mistoqsijiet ukoll it-​tweġiba hija le. Jidher ċar, allura, li l-​umanità teħtieġ l-​għarfien dwar Alla.

12. Kif nistgħu nqimu lil Alla “fl-​ispirtu u l-​verità”?

12 L-​umanità teħtieġ ukoll l-​għarfien dwar Alla minħabba dak li Ġesù qal f’talba fl-​aħħar lejl tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. L-​appostli tiegħu bil-​fors li kienu mqanqlin profondament meta semgħuh jgħid: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem: li jagħarfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Li napplikaw għarfien bħal dan huwa l-​uniku mod li bih inqimu lil Alla b’mod aċċettabbli. “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità,” qal Ġesù. (Ġwann 4:24) Aħna nqimu lil Alla “fl-​ispirtu” meta niġu mqanqlin minn qlub mimlijin fidi u mħabba. Kif inqimuh ‘bil-​verità’? Billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu u nqimuh skond il-​verità rrivelata tiegħu​—it-​“tagħrif [“l-​istess għarfien,” NW] taʼ Alla.”

13. Liema ġrajja hija ddokumentata f’Atti 16:25-34, u x’nistgħu nitgħallmu minnha?

13 Eluf jibdew iqimu lil Jehovah kull sena. Madankollu, iridu studji tal-​Bibbja jiġu kondotti maʼ nies interessati għal żmien twil, jew huwa possibbli għal uħud taʼ qalb onesta li jaslu sal-​punt tal-​magħmudija iktar malajr? Sewwa, ikkunsidra dak li ġara fil-​każ tal-​kalzrier u dawk taʼ daru msemmijin f’Atti 16:​25-34. Pawlu u Silas kienu ġew mitfugħin fil-​ħabs ġewwa Filippi, imma f’nofs taʼ lejl, terremot qawwi fetaħ il-​bibien tal-​ħabs. Billi ħaseb li l-​priġunieri kollha kienu ħarbu u li kien se jiġi kkastigat bl-​aħrax, il-​kalzrier kien fil-​punt li jikkommetti suwiċidju meta Pawlu qallu li huma kienu kollha hemmhekk. Pawlu u Silas “ħabbrulu l-​kelma tal-​Mulej, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru.” Dak il-​kalzrier u l-​familja tiegħu kienu Ġentili li ma kellhom ebda sfond fl-​Iskrittura Mqaddsa. Madankollu, f’dak il-​lejl wieħed, saru kredenti. Iktar minn hekk, “bla telf taʼ żmien tgħammed hu u niesu kollha.” Dawk kienu ċirkostanzi mhux tas-​soltu, imma wħud ġodda ġew mgħallmin veritajiet bażiċi u mbagħad tgħallmu affarijiet oħrajn fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Xi ħaġa simili għandha tkun possibbli llum.

Il-​Ħsad Huwa Kbir Ħafna!

14. Għala hemm ħtieġa li nikkonduċu numru akbar taʼ studji tal-​Bibbja effettivi f’perijodu iqsar taʼ żmien?

14 Tkun ħaġa tajba li kieku x-​Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jikkonduċu numru akbar taʼ studji tal-​Bibbja effettivi f’perijodu iqsar taʼ żmien. Hemm ħtieġa reali għal dan. F’pajjiżi taʼ l-​Ewropa tal-​Lvant, per eżempju, in-​nies ikollhom jitniżżlu f’lista biex jistennew għal studju tal-​Bibbja. Dak jiġri wkoll f’postijiet oħrajn. F’belt waħda fir-​Repubblika Dominikana, ħames Xhieda tant kellhom rikjesti li ma setgħux jikkonduċu l-​istudji kollha. X’għamlu? Inkuraġġew lil uħud interessati biex jattendu l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna u jitniżżlu fuq lista biex meta jmisshom ikollhom studju tal-​Bibbja. L-​istess sitwazzjoni teżisti f’ħafna postijiet madwar l-​art.

15, 16. X’ġie pprovdut biex inxerrdu l-​għarfien dwar Alla iktar malajr, u x’inhuma xi fatti dwar dan?

15 Territorji vasti​—għelieqi kbar għall-​ħsad—​qegħdin jinfetħu għan-​nies t’Alla. Għalkemm Jehovah, “Sid il-​ħsad,” qiegħed jibgħat iktar ħaddiema, għad hemm ħafna xi jsir. (Mattew 9:37, 38) Biex ixerred l-​għarfien dwar Alla iktar malajr, għalhekk, l-​‘irsir leali’ pprovda xi ħaġa li tforni b’mod konċiż informazzjoni speċifika sabiex studenti tal-​Bibbja jistgħu jagħmlu progress spiritwali f’kull lezzjoni. Din hija pubblikazzjoni ġdida li tistaʼ tiġi mgħoddija fi studji tal-​Bibbja fid-​djar pjuttost malajr​—forsi fi ftit xhur. U tistaʼ tinġarr faċilment fil-​basktijiet tagħna, jew saħansitra fil-​bwiet tagħna! Il-​mijiet t’eluf miġburin fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah “Uħud Li Jfaħħru Ferħanin” ħadu gost li jirċievu dan il-​ktieb ġdid taʼ 192 paġna intitolat Knowledge That Leads to Everlasting Life [Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem].

16 Kittieba f’diversi pajjiżi ppreparaw materjal li ġie ffinalizzat bir-​reqqa għall-​ktieb Għarfien. Dan għandu għalhekk ikollu appell internazzjonali. Imma se ddum din il-​pubblikazzjoni ġdida ma tiġi maħruġa fil-​lingwi tan-​nies madwar id-​dinja? Le, għaliex ktieb taʼ 192 paġna jistaʼ jiġi tradott iktar malajr minn kotba akbar. S’Ottubru taʼ l-​1995, il-​Kumitat tal-​Kitba tal-​Ġemgħa li Tiggverna kien approva t-​traduzzjoni taʼ dan il-​ktieb mill-​Ingliż għal iktar minn 130 lingwa.

17. Liema fatturi għandhom jagħmluha iktar faċli biex nużaw il-​ktieb Għarfien?

17 Affarijiet speċifiċi f’kull kapitlu tal-​ktieb Għarfien għandhom jagħmluha possibbli għall-​istudenti biex jagħmlu progress spiritwali bil-​ħeffa. Il-​ktieb jippreżenta veritajiet Skritturali b’mod inkuraġġanti. Ma joqgħodx itambar fuq duttrini foloz. Il-​lingwaġġ ċar u l-​iżvilupp loġiku għandhom jagħmluh faċli li wieħed juża l-​ktieb biex jikkonduċi studji tal-​Bibbja u jgħin lin-​nies jifhmu l-​għarfien dwar Alla. Barra mill-​iskritturi kkwotati, hemm testi Bibliċi ċċitati li l-​istudent jistaʼ jfittex bħala preparazzjoni għad-​diskussjoni. Dawn jistgħu jinqraw matul l-​istudju skond kemm ikun jippermetti l-​ħin, għalkemm ma jkunx għaqli li wieħed idaħħal materjal ieħor li jistaʼ jċajpar il-​punti prinċipali. Minflok, dawk li jikkonduċu studji tal-​Bibbja għandhom jipprovaw jifhmu u jwasslu għand l-​istudent dak li l-​ktieb qiegħed jagħti prova tiegħu f’kull kapitlu. Dan ifisser li l-​għalliem irid jistudja b’mod diliġenti, sabiex il-​ħsibijiet prinċipali jkunu ċari ferm f’moħħu.

18. Liema suġġerimenti qegħdin isiru rigward l-​użu tal-​ktieb Għarfien?

18 Kif jistaʼ l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem iħaffef ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli? Dan il-​ktieb taʼ 192 paġna jistaʼ jiġi studjat f’perijodu komparattivament qasir, u dawk “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem” għandhom ikunu jistgħu jitgħallmu biżżejjed permezz taʼ studju minn fuqu biex jagħmlu dedikazzjoni lil Jehovah u jitgħammdu. (Atti 13:48, NW) Mela ejjew nagħmlu użu tajjeb mill-​ktieb Għarfien fil-​ministeru. Jekk student tal-​Bibbja diġà studja parti sostanzjali minn ktieb ieħor, jistaʼ jkun prattiku li dan jitlesta. Inkella, huwa ssuġġerit li l-​istudji tal-​Bibbja jibdew isiru minn fuq il-​ktieb Għarfien. Wara li titlesta din il-​pubblikazzjoni l-​ġdida, m’huwiex issuġġerit li studju jiġi kondott maʼ l-​istess student fuq ktieb ieħor. Dawk li jħaddnu l-​verità jistgħu jagħmlu l-​għarfien tagħhom komplut billi jattendu l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah kif ukoll billi jaqraw il-​Bibbja u diversi pubblikazzjonijiet Kristjani waħedhom.—2 Ġwann 1.

19. Qabel ma nikkonduċu studji tal-​Bibbja fuq il-​ktieb Għarfien, għala jkun t’għajnuna li wieħed jirrevedi paġni 175 sa 218 fil-​ktieb Organized to Accomplish Our Ministry?

19 Il-​ktieb Għarfien ġie miktub bl-​oġġettiv li jgħin lil persuna biex twieġeb il-​mistoqsijiet kollha li l-​anzjani jirrevedu maʼ pubblikaturi mhux mgħammdin li jixtiequ jitgħammdu bħala Xhieda taʼ Jehovah. Għalhekk, qabel ma tibda din il-​pubblikazzjoni ġdida maʼ l-​istudji tal-​Bibbja tiegħek tal-​preżent, huwa rrikkmandat li tqattaʼ ftit sigħat biex tirrevedi l-​mistoqsijiet f’paġni 175 sa 218 tal-​ktieb Organized to Accomplish Our Ministry.a Dan se jgħinek tenfasizza t-​tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn matul l-​istudji tal-​Bibbja fil-​ktieb Għarfien.

20. X’int tippjana li tagħmel bil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem?

20 In-​nies kullimkien għandhom bżonn jisimgħu din l-​aħbar tajba. Iva, l-​umanità teħtieġ l-​għarfien dwar Alla, u Jehovah għandu lix-​Xhieda tiegħu biex jagħmlu dan magħruf. Issa għandna ktieb ġdid ipprovdut minn Missierna tas-​sema kollu mħabba permezz taʼ l-​irsir leali u diskret. Se tużah int biex tgħallem il-​verità u ġġib unur fuq l-​isem qaddis taʼ Jehovah? Jehovah żgur li se jbierkek hekk kif tagħmel kull sforz biex tagħmel disponibbli għal ħafna l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (w96 1/15)

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Kif Twieġeb Int?

◻ Kif kont tiddesriviha int il-​qalb figurattiva?

◻ X’inhu l-​għarfien dwar Alla?

◻ L-​għarfien dwar Alla għala huwa meħtieġ mill-​umanità?

◻ Liema ktieb ġdid huwa disponibbli, u kif qiegħed int tippjana li tużah?

[Stampa f’paġna 5]

Hemm ħafna raġunijiet għala l-​biljuni taʼ l-​art jeħtieġu l-​għarfien dwar Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja